Stefan Zrinzo Azzopardi | Ħarsitna 'l quddiem
'Bil-ħidma li wettaqna u li se nkomplu nwettqu nistgħu immorru quddiem il-poplu b’wiċċna minn quddiem'
Fi ftit ġranet oħra il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela jagħlaq sentejn. Kulħadd jaqbel li dawn kienu sentejn ta’ sfidi kbar, b’dak kollu li ġabet magħha l-pandemija Covid-19 u anke bi sfidi oħra ta’ natura politika li żviluppaw lejn tmiem l-2019. Imma bid-determinazzjoni tal-Prim Ministru u ta’ Gvern sħiħ magħqud warajh, rnexxielna nimxu ‘l quddiem, nibqgħu naħdmu bl-akbar saħħa b’riżq il-familji Maltin u Għawdxin u rnexxielna wkoll niksbu riżultati tajbin għal pajjiżna.
Fost dawn il-kisbiet kellna l-allokazzjoni finanzjarja rekord ta’ €2.27 biljun ta’ Fondi Ewropej għal Malta li issa, fix-xhur u s-snin li ġejjin se nibdew naraw il-frott tal-investimenti kbar li se nwettqu b’dawn il-fondi. Propju ftit ġimgħat ilu għalaqna l-proċess biex bdejna saħansitra nirċievu l-fondi minn din l-allokazzjoni permezz tal-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza li minnu Malta ħa tirċievi għotja ta’ kważi €320 miljun. Ftit qabel il-Milied iffirmajt il-ftehim mal-Kummissjoni Ewropea biex waslu fil-kaxxa ta’ Malta l-ewwel €41 miljun minn dawn il-fondi meqjusa bħala pri-finanzjament ħalli nagħtu spinta lill-implimentazzjoni tal-Pjan tagħna għall-irkupru mill-pandemija.
Dawn l-ewwel ġimgħat tas-sena l-ġdida se jfissru ħafna ħidma fis-Segretarjat li jien responsabbli minnu biex flimkien mal-Ministeri kollha nikkordinaw il-ħidma li trid issir biex il-proġetti u r-riformi kollha maqbula mal-Kummissjoni Ewropea nibdew inwettquhom fix-xhur li ġejjin. Wħud mir-riformi diġa sar ħafna xogħol fuqhom filwaqt li fuq diversi proġetti ta’ investiment sar ukoll xogħol preparatorju għat-twettieq tagħhom.
Il-Pjan ta’ Rkupru tagħna huwa wieħed mill-aktar ambizzjuż u ġie mfaħħar mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Von der Leyen bħala fost l-aktar favur l-ambjent mill-Pjani kollha li ġew sottomessi mill-Istati Membri. Se ninvestu 54% tal-għotja kollha fi proġetti ambjentali fosthom biex jinxtraw aktar karozzi elettriċi, jsiru aktar charging points għall-karozzi elettriċi, biex nibdlu l-flott tal-karozzi użati fis-servizz pubbliku għal dawk elettriċi, biex jibdew jinbidlu l-karozzi tat-trasport pubbliku, isir titjib għal użu tal-enerġija b’mod aktar effiċjenti fil-binjiet pubbliċi u anke privati u bosta investimenti oħra.
Ippjanajna li 27% oħra tan-nefqa mill-għotja mill-Fond tal-Irkupru u Reziljenza li se tmur għal proġetti konnessi mal-qalba lejn ekonomija diġitali fosthom b’investiment qawwi biex issir diġitiliżazzjoni fis-sistema ġudizzjarja tagħna. Irridu din is-sena naraw ukoll il-bidu ta’ proġetti ewlenin oħra bħal dak tal-bini tal-kampus il-ġdid tal-ITS, il-bini taċ-Ċentru l-ġdid tad-demm u l-bini ta’ moll ġdid fl-inħawi ta’ Buġibba biex ninkoraġixxu aktar it-trasport bil-baħar.
Lesti nidħlu għal dan il-xogħol kollu bl-akbar kuraġġ u determinati li naslu. Diġa’ tajna prova fis-sentejn li għaddew, li t-tmexxija ta’ pajjiżna u li t-tmun tal-pajjiż jinsab f’idejn baħrin li kapaċi jilqgħu għall-maltemp. Għaddejna minn mewġa għall-oħra tal-pandemija li laqtet id-dinja u dejjem ħriġna b’rasna mgħollija ‘l fuq għax pajjiżna kiseb suċċess wara l-ieħor fil-battalja kontra l-Covid-19. Ġew salvati mijiet ta’ ħajjiet filwaqt li taffejna t-tbatija ta’ eluf kemm f’dik li hija saħħa kif ukoll f’għajnuna lin-negozji, industriji, lukandi u direttament lill-ħaddiema biex il-ħajja setgħet tkompli għaddejja fiċ-ċirkustanzi diffiċli li konna għaddejjin minnhom.
L-isfidi qegħdin jingħelbu, l-aktar għaliex irnexxielna nlaqqmu lill-maġġoranza l-kbira tal-poplu Malti qabel kull nazzjon ieħor Ewropew imma l-glieda kontra dan il-virus għadha m’ghaddietx. Id-dinja tinsab għaddejja minn din li qed tissejjaħ bħala r-raba’ mewġa ta’ dan il-virus li issa qed jidher li għalkemm jista’ jkun inqas sever minn ta’ qablu, il-mod kif jinxtered huwa ferm mghaggel. Qed naraw li bis-saħħa tal-programm qawwi tal-vaċċinazzjoni li segwejna, minkejja n-numri kbar ta’ infezzjonijiet, in-numru ta’ dawk li jkollhom bżonn kura fl-isptarijiet jinsab taħt kontroll għaliex is-sintomi fil-maġġoranza l-kbira tal-popolazzjoni qed ikunu minimi jew xejn.
Huwa ċar li bis-saħħa tal-booster li qed ningħataw b’rata mill-aktar mgħaġġla ser jirnexxielna wkoll negħlbu din l-isfida u bi ftit sagrifiċċji minn kulħadd nerġgħu naqbdu ngħixu dik in-normalita ġdida li konna qed ingawdu sa ftit ġimgħat ilu. Huwa għalhekk f’waqtu li nerġgħu nappellaw lil kulħadd biex jikkopera mal-awtoritajiet tas-saħħa u kulmin huwa eleġibbli japplika biex jieħu l-booster.
Jien ninsab konvint li anke din id-darba, din l-isfida nirbħuha wkoll u ninsab ċert ukoll li l-poplu Malti u Għawdxi qed japprezza l-mod kif mexxejna l-pajjiż quddiem dawn l-isfidi fis-sentejn li għaddew. Dan l-apprezzament huwa evidenti fil-mod kif kontinwament qed jidher li l-appoġġ lejn il-politika tagħna u lejn it-tmexxija tal-Gvern Laburista qed ikompli jikber.
Ninsabu fil-bidu ta’ sena ġdida li mingħajr l-ebda dubju se tibqa’ mmarkata bħala waħda importanti ħafna. Hija żgur is-sena li fiha l-poplu Malti u Għawdxi se jiddeċiedi jekk għandux iġedded il-fiduċja tiegħu lill-Partit Laburista biex ikompli jmexxi lil pajjiżna. Bil-ħidma li wettaqna u li se nkomplu nwettqu nistgħu immorru quddiem il-poplu b’wiċċna minn quddiem.
B’ħarsitna ‘l quddiem nibqgħu naħdmu b’saħħitna kollha biex inkomplu nagħmlu l-ġid lill-poplu tagħna. Ħidmitna se tibqa’ maħsuba biex f’pajjiżna jinħoloq il-ġid u dak il-ġid jasal għand kulħadd. Determinati li b’ħidmitna nibqgħu ninvestu fin-nies u nibqgħu niksbu suċċess għal pajjiżna.