Editorjal | Se niġġieldu lura f'isem dawk li ma jistgħux!
Li ġimgħa wara ġimgħa din il-gazzetta tibqa' tibgħat il-mistoqsijiet u dawn ma jitweġbux hija nuqqas gravi ta' trasparenza! U ta' din irid iwieġeb il-Ministru kkonċernat!
Dan il-pajjiż Repubblika u f'din ir-Repubblika ma hawn ebda repubblika oħra separata bil-liġijiet għaliha. Il-Faċilità Korrettiva ta' Kordin hija parti minn Malta, mhux Malta għaliha u kull min jaħdem fil-Faċilità - imma b'mod speċjali l-ogħla uffiċjali tal-Ħabs - huma mħallsin minn flus il-poplu u jirrispondu għall-poplu. Jew inkella jirrispondi għalihom min huwa elett mill-poplu u poġġa lil dawn in-nies f'posthom.
Stejjer dwar il-ħabs issa ilna nisimgħu. Nies imutu b'suwiċidju fil-ħabs issa ilna nisimgħu wkoll. Smajna u qrajna b'wieħed mill-aħħar vittmi u kif dan beda juri sinjali koroh ta' disprament. Rajna u qrajna kif beda jħabbat rasu ma' ħajt meta ma ħallewhx jagħmel xi xogħol fil-ħabs jew inkella kif fl-aqwa tas-sajf lanqas riedu jagħtuhom fann. Dan mhux sorsi qaluha! Qalha priġunier ħabib tal-vittma b'wiċċu jidher ma' The Sunday Times u qalha Peppi Azzopardi - on record - fuq din il-gazzetta!
Fi tliet snin mietu 13-il persuna, ħamsa minnhom b'suspett ta' suwiċidju u wieħed b'suwiċidju. Dan biss ukoll għandu jwaqqafna u jħassibna u jġiegħlna nistaqsu l-affarijiet humiex mexjin sew! Imma xejn minn dan! Responsabilità politika xejn u qisu ma ġara xejn.
Sa Lulju li għadda - minn 12-il mewt - kienu ħames inkjesti biss li ġew konklużi!
Imbagħad kellna stejjer fuq gazzetti differenti dwar id-Direttur jiġri bl-arma u jgħajjat u jispara fuq il-ħamiem u jhedded lin-nies fil-ħabs - qisu hemm ġew xi Repubblika mislufa lilu għax - kif qalilna gwardjan, jgħidilhom "hawn ġew jien Alla"!
Sakemm ma' din il-gazzetta rabba l-kuraġġ li jitkellem eks gwardjan f'intervista bla kantunieri - bniedem li diġà ingħata raġun mill-Ombudsman illi tkeċċa mix-xogħol b'mod inġust! Bniedem li qalilna kif id-Direttur joqgħod jiġġerra bl-arma u jhedded biha!
Eks-gwardjan li dak li qal b'wiċċu jidher qaluhulna u kkonfermawha wkoll nies li forsi ma għandhomx il-kuraġġ li għandu Emmanuel Cassar!
U minflok issir evalwazzjoni ta' dak li qal Cassar u minflok naraw għaliex ġara dak li qed jgħid li ġara, nagħmlu kampanja maħmuġa biex niskreditawh, bħalma kien hemm kampanja bex jiġi skreditat dak il-priġunier li tkellem ma' gazzetta oħra!
Basta kollna whistleblowers u protezzjoni! U minflok nisimgħu lil min jiftaħ ħalqu, nippruvaw insallbuh!
Issa din il-gazzetta, apparti li staqsiet diversi nies li għandhom esperjenzi diretti mal-priġunieri, staqsiet ukoll u tat lid-Direttur l-ispazju kollu biex jitkellem u jwieġeb. Saħansitra tlabnih jaċċetta li nintervistawh! Imma xejn, ġimgħa wara ġimgħa! Ħadd ma jirrispondi, ħadd ma jagħti sodisfazzjon, ħadd ma jwieġeb.
Minflok Dalli fetaħ libell kontra din il-gazzetta u kontra Emmanuel Cassar għax ħassu malafamat b'dak li qal eks ħaddiem tiegħu stess. Naċċertawh li hemm ħafna eks ħaddiema u ħaddiema preżenti tiegħu li qed ikellmuna u jċemplulna u jgħidulna bi ħniżrijiet li qed iseħħu, ħniżrijiet li f'dan l-istadju nittamaw biss li mhumiex minnhom!
Imma fl-aħħar mill-aħħar, the buck stops wth the Minister! Għal Dalli jitkellem għalih, il-Ministru Byron Camilleri. Ma jistax ikun ikollok għal darba, tnejn, tlieta akkużi ta' din in-natura...ġejjin minn priġunieri, ħaddiema, "ħbieb" tad-Direttur, fuq The Times, fuq il-Maltatoday, nies qed jiġu u jċemplu lill-gazzetta ILLUM, nies li qed imorru jkellmu lil Peppi u Andrew Azzopardi u dan kollu gideb u kollu fantaxjenza! Mistoqsijiet leġittimi staqsejna, aħna u afna oħrajn magħna.
Ħadd mhu jgħid li l-Ħabs għandna mmexxuh bil-proża u lanqas bil-poeżija u ħadd mhu jgħid li għandu jsir lukanda. Imma għandu jitmexxa, iva, b'trasparenza.
Li ġimgħa wara ġimgħa din il-gazzetta tibqa' tibgħat il-mistoqsijiet u dawn ma jitweġbux hija nuqqas gravi ta' trasparenza! U ta' din irid iwieġeb il-Ministru kkonċernat!
Ma tgħallem xejn il-Gvern mill-qassatat li għamel Lawrence Cutajar? Minn nuqqas ta' informazzjoni lill-midja fi żmienu bħala Kummissarju tal-Pulizija!?
Tajna u se niqbgħu nkunu disposti li nagħtu l-ispazju lid-Direttur tal-Ħabs biex iwieġeb il-mistoqsijiet tagħna. Sa issa huwa hu, li ddeċieda li jiġġieled bil-libelli minflok iwieġeb mistoqsijiet diretti u ċari. U aħna se nwieġbu lura!
U se nerġgħu nistaqsu f'dan l-editorjal għax xogħolna dak li hu, li nistaqsu, mhux li nċapċpu u nilgħaqu! Forsi xi darba, xi ħadd iwieġeb:
1. Sorsi mill-ħabs qalulna li inti kontinwament timxi fil-kurituri tal-ħabs armat b’arma tan-nar? Tikkonferma dan? Taħseb li dan huwa neċessarju?
2.Huwa minnu li kien hemm drabi fejn l-arma użajtha biex thedded lill-priġunieri, inkluż meta dawn ma joqgħodux għall-istruzzjonijiet?
3. Qalulna wkoll li ta’ sikwit, toħroġ fil-bitħa u tispara fuq il-ħamiem? Tikkonferma dan?
4. Huwa minnu li fuq struzzjonijiet tiegħek, hemm ħitan fil-ħabs li qed jinżebgħu suwed? Għaliex tajt din l-istruzzjoni
5.Huwa minnu li l-ispezzjonijiet fiċ-ċelel qed isiru minn gwardjani armati bil-lembuba u t-tarka? Għaliex?
6. Minnu li l-priġunieri jispiċċaw b’kastig għal kull ħaġa ta’ xejn? Pereżempju minnu li jekk jonxru u ma jneħħux il-ħwejjeġ fil-ħin, dawn taqbdu u tarmuhom?
7. Kull gwardjan tal-ħabs, għandu aċċess għall-bnadi kollha tal-Faċilità? Huwa minnu li hemm gwardjani li ma jitħallew qatt jidħlu f’Diviżjoni 6?
8. Ma taħsibx li għandek terfa’ responsabbilità għall-imwiet li seħħew fil-ħabs fi żmien kemm ilek tmexxih?