Robert Cutajar | Nissalvagwardjaw l-ambjent
'Huwa ovvju, li l-wegħda tal-Labour li l-ambjent se jingħata prijorità, ma kienet xejn ħlief kliem vojt'
Ma tgħaddix ġurnata li ma toħroġx fil-beraħ prova oħra tan-nuqqas kbir ta’ rispett min-naħa tal-Labour anke għall-aktar standards ambjentali bażiċi.
Huwa ovvju, li l-wegħda tal-Labour li l-ambjent se jingħata prijorità, ma kienet xejn ħlief kliem vojt. Ftit tal-jiem ilu l-Prim Ministru tagħna kien qed iserraħ moħħ l-udjenza tiegħu li s-siġar li ħafna beżgħu li jinqalgħu biex jagħmlu post għall-proġett tas-Central Link ta’ Ħ’Attard fil-fatt ġew ippreservati. Il-Prim Ministru jew jaħseb li l-poplu hu iblah, jew inkella huwa kompletament distakkat mir-realtà. Kull min jgħaddi minn dan il-proġett li għadu mhux komplut jista’ jara li s-siġar li kellhom jiġu ppreservati fil-fatt qed imutu bil-mod minħabba nuqqas ta’ kura xierqa minn Infrastructure Malta. Dawn is-siġar qodma tal-arżnu ilhom jingħataw protezzjoni sa mill-inqas mill-1949, u anki dawn l-aħħar snin permezz ta' regolamenti għall-protezzjoni tas-siġar. Madankollu, huma ma ħelsux mill-attakk barbaru u mill-aktar qerriedi ta’ Infrastructure Malta. Il-PN m'għandux jippermetti l-qerda sistematika bla bżonn tas-siġar. Għall-kuntrarju, se nkunu qed niddokumentaw is-siġar bil-ħsieb li nippreservawhom, peress li nirrikonoxxu l-importanza tagħhom anke għall-preservazzjoni tal-bijodiversità urbana.
Għalkemm improbabbli, ejja nassumu biss li l-Prim Ministru ma rax hu stess l-atroċitajiet li qed isiru, u nagħtuh il-benefiċċju tad-dubju. Madankollu, il-Ministru Ian Borg, li żgur jgħaddi regolarment minn dawk l-akwati fejn qed isir il-proġett tiegħu stess fi triqtu lejn ix-xogħol mid-dar jew viċi versa, ma jistax jiġi skużat għax ma rax il-qerda. Madankollu għandna Gvern li għandu l-kuraġġ jigdeb f'wiċċna anke fuq fatti li jara kulħadd, aħseb u ara fuq affarijiet li jsiru bil-bibien magħluqa. Dan iwassalni għall-punt li jmiss, il-marina ta’ Wied il-Għajn.
Jidher evidenti li l-Gvern Laburista diġà huwa kommess li jiżviluppa l-marina akkost ta’ kollox. Skont il-Ministru responsabbli minn Transport Malta, jiġifieri Ian Borg stess, li jidher li ħalef li jeqred dak kollu li fadal mill-wirt naturali u kulturali ta’ Malta, il-proġett huwa meħtieġ biex jirmiġġa n-numru dejjem jiżdied ta’ dgħajjes tad-divertiment. Jgħidilna li f’sitwazzjoni bħal din, il-pajjiż iħabbat wiċċu ma’ tliet għażliet – jew jieqaf jirreġistra dgħajjes, jew jistabbilixxi yacht yards fuq l-art, jew inkella jiżviluppa marina, b'din l-aħħar għażla tkun l-aktar waħda fattibbli. Madankollu, b'mod stramb il-Ministru jonqos milli jirrikonoxxi li s-sit magħżul se jkun suġġett għal livell għoli ta’ degradazzjoni ambjentali tant li l-proġett m'għandux imqar biss jibda.
Forsi nistgħu naħfru lill-Prim Ministru għax ma jafx x’inhu tabilħaqq għaddej bis-siġar milquta mis-Central Link Project f’Ħ’Attard, imma f’dan il-każ, il-marina qed tiġi proposta propju viċin ferm ir-residenza tiegħu. Il-Prim Ministru jista’ jara faċilment kemm nies jagħmlu użu minn din il-bajja u li se jiġu mċaħħda mit-tgawdija ta’ post bħal dan biex ftit sidien ta’ dgħajjes ikunu jistgħu jirmiġġaw id-dgħajsa tagħhom hemmhekk. Jista’ jara l-istat attwali u mhux mittiefes tal-ambjent naturali tal-baħar t'hemm li se jinqered bit-tħammil, ir-reklamazzjoni tal-art u l-kostruzzjoni tal-breakwater. Jista’ jara l-isforzi tal-NGOs ambjentali biex jissalvagwardjaw wieħed mill-ftit ħabitats f'Malta tal-ilma salmastru li fadal fil-Magħluq.
Bl-istess mod, f’Kemmuna fejn l-impatt fuq l-ambjent naturali ta’ dan is-sit protett ma ġiex ikkunsidrat, il-Ministeru ta’ Għawdex ħaffer trinek kbar illegalment, apparentement għall-gabbani tal-ikel. Hawn ingħata asfalt lit-triq mal-bajja pittoreska tal-Blue Lagoon mingħajr permess mill-ERA jew mill-PA. Il-Prim Ministru jrid jassigurana li l-istituzzjonijiet qed jaħdmu, iżda wara li, f’isem il-PN, kont irrapportajt l-abbuż lill-ombudsman ambjentali, li min-naħa tiegħu kkonferma u tani raġun dwar dan l-abbuż u ordna li dan l-intervent abbużiv jitreġġa' lura, dan ma seħħx. Anzi spiċċa sfidat b’mod arroganti u rresponsabbli mit-tmexxija tal-Awtorita tal-Ippjanar. Biex tgħaxxaqha, is-sit issa ġie suġġett għal aktar abbuż mill-operaturi tal-kiri tad-deckchairs li jokkupaw art pubblika bid-deckchairs tagħhom bl-esklużjoni taċ-ċittadin komuni, mingħajr ebda kontrolli.
Barra minn hekk, il-PN għandu jassigura li d-drittijiet tal-poplu għat-tgawdija tal-art pubblika u l-aċċess għall-kosta jkunu verament salvagwardjati mill-abbuż. Il-PN huwa determinat ukoll, li ladarba jkun fil-Gvern, jassigura li żoni abbandunati u traskurati jiġu riabilitati u mogħtija lura lill-pubbliku u li jfittex żoni f’kull belt jew raħal li jistgħu jiġu trasformati f’żoni pedonali. Proposti bħal dawn huma dawk li verament iwasslu għal kwalità ta’ ħajja aħjar għaċ-ċittadini kollha tal-Gżejjer Maltin.
Il-poplu dalwaqt jerġa’ jintalab jagħżel partit biex jiggverna f’ismu. Il-parir tiegħi lill-elettorat hu li minn issa jibda jaħseb dwar l-għażliet li għandna quddiemna u jagħraf il-proposti mressqa mill-PN dwar il-ħarsien xieraq tal-ambjent. Il-PN biss jista’ jwaqqaf din il-qerda u l-abbuż kontinwu bla sens f’lokalità wara l-oħra b’kompliċita ta’ entitajiet tal-Gvern bil-barka tal-istess Gvern. Huwa l-PN li jista’ jħares bis-serjetà b’viżjoni sabiex l-ambjent ikun salvagwardat għall-ġid u fl-interess tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.