Jerome Caruana Cilia | Leħen sod għal min hu bla leħen
2021 ... sena li fiha komplejna naraw każijiet fejn min hu sinjur kompla jistagħna u min hu fqir kompla jiftaqar
Is-sena 2021... ħarbet! Iż-żmien itir u ma jistenna lil ħadd. Matul din is-sena ltqajt ma' persuni ġodda li għallmuni ħafna. Nies li għaddejjin minn sfidi kbar minħabba l-mard, oħrajn li sejrin tajjeb fin-negozju tagħhom, persuni li bil-kemm ilaħħqu bil-pensjoni u wkoll persuni li jaħdmu fil-prekarjat u li meta ppruvaw jitkellmu qalgħuha fuq rashom.
Sena li fiha komplejna naraw każijiet fejn min hu sinjur kompla jistagħna u min hu fqir kompla jiftaqar. Sena li fiha ċertu awtoritajiet imxew b'ponn tal-ħadid maż-żgħir, filwaqt li ma' tal-qalba imxew kompletament differenti. Is-sena d-dieħla, flimkien ma' sħabi kandidati u deputati, irrid nibqa' nkun leħen sod għal min hu bla leħen.
F'dawn iċ-ċirkostanzi, hu tajjeb li ma naqtgħux qalbna u nkomplu naħdmu u nistinkaw ħalli mhux biss ngħinu lin-nies fejn nistgħu, imma naħdmu biex inkomplu noffru lin-nies it-tama ġdida, dak in-nifs ġdid fil-politika f'pajjiżna.
Politiku korrott u arroganti
Nhar l-Erbgħa 8 ta' Diċembru, l-eks Prim Ministru tal-Malasja, Najib Razak, tilef l-appell u l-Qorti fil-Malasja sabitu ħati ta' numru ta’ akkużi relatati ma’ korruzzjoni ta' mijiet ta' miljuni ta’ dollari Amerikani.
Il-Qorti kkundannatu għal tnax-il sena ħabs dwar abbuż ta’ poter filwaqt li ngħata priġunerija ‘addizzjonali’ ta’ għaxar snin habs għal kull waħda minn sitt akkużi li jinvolvu ħasil ta’ flus u ksur ta’ fiduċja bħala uffiċjal pubbliku. L-avukat ta' Najib Razak qal li se jkun qed iressaq appell iehor din id-darba fil-qorti federali tal-Malasja.
Razak, li dam Prim Ministru minn April 2009 sa Mejju 2018, kien involut f'numru ta' skandli u allegazzjonijiet ta' frodi, ħasil tal-flus u abbuż tal-poter. L-iskandlu mifni bil-korruzzjoni li għalih tressaq u nstab ħati Razak, hu relatat ma' kumpanija bl-isem ta' 1Malaysia Development Berhad (1MDB). Din il-kumpanija twaqqfet bil-għan li tkabbar l-iżvilupp ekonomiku u ssaħħaħ l-investiment dirett barrani, iżda dan kollu ma sarx u minflok intużat għall-ġid komuni, kienet magna li bih allegatament insterqu l-miljuni mill-eks Prim Ministru tal-Malażja, qraba u ħbieb tiegħu. L-iskandlu madwar din il-kumpanija, li ċ-Chairperson tagħha kien Najib Razak u li twaqqfet f'Gunju tal-2009 (madwar xahrejn wara li hu sar Prim Ministru), ġie deskritt bhala wiehed mill-akbar skandli finanzjarji u ta' kleptokrazija.
Ingħad, f'Settembru tal-2020, li mill-kumpanija 1MDB insterqu madwar $4.5 biljun. Minn din il-kumpanija, il-poplu tal-Malasja ma' ha xejn. X'arroganza! X'korruzzjoni!
Nibqgħu nieħdu ħsieb xulxin
Matul l-aħħar jiem rajna żieda fil-każi pożittivi għall-COVID-19 minħabba l-varjant il-ġdid, Omicron. Ħafna persuni huma mħassba b'dak li nistgħu ngħaddu minnu. "Ma niflaħx iktar. Ilni xhur imsakkra ġewwa. Kemm se ndumu sejrin biha din?!" qaltli anzjana b'referenza għall-pandemija COVID-19 meta cempiltilha l-ġimgħa l-oħra biex nawguralha f'għeluq sninha.
Huwa fatt illi bosta individwi, partikolarment l-anzjani u l-vulnerabbli, ilhom litteralment maqfulin ġewwa żmien twil. Uħud jgħidulek li ilhom minn Marzu tas-sena l-oħra, meta feġġ għall-ewwel darba dan il-virus. Mhux żmien faċli. Nerġa' nikteb u nisħaq biex inkunu responsabbli u nibqgħu nieħdu ħsieb lil xulxin, partikolarment f'dan il-mument delikat.
F'dawn iċ-ċirkostanzi nerġa' ndur lejn il-professjonisti u l-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa u ngħidilhom grazzi tal-ħidma bla waqfien. Ma waqfu qatt u dejjem raw kif jagħmlu dmirhom bl-aħjar mod li jistgħu. Grazzi mill-qalb!
Il-Milied it-tajjeb
Il-Kummissjoni Ewropea irtirat - almenu għalissa - dokument li kellu l-iskop li jservi ta' linja gwida dwar kif uffiċjali fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea għandhom jikkomunikaw. Dan id-dokument bit-titlu 'Union of Equality' jaqa' taħt il-portafoll tal-Kummissarju Ewropew Maltija għall-Ugwaljanza, Helena Dalli. Naturalment, dan id-dokument qajjem diskussjoni kemxejn taħraq, mhux biss f'pajjiżna imma wkoll fi ħdan numru ta' Stati Membri oħra, fosthom l-Italja.
Fuq il-media soċjali, partikolarment il-pjattaforma Facebook, ħafna kkummentaw kif permezz ta' dan id-dokument, l-awtoritajiet kkonċernati qed jippruvaw idgħajfu jew saħansitra kien hemm min qal li qed jipprovaw jeqirdu l-għeruq reliġjużi, kulturali, tradizzjonali u storiċi li nsibu fi ħdan bosta Stati Membri tal-Unjoni Ewropea. Oħrajn kitbu kif ma jistgħux jaqblu mal-linji gwida minħabba li se jdaħħlu ħafna burokrazija żejda għalxejn. Għal ħafna l-fatt li d-dokument ġie rtirat ifisser li l-buon sens rebaħ.
L-ewwelnett, ma nistax nifhem kif avveniment b'elementi reliġjużi u kulturali jista' jdejjaq jew joffendi lil dak li jkun. Jekk jien immur f'nazzjon fejn għandhom kultura differenti, (sakemm ikun hemm rispett lejn id-dinjità tal-bniedem) mhux biss nirrispettaha, imma saħansitra ninteressaha ruħi u nitgħallem dwarha u mhux nipprova neqridha jew inġagħla tostor!
Barraminnhekk, hemm ħafna u ħafna iktar kwistjonijiet pertinenti li għandha titkellem dwarhom l-UE. Il-problemi ekonomiċi fiż-żona Ewro, id-disparità bejn min hu għani ferm u l-bqija li qeda dejjem tiżdied, in-nuqqas ta' rule of law, in-nuqqas ta' opportunitajiet liż-żgħir, l-isfidi tal-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda. Ħafna nies li niltaqa' magħhom, fil-kuntatt kontinwu li jkolli mal-elettorat, isostnu li min hu f'awtorità għandu jinżel mit-torri tal-avolju u jibda billi jifhem, jirrikonoxxi u jindirizza l-isfidi u l-problemi kbar li qed jiffaċċjaw in-nies kuljum... u mhux jiffokaw fuq jekk tgħidx "Il-Milied it-tajjeb" jew le!