Alex Agius Saliba | Baġit b'ruħ soċjali
Dan huwa Gvern b’enerġija kbira u li jsawwar kuraġġ fil-poplu u fl-industriji li jżommu l-ekonomija ta’ pajjiżna reżiljenti. Għandna tassew għalxiex inkunu kburin b’dak li bħala poplu qegħdin niksbu flimkien
Il-Baġit għas-sena d-dieħla li ħabba il-Gvern din il-ġimgħa kien wieħed milqugħ tajjeb ħafna mill-maġġoranza tal-popolazzjoni. U bir-raġun għaliex nemmen li kien wieħed mill-iktar baġits b’ruħ soċjali li ġie ppreżentat f’pajjiżna, mimli b’miżuri importanti li ser ikunu qed ikomplu jgħinu lill-familji u lin-negozji tagħna.
Huwa baġit sinifikattiv ħafna, aktar u aktar meta wieħed jikkunsidra li ġie fi żmien tant prekarju għad-dinja bit-taħbit u l-isfidi kollha li kellna naffaċċjaw minħabba l-pandemija li ħallew effett detrimentali qawwi fuq l-ekonomija bħal f’kull pajjiż ieħor. Ħadt pjaċir ħafna nara li l-Gvern ma ħax it-triq il-komda li jitfa piżijiet fuq il-bwiet tan-nies biex iserraħ il-finanzi tiegħu, imma minflok qed jara li jinvesti aktar ħalli nkomplu noħorġu mill-pandemija bla dewmien.
Dan mhux b’kumbinazzjoni. Din hija l-politika tal-Gvern li dejjem ra li jixpruna l-ekonomija u jagħti s-sapport kollu neċessarju, Gvern li jqassam il-ġid u jara li kulħadd ikun f’qagħda li jagħmel pass biex jinvesti u jdawwar l-ekonomija. Nieħu spunt mill-kritika tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, li daqq il-mota mewwieta tiegħu tas-soltu, u din id-darba żied jgħid ukoll li l-Gvern huwa ħali.
Dikjarazzjonijiet bħal dawn ikomplu jixhdu kemm il-Partit Nazzjonalista huwa bla viżjoni u mingħajr saħħa biex jagħraf x’għandu bżonn il-pajjiż. Mhux ta’ b’xejn dejjem ikompli jnaqqas fil-popolarita’ u bl-istess mod, mhux b’kumbinazzjoni li l-Gvern Laburista qiegħed dejjem ikompli jżid l-appoġġ. Il-pajjiż għandu bżonn Gvern kuraġġjuż li kapaċi jmexxi, u mhux politiċi falluti, negattivi u bla viżjoni.
Fil-fehma tiegħi, il-baġit ta’ din is-sena huwa partikolari għaliex il-bosta miżuri li ġew imħabbra qiegħdin isiru f’kuntest ta’ riformi, strateġiji u miri li fassal il-Gvern matul l-aħħar xhur, inkluż il-viżjoni ekonomika, ir-riforma istituzzjonali u t-tisħiħ tas-saltna tad-dritt, u l-istrateġija tax-xogħol li tħabbret dan ix-xahar.
Rajna diversi miżuri li ġew imġedda u kif ukoll żidied fl-għajnuniet li dan il-Gvern qiegħed ikompli jagħti lil ħafna nies inkluż liż-żgħażagħ biż-żieda ta’ 10% fl-istipendji u kif ukoll lill-anzjani biż-żidied fil-penzjonijiet, lil persuni b’diżabbilita’ u lill-familji tagħhom, u kif ukoll lill-ġenituri permezz ta’ għotjiet diretti. Miżura importanti oħra hi dik tal-estenzjoni tac-childcares b’xejn għal kulħadd li issa hija aktar aċċessibbli f’ħinijiet miżjuda biex tolqot lill-aktar familji. Għal darb’oħra rajna lill-Gvern ikompli jinċentiva lin-nies biex ikomplu jipparteċipaw fid-dinja tax-xogħol permezz ta’ in-work benefits u anke nuqqas fit-taxxa tad-dħul fost miżuri oħrajn.
Sezzjoni importanti ħafna mill-baġit li għandha wkoll titlu verament adattat hija dik iffukata fuq il-ħolqien ta’ pajjiż li nieħdu pjaċir ngħixu fih. Ilkoll nafu li fuq rasna għandna sfidi ambjentali u miri relatati mal-klima li rridu naħdmu ħafna biex insostnuhom.
Laqatni ħafna l-fatt li l-Gvern alloka fondi biex apparti li tkompli tingħata aktar għajnuna lil dawk li qed jixtru l-propjeta’ tagħhom, ser tkun qed tingħata ħafna aktar għajnuna lil min ikun qed jirrenova jew jirrestawra djar abbandunati b’importanza speċifika lit-tisbieħ fl-ambjent urban biex jiżdiedu l-karatteristiċi Maltin madwarna. Aktar minn hekk huwa nkoraġġanti ferm il-fatt li kompliet tiżdied l-għajnuna lil min qiegħed jinvesti f’vetturi moderni eletriċi u ibridi li ma jniġġsux, u ġew allokati aktar fondi sabiex issir it-tranżizzjoni wkoll fil-flotta ta’ vetturi tat-trasport pubbliku.
Impressjonanti l-fatt li pajjiżna ser ikun it-tieni Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li ser ikun qiegħed jagħti trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd sabiex jaqta’ d-dipendenza fuq trasport individwali. Dan minbarra l-bosta miżuri ambjentali oħra, inkluż għoxrin miljun ewro għall-proġett ta’ afforestazzjoni ta’ nofs miljun metru kwadru ta’ art, li ser ikomplu jressquna l-quddiem sabiex ikollna pajjiż aktar ambjentali.
Kien hawn min ried jgħid li kien baġit b’saħħtu għaliex potenzjalment jista’ jkun li huwa l-aħħar wieħed qabel elezzjoni ġenerali. Nemmen li bir-rekord ta’ riżultati li kisbu l-Gvernijiet Laburisti f’dawn l-aħħar tmien snin, żgur li mhux ġustifikat li wieħed jagħmel tali dikjarazzjonijiet, speċjalment meta nafu kemm baġit wara ieħor il-Gvern kompla jibni u jikkonsolida fuq ix-xogħol kbir li sar fl-aħħar snin.
Aħna xxurtjati li għandna Gvern b’viżjoni ekonomika b’saħħitha li jaf fejn sejjer, aktar u aktar meta wieħed jikkumpara ma’ dak li għaddej fi Stati Membri oħra fejn il-gvernijiet qegħdin għal darb’oħra jirrikorru għall-politika skaduta tal-awsterità’.
Għalhekk l-ekonomija ta’ pajjiżna hija b’saħħitha, għax għandna Gvern li qed jagħti d-direzzjoni meħtieġa. Dan huwa Gvern b’enerġija kbira u li jsawwar kuraġġ fil-poplu u fl-industriji li jżommu l-ekonomija ta’ pajjiżna reżiljenti. Għandna tassew għalxiex inkunu kburin b’dak li bħala poplu qegħdin niksbu flimkien.