Editorjal | Il-Covid-19 u l-FATF - L-akbar sfidi!
'Nittamaw li mill-iżbalji tal-2021 nitgħallmu, ħalli tassew nibdew paġna ġdida u jkollna verament il-Malta li rridu għal uliedna!'
Is-sena 2021 issa waslet fi tmiemha. Ma kienet sena faċli xejn fil-verità, għad-dinja - inkluż għal Malta - hekk kif fil-bidu tagħha u fl-aħħar tagħha l-Covid għolliet rasha b'numri li żdiedu, persuni li tilfu ħajjtihom jew inkella spiċċaw fl-isptarijiet u ekonomiji li ġġammjaw. Pero' forsi ftit ddiskutew kemm din il-pandemija kixfet l-inugwaljanza li hawn fid-dinja, bejn dawk il-pajjiżi li jifilħu l-aktar u allura li setgħu jlaqqmu' lill-popolazzjoni tagħhom, li kellhom sistemi ta' saħħa reżiljenti u allura li felħu għad-domanda qawwija fl-agħar tal-pandemija. U pajjiżi oħrajn - bħall-Indja u t-Tuneżija (li donnu ninsew li qegħda nofs siegħa ' l bogħod) - li ġew kompletament għalkopptejhom, b'nies imutu bħad-dubbien, infermiera fi stat ta' disprament, sptarijiet f'kollass totali u għelieqi kbar li bdew jintużaw biex ilaħħqu mad-dfin tal-katavri!
Dan huwa fatt li malajr wieħed jinjorah, ladarba aħna "minn tagħna jinteressana". Il-problema hi li l-pandemija - kif jgħid isimha - hija xi ħaġa dinjija u allura pajjiż jiddependi minn ieħor, u kontinent minn ieħor. Qabel ma r-rata ta' vaċċinazzjoni tkun għolja kullimkien u allura jingħalaq id-defiċit tat-tilqim madwar id-dinja kollha, din il-ġlieda ma aħniex se nirbħuha. Tajjeb li Malta matul l-2021 kienet fuq quddiem f'dan il-proċess, imma Malta waħedha mhix biżżejjed. Tajjeb li fl-Ewropa l-pandemija sabet sistemi b'saħħithom u anke ekonomiji mibnijin fuq is-sod, imma b'hekk biss mhux biżżejjed jekk taħt l-Ewropa hemm kontinent 10 darbiet ikbar minnha, fejn ir-rata ta' tilqim għadu baxx. Fil-fatt riżultat ta' hekk għandna l-Omicron - eżempju ħaj ta' dan kollu!
Fuq livell lokali - apparti l-isfidi enormi li ġabet magħha l-pandemija, li xi ftit jew wisq jinħass li l-Gvern indirizza b'mod tajjeb u fil-ħin - kellna sfidi oħrajn politiċi.
Lilhinn mir-riżenji, l-iżbalji u anke r-rapport tal-inkjesta pubblika li qalilna dak li wara kollox konna ilna nafu, dan l-editorjal iħoss li l-akbar sfida tal-pajjiż hija dik relatata mal-FATF u kif Malta se toħroġ minn din il-lista.
Il-ħsara potenzjali li jista' jiffaċċja pajjiżna jekk jibqa' fuq din il-lista hija kbira u l-effett - kuntrarjament forsi għal ċerti akkużi u stejjer ta' tixħim u korruzzjoni - se jolqtu dirett lill-impjieg, il-but u l-għixien tan-nies Maltin u barranin li jaħdmu f'Malta. Is-settur finanzjarju ma jiflaħx għal din id-daqqa u l-Gvern għandu jipprioritizza - fuq kollox - il-ħruġ ta' Malta minn din il-lista fl-2022. Qabel kollox, Malta ma tistax tkun meqjusa ġurisdizzjoni dubjuża, għax inkella jixxotta l-investiment u x-xogħol ma jinħoloqx.
L-FATF stess qalet illi Malta qed tagħmel passi 'l quddiem u tajbin fl-implimentazzjoni ta' dak li kien għad fadal xi jsir biex nitneħħew mil-lista u biex inkunu ġusti Malta kienet diġà implimentat ħafna miżuri u għamlet passi 'l quddiem, tant li kienet diġà għaddiet mit-test tal-Moneyval. Pero' dak li għad irid isir, għandu jsir b'ħeffa biex kemm jista' jkun malajr Malta titneħħa mil-Lista l-Griża, mhux biss biex ma tibqax ġurisdizzjoni dubjuża imma biex turi li meta ffaċċjata bi sfida bħal din, qamet għall-okkażjoni!
Importanti wkoll iżda li issa l-Gvern jara li dak li seħħ ma jerġax iseħħ u li l-Ministri jitgħallmu li hemm standard li jridu jżommu miegħu. "Għax ta' qabilna għamlu hekk..." ma għadux argument li jreġi u lanqas għadu argument kredibbli llum. Il-Labour ilu disa' snin fil-Gvern u jrid jieħu r-responsabilità tat-tajjeb imma anke tal-ħażin li jseħħ.
Kulħadd irid iġorr parti minn dan il-piż, imma ħadd ma għandu jġorr piż akbar milli jiflaħ - għax wara kollox dħalna f'din il-lista mhux minħabba n-negozji ż-żgħar jew is-self employed! Imma minħabba erba' minn nies li kienu fil-poter li ħasbu li l-poter jagħtihom il-jedd jisirqu u jiffoxnaw! Ħabat tajjeb - għal Malta u anke għall-Partit Laburista - li ma baqgħux fil-poter!
Nittamaw li mill-iżbalji tal-2021 nitgħallmu, ħalli tassew nibdew paġna ġdida u jkollna verament il-Malta li rridu għal uliedna!