Editorjal | Imma għaliex qed nitkellmu fuq il-Ħabs?
Għamlu dak li huwa sew. Għamlu dak li huwa ta' ġieħ, lejkom infuskom lejn il-kariga tagħkom u lejn l-uniformi li tilbsu. Lejn il-ħalfa li ħadtu quddiem il-poplu, għażiż Ministru. Għamlu dak li huwa ġust u tafu x'inhu ġust u tafu x'inhu sew!
Huwa tajjeb li l-Pulizija tinvestiga stejjer u allegazzjonijiet mill-aktar sejri ta' persuni li kienu jew għadhom qed jaħdmu jew huma preżenti fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin. Dan l-editorjal jilqa' l-mod spedit illi bih il-Kummissarju tal-Pulizija sejjaħ diversi nies quddiem il-Pulizija - inkluż eks gwardjan li tkellem ma' din il-gazzetta ftit ġimgħat ilu, b'wiċċu u ismu jidhru, u qal x'ra u ma rax jiġri quddiem wiċċu fil-ħabs.
Sa issa la kien hemm ċaħdiet, la kien hemm tweġibiet u lanqas kien hemm spjegazzjonijiet dwar dak li qal Cassar. Kien hemm biss libell u l-Pulizija ċaqalqet l-affarijiet biex tinvestiga.
Iżda mhux il-Pulizija biss qed tinvestiga. Dwar it-tmexxija tal-ħabs nafu wkoll li hemm għaddejja inkjesta ministerjali u fl-aħħar jiem sirna nafu wkoll li anke l-Ombudsman, fuq inizjattiva tiegħu stess, nieda investigazzjoni fl-4 ta’ Novembru. Dan apparti inkjesti maġisterjali, fuq imwiet oħra li għadhom pendendi.
Madanakollu, minkejja dawn l-investigazzjonijiet kollha, Alex Dalli “ssospenda lilu nnifsu” biss wara l-erbatax-il mewta fi żmien it-tmexxija tiegħu. Ma tistax ma tistaqsix! Kellna nistennew mewta oħra u kellna nħallu f’idejn Dalli l-għażla jekk jitlaqx jew le?
Dalli kellu jkun sospiż immedjatament wara li sirna nafu li qed ikun investigat u mhux jingħata ċ-ċans, kif irrapportat din l-istess gazzetta, li jwettaq “manuvri” u “pjaċiri” bl-addoċċ sabiex dak li kien imkisser, dak li ma kienx sew, anzi dak li kien ħażin jitranġa għal ftit sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet u l-libell.
Ħa ngħiduha kif inhi: Jekk l-istejjer tal-ILLUM qed iwasslu biex l-affarijiet li ma kinux qed isiru sew, jibdew isiru sew, mela allura l-għan ta' din il-gazzetta jkun qed jintlaħaq. Għaliex l-għan tagħna, qabel kwalunkwe prezz politiku u qabel kwalunkwe battalja immaġinarja li hemm min jaħseb li qed nagħmlu kontrih, hemm il-benesseri tal-ħabsin. Li dawn jiġu dejjem trattati ta' bnedmin u li jkun hemm qafas b'saħħtu li jaċċerta li ma jsirux ħniżrijiet. Li nies li qed jikorbu għall-għajnuna u li qegħdin fix-xifer jingħataw l-għajnuna li hemm bżonn. Li min qiegħed, iħallas prezz iħallsu, imma jħallsu bid-dinjità mistħoqqa u mixtieqa u mistennija f'faċilità korrettiva f'pajjiż tal-punent.
Mal-ILLUM u ma' mezzi tax-xandir oħrajn tkellmu ħafna nies, eks ħabsin, ħabsin, eks gwardjani, gwardjani kurrenti, ġenituri u qraba ta' persuni li jinsabu l-Ħabs u oħrajn. Dan mhux każ ta' Emmanuel Cassar waħdu. Jew każ ta' din il-gazzetta waħedha - għalkemm hija din il-gazzetta l-aktar li bħalissa qed tagħfas fuq din il-kwistjoni. Din hija materja ta' ħafna wċuħ u ta' ħafna nies u l-Prim Ministru u l-Ministru Byron Camilleri għandhom jaraw li fejn jeħtieġ isiru l-bidliet, dawn iseħħu. Mhux biex inpaxxu lil xi ħadd, jew biex xi ħadd jiddikjara rebħa. Imma biex il-ħabsin ikunu trattati b'dinjità u biex aħna lkoll naċċertaw rwieħna li dan qed isir, li naċċertaw rwieħna li kull min jidħol hemm ġew jieħu l-kastig - iva - imma b'dinjità u b'umanità.
Din mhux kwistjoni ta' Nazzjonalisti u Laburisti. Għallinqas għal dan l-editorjal żgur li mhijiex. Din mhix kwistjoni ta' qabel aħjar minn issa jew Beppe Fenech Adami aħjar minn Byron Camilleri.
Din hija kwistjoni waħda: Dinjità, umanità, rispett - anke lejn dawk li weġġgħu lis-soċjetà.
Mela dan l-Editorjal jixtieq iħeġġeġ lil aktar nies ikomplu jitkellmu u jsemmgħu leħinhom għax huwa b'dan il-mod biss li l-affarijiet jistgħu tassew jinbidlu. Huwa b'dan il-mod biss li l-affarijiet jistgħu tassew jitjiebu u huwa b'dan il-mod biss li l-għan kollettiv tagħna jintlaħaq.
Nafu li din mhix kwistjoni popolari. Nafu li ħafna jeħduha kontra l-pożizzjoni li qed tieħu din il-gazzetta. Għax huwa aktar faċli li ssakkar u tarmi ċ-ċavetta, it-tpattija hija reazzjoni naturali sakemm wara dak il-bieb ma jkunx hemm ibnek jew bintek, missierek jew ommok!
Il-libell jinstema'. Il-Qorti tiddeċiedi. Pero' l-għada tad-deċiżjoni - tkun xi tkun u tittieħed meta tittieħed, xogħolna ma jiqafx sakemm ikun hemm ċertezza li min jinsab wara dawk il-ħitan u min qed iħallas prezz tal-ħażin li jwettaq, iħallsu b'dinjità. Mhux b'dinjità taċ-ċejċa mixtrija, biex nidhru ħelwin għall-bżonn. Imma dinjità vera.
Għamlu dak li huwa sew. Għamlu dak li huwa ta' ġieħ, lejkom infuskom lejn il-kariga tagħkom u lejn l-uniformi li tilbsu. Lejn il-ħalfa li ħadtu quddiem il-poplu, għażiż Ministru. Għamlu dak li huwa ġust u tafu x'inhu ġust u tafu x'inhu sew!
Xogħolna li nibqgħu infakkrukom.