Carmel Caccopardo | Ir-riġenerazzjoni tal-Marsa
Kienet l-industrija tat-turiżmu nnifisha li madwar sentejn ilu emfasizzat it-tħassib li n-numri ta’ turisti li kienu qed jaslu Malta kien wieħed eċċessiv
Il-konsultazzjoni pubblika li għadha kif bdiet iktar kmieni din il-ġimgħa dwar ir-riġenerazzjoni tal-parti ta’ ġewwa nett tal-Port il-Kbir mal-kosta tal-Marsa hu pass il-quddiem. Il-Marsa ilha njorata u ittraskurata.
L-Awtorità tal-Ippjanar fil-passat ġiet ikkritikata li tipproponi tibdil fil-pjani lokali bil-biċċiet. Nittama li dan l-eżerċizzju jkun differenti. Hi l-Marsa kollha li teħtieġ li tkun rriġenerata u mhux rokna żgħira minnha. It-tħassir tal-Marsa bħala żona urbana jeħtieġ li jkun indirizzat mingħajr iktar dewmien, mhux biċċa biċċa, iżda permezz ta’ eżerċizzju olistiku li jħares lejn il-Marsa kollha.
Il-viżjoni strateġika proposta mill-Gvern mhiex waħda addattata. Permezz tal-Awtorità tal-Ippjanar il-Gvern qed jipproponi li ż-żona tkun trasformata f’destinazzjoni turistika ewlenija.
Il-mistoqsija li teħtieġ tweġiba hi dwar jekk jagħmilx sens li nkomplu nżidu d-dipendenza tal-ekonomija tal-pajjiż fuq it-turiżmu. It-tweġiba għal din il-mistoqsija bażika, fil-fehma tiegħi hi waħda ta’ le ċara. It-turiżmu m’għandux jibqa’ jikkapparra uħud minn l-aħjar siti fil-pajjiż. Saru wisq żbalji favur it-turiżmu fil-politika dwar l-użu tal-art. Jekk ma nkomplux inżidu magħhom nagħmlu tajjeb!
It-turiżmu wera' li hu waħda mill-iktar partijiet dgħajfa tal-katina ekonomika. Riżultat tal-Covid19 il-turiżmu spiċċa mkisser u għarkuptejh. Għadu dgħajjef, u minkejja dak li jgħidu mhux ser jirkupra malajr. Parti mdaqqsa mill-impjegati fis-settur tat-turiżmu marru f’setturi oħra, u issa li daqu kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar ftit li xejn għandhom ħajra li jmorru lura.
Għandna bżonn ta’ inqas mhux ta’ iktar turiżmu. Qabel faqqgħet il-Covid19 kien diġa qed jinħass li t-turiżmu kiber iżżejjed. Issa, fil-perjodu wara l-impatti tal-Covid19 hu l-mument opportun li t-turiżmu ma jitħalliex jerġa’ jibla kull m’hawn. Hemm ħtieġa li l-impatti tat-turiżmu fuq ir-residenti jkunu indirizzati. Imma sfortunatament l-Awtorità tal-Ippjanar mhiex sensittiva għal dan.
L-opportunità li jġib miegħu s-sit tal-power station il-qadima hi waħda unika. Hi opportunità li m’għandhiex tinħela fuq it-turiżmu.
Il-parti ta’ ġewwa nett tal-Port il-Kbir dejjem kienet użata mis-settur marittimu. Għas-settur marittimu din hi opportunità unika biex jissaħħaħ, jirriorganizza ruħu, jimmodernizza u possibilment iżid il-kontribut tiegħu lill-ekonomija, waqt li jnaqqas l-impatti ambjentali tiegħu.
Id-dokument ta’ konsultazzjoni jitkellem dwar it-tnaqqis tal-faċilitajiet eżistenti għat-tiswija tal-vapuri u li dawn jiċċaqilqu iktar 'il ġewwa, f’tarf iż-żona taħt konsiderazzjoni. Jekk dawn ikunu mċaqilqa jiġu bla dubju iktar qrib iż-żoni residenzjali fil-lokalitajiet tal-viċin b’impatt negattiv fuqhom. Għandi dubju kemm dan iċ-ċaqlieq jista’ fil-fatt iseħħ!
Hu possibli li r-riġenerazzjoni tal-parti ta’ ġewwa tal-Port il-Kbir isseħħ mingħajr ma tkun marbuta mat-turiżmu. L-istrateġija konsultattiva innifisha tidentifika possibilitajiet oħra, fosthom diversi inizjattivi li jnisslu titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-komunità!
Kienet l-industrija tat-turiżmu nnifisha li madwar sentejn ilu emfasizzat it-tħassib li n-numri ta’ turisti li kienu qed jaslu Malta kien wieħed eċċessiv: ħafna iktar milli jiflaħ il-pajjiż. Riċerka ppubblikat fl-istess żmien kienet identifikat l-ewwel sinjali ta’ turismofobia, taħlita ta’ stmerrija, nuqqas ta’ fiduċja u tmaqdir tat-turiżmu. Dawn huma l-ewwel indikazzjonijiet ta’ skuntentizza soċjali riżultat tal-pressjonijiet kkawżati mill-firxa tat-turiżmu. Jeħtieġu li jkunu ndirizzati.
Għandna bżonn inqas turiżmu mhux iktar. Setturi oħra għandu jkollhom aċċess għall-investiment pubbliku.
Il-konsultazzjoni pubblika għadha fil-bidu: għadu possibli li tiżviluppa f’direzzjoni differenti. Id-diskussjoni teħtieġ li tħares lejn il-Marsa kollha u mhux tiffoka fuq rokna waħda, anke jekk hi rokna importanti.
Din hi opportunità unika għal dawk kollha li jridu u jistgħu jagħtu sehem fl-identifikazzjoni ta’ viżjoni sostenibbli għar-riġenerazzjoni tal-Marsa kollha: fl-interess ta’ kulħadd.