Robert Aquilina | Nixtieq li ma jkollniex għalfejn nipprotestaw fis-sena l-ġdida
Nixtieq, fuq kollox, li matul is-sena l-ġdida ma jkollniex għalfejn nipprotestaw. Mhuwiex delizju tiegħi u ta’ sħabi li noqogħdu nikkampjaw għal tlett ijiem u tlett iljieli quddiem id-Depot, fil-kesħa u fix-xita, minflok ingawdu s-sħana ta’ djarna
Kull meta nsejħu n-nies biex jingħaqdu magħna fi protesta dlonk tfaqqas il-protesta ta’ dawk li l-protesti tagħna jagħtuhom fastidju ferm iktar minn dak li nkunu qed nipprotestaw dwaru. Ir-raġunijiet li jġibu drajniehom. L-iktar waħda riċenti, u l-iktar li konna qed nantiċipaw, kienet l-akkuża li qed nipprovaw inħassru l-festi tal-Milied. Avviż ċkejken: Jekk l-ammiraturi tal-Kummissarju Helena Dalli jieħdu għalihom għax qed nuża l-kelma ‘Milied’ nissuġġerilhom jieqfu jaqraw hawn għax se nużaha drabi oħra.
Insomma, akkużawna li bil-protesta li għamilna fid-29 ta’ Novembru, it-Tnejn filgħaxija immedjatament wara l-weekend tal-Black Friday, f’kesħa xxoqq il-għadam, f’riħ li nħass li se jaqleb kulma hemm u kulma m’hemmx, fi tmiem il-ġurnata tax-xogħol, f’parti waħda tal-belt kapitali, konna qed nipperikolaw l-għajxien tal-komunità kummerċjali!
Għax, tafu intom, kien propju dakinhar u f’dak il-ħin partikolari biss li l-konsumaturi Maltin kellhom ix-xewqa kbira li jisfidaw l-elementi kiefra tat-temp, iwaqqfu lil uliedhom milli jagħmlu l-homework, igezzuhom fl-iktar ħwejjeġ ħoxnin li għandhom, jerħulha lejn il-kapitali fl-aħħar siegħa tan-negozju u jagħmlu xirja xirjun.
Naturalment, dan il-pjan tal-konsumaturi Maltin li kellhom jinvadu l-Belt Valletta f’dik is-siegħa tħassar biss minħabba li kien se jkun hemm protesta quddiem il-Parlament. X’hemm agħar milli tmur tixtri r-rigali u int u dieħel il-Belt, minflok issib tilqgħek it-tbissima ta’ Jason Micallef, issib lili ngħid kelmtejn dwar il-porkerija li kien għadu kif għamel l-Ispeaker u r-rigal ta’ disat elef ewro li Rosianne Cutajar qalet li qalgħet mingħand Yorgen Fenech?
Naturalment, skont dawn li jdejquhom bil-bosta l-protesti tagħna u jogħġbuhom immens politiċi bħal Konrad Mizzi, l-ebda ġurnata mill-ħamsa u għoxrin li kien għad baqa’ għall-Milied, inklużi l-weekends u l-festi li matulhom il-ħwienet jibqgħu miftuħin, mhuma tajbin għax-shopping daqs kemm kienet dik is-siegħa kiesħa li matulha aħna konna qed nipprotestaw u, armati sa snienna b’umbrelel, xalel u brieret, konna qed inwerwru lil kull min jazzarda jersaq il-Belt biex jonfoq l-ewro kollha li baqagħlu.
Naturalment, skont dawn l-istess nies, huma l-protesti tagħna li qed jagħmlu ħsara lin-negozju u lill-pajjiż u mhux affarijiet żgħar u insinnifikanti bħal, pereżempju, il-fatt li pajjiżna spiċċa fuq il-lista l-griża tal-FATF jew il-fatt li sentejn ilu l-Prim Ministru tagħna ntgħażel bħala ċ-champion tad-dinja tal-korruzzjoni, jew minħabba li fuq din l-art ħelwa splodew ġurnalista minħabba l-korruzzjoni u għadu ma tressaq ħadd il-Qorti minħabba dik l-istess korruzzjoni u l-ħbieb kollha ta’ dak li qed jiġi akkużat bl-assassinju għadhom jokkupaw karigi Ministerjali u għadna nsejħulhom ‘Onorevoli’.
Jekk għadek qed taqra, m’għandix dubju li wasalt għall-konklużjoni ovvja l-iskużi u r-raġunijiet li jaqalgħu dawn it-talin huma tassew redikoli u m’għandhom xejn mis-sewwa. Dawn l-iskużi huma biss paraventu li jużaw biex jiddefendu lill-allat foloz fil-forma ta’ politiċi korrotti li lilhom iżoqquhom ġmielhom. Lil dawn in-nies ma jinteressahom xejn li ssir ġustizzja. Ma jridux li pajjiżna tassew jibdel ir-rotta u jikseb lura l-ġieħ li tilef. Lil dawn jimpurtahom biss mill-interessi egoistiċi tagħhom. Dawn in-nies mhux għan-negozji jew għall-ħaddiema tuġagħhom qalbhom, imma għalihom infushom u għal dak li jibżgħu li jitilfu jekk pajjiżna jaqbad it-triq tas-serjetà.
Għalhekk, fil-protesta li għamilna fid-29 ta’ Novembru appellajt lis-sħab soċjali kollha – lill-unions tal-ħaddiema, lill-għaqdiet ta’ min iħaddem, lill-għaqdiet tan-negozju, tal-industrija, tal-kummerċ u l-kumplament – biex jingħaqdu mal-messaġġ tagħna.
Dakinhar għedt li l-kontinwità tal-impunità se ddaħħal lil pajjiżna f’inkwiet ikbar minn dak li diġà ninsabu fih. Ma kontx qed niċċajta jew neżaġera. L-organizzazzjonijiet barranin li magħhom irridu naħdmu, u li mill-ġudizzju tagħhom jiddependi l-għajxien u l-futur ta’ dal-pajjiż, mhumiex jeħduna bis-serjetà. Mhumiex jemmnu li pajjiżna tassew bidel id-direzzjoni. Mhumiex jemmnu l-ħafna kliem sabiħ li jgħidilhom il-Prim Ministru Robert Abela. Mhumiex konvinti li pajjiżna għandu intenzjonijiet tajba. F’żewġ kelmiet, ‘mhumiex jafdawna’.
Għal dan hemm raġuni sempliċi ħafna. Ir-riżultati mhumiex jidhru. U mhumiex jidhru għax mhumiex hemm. Ma jeżistux.
Ħadd minn dawk implikati fil-korruzzjoni li wasslet għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia għadu ma tressaq il-Qorti. Ebda uffiċjal għoli tal-pulizija minn dawk li ssemmew fil-Qorti b’rabta mal-cover-up tal-assassinju għadu ma ġie akkużat li għamel xi ħaġa ħażina quddiem Maġistrat. Ma kien hemm ebda prosekuzzjoni ta’ politiċi evidentement korrotti u tal-kollaboraturi tagħhom minkejja l-evidenza li xbajna naqraw dwarha fil-gazzetti. Joseph Muscat għadu protett u, agħar minn hekk, meqjum mill-Partit Laburista. Nies bħal Rosianne Cutajar u Carmelo Abela sabu lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiddefendihom minkejja li nstabu ħatja mill-Kummissarju għall-Istandards. Politiku li nqabad jumilja ruħu u jilgħaq b’ilsien daqsiex lil Yorgen Fenech waqt li jinsulenta lill-votanti tiegħu għadu jokkupa l-kariga ta’ Ministru tal-Ġustizzja u l-Governanza. Ministri li nstab mill-Inkjesta Pubblika li huma responsabbli għall-ambjent ta’ impunità fil-pajjiż għadhom fil-kariga u qed jitħallew jikkontestaw elezzjoni ġenerali oħra biex dnubiethom kollha jinħafrulhom mingħajr ebda konsegwenza.
Hemm ħafna iktar eżempji, każijiet u nies li nista’ nsemmi imma l-kolonni li allokali l-editur waslu biex jimtlew kollha. Qabel nikkonkludi, peress illi dan huwa l-aħħar artiklu tiegħi qabel il-Milied, irrid nieħu din l-okkażjoni biex nawgura Milied ħieni u sena mill-aqwa lill-qarrejja kollha.
Nixtieq, fuq kollox, li matul is-sena l-ġdida ma jkollniex għalfejn nipprotestaw. Mhuwiex delizju tiegħi u ta’ sħabi li noqogħdu nikkampjaw għal tlett ijiem u tlett iljieli quddiem id-Depot, fil-kesħa u fix-xita, minflok ingawdu s-sħana ta’ djarna u l-kumpanija tal-familji tagħna. Però dan ma jiddependix minna. Jiddependi biss minn kif se jkunu qed iġibu ruħhom dawk li fdajnielhom it-tmexxija tal-istituzzjonijiet u tal-Gvern ta’ pajjiżna.
M’aħna nitolbu xejn speċjali. Anzi! Qegħdin ninsistu għal dak li f’pajjiż serju huwa sempliċiment ovvju. Jekk jirnexxilna naslu, is-sena d-dieħla nkunu tajna rigal tal-Milied imprezzabbli lil uliedna kollha