Editorjal | L-ewwel ġimgħa tas-sena...ftit ħsibijiet!
Għadha tibda imma diġà ġraw ħafna affarijiet. Ftit riflessjonijiet mill-gazzetta ILLUM
Is-sena 2022 bilkemm għadha bdiet u f'ġimgħa waħda biss diġà kellna kontroversja biżżejjed biex nimlew sitt xhur ta' diskussjoni, li minnha innifisha - biex inkunu għidniha kif inhi - mhix eżattament ideali għal soċjetà sana.
L-agħar li seħħ kien - naturalment - il-qtil barbaru ta' tfajla f'Tas Sliema, qtil li seħħ wara li jidher illi Paulina Dembska kienet stuprata! Dan l-omiċidju, apparti x-xokk, qajjem diskussjoni dwar kemm is-soċjetà tagħna qed tipproteġi biżżejjed u toħloq biżżejjed ambjent illi fih mara tħossha sigura. Dwar kemm, bħala soċjetà qed nirrispettaw lill-mara u anke diskussjoni dwar il-vjolenza domestika. Imma jekk nieqfu hemm inkunu qegħdin naraw biss parti mill-istampa sħiħa.
Il-mistoqsija li rridu nistaqsu wkoll hija: Kif u x'ġara biex is-soċjetà tagħna - li tgħallem tant l-ugwaljanza, il-maħfra u r-rispett - ipproduċiet persuna bħall-agressur? Kif is-soċjetà tagħna pproduċiet nies li ma jiddejqu xejn jisplodu ġurnalista, li ma jiddejqu xejn jitgħajru u jobżqu l-ħdura fuq il-midja soċjali u li ma jiddejqu xejn li f'post pubbliku jistupraw u joqtlu tfajla?
Il-ġenerazzjoni tal-lum tiela' f'ambjent fejn l-ostilità saret in-norma, mhux l-eċċezzjoni. F'soċjetà tas-cyber bullies. F'soċjetà fejn li tgħajjar u toffendi jġiblek il-likes u ċ-ċapċip virtwali. Soċjetà tal-keyboard warriors, fejn fl-anonimità virtwali persuna tista' tweġġa' b'impunità.
Irridu nistaqsu kif is-soċjetà tagħna pproduċiet persuna bħal Dun David Muscat, li f'ħutha bnedmin imma omosesswali tara lix-xitan jew agħar minn hekk! Kif xi ħadd - li suppost ixerred l-imħabba - għamilha missjoni tiegħu li jxerred il-mibgħeda! Kieku kellu mqar xrara diċenza u rispett lejh innifsu Dun David Muscat u kieku mqar kellu biċċa lealtà lejn il-wegħdiet li għamel meta daħal fis-saċerdozju, kien jitlaq minn din il-vokazzjoni li qed jagħmlilha tant u tant ħsara!
U l-ġlieda tagħna quddiem dak li seħħ f'Tas Sliema u quddiem l-omofobija sfaċċata ta' qassis - ammiratur ta' Nażist - hija waħda: Dejjem, kuljum u f'kull ħin kontra l-mibgħeda u favur ir-rispett! Dejjem, kuljum u f'kull ħin kontra min ifittex li jweġġa' u favur min ifittex li jaċċetta u li jintegra! Wara kollox dan mhwiex biss l-atteġġjament li għandu jkollu kull min jgħid li huwa Kristjan, imma hija wkoll l-attitudni li għandha jkollha kull persuna li trid soċjetà aħjar. Għax soċjetà aħjar qatt ma tista' tkun mibnija fuq is-silenzju quddiem stupru u qtil ta' mara jew quddiem il-ħdura ta' xi ħadd - għat-taparsi qassis!
U l-poplu tkellem fuq il-midja soċjali. Kien skjaċċanti. Kien voċiferu u kien kważi unanimu fil-kundanna lejn l-aggressur ta' Paulina u lejn Dun David. U hekk sewwa u xieraq!
Proposti interessanti mill-PN...
Ilbieraħ il-Partit Nazzjonalista ressaq numru ta' proposti fil-qasam tal-governanza u anke l-ġurnaliżmu li dan l-editorjal jemmen li jixraqilhom diskussjoni u analiżi propizja, sabiex dawk il-proposti li jagħmlu sens ikunu mwettqa.
Dan l-Editorjal jaqbel ħafna mal-proposta ta' Maġistrat Inkwerenti speċjali kontra l-korruzzjoni, li jkollu l-jedd li jinvestiga minn jeddu każi fejn ikun hemm allegazzjonijiet ta' tixħim jew prattiċi korrotti. Matul is-snin il-pajjiż permezz ta' Gvernijiet differenti ħolqu diversi Kummissjonijiet kontra l-korruzzjoni, ħafna drabi immexxijin minn persuni ta' ċerta rispett biex jinvestigaw numru ta' allegazzjonijiet. Nistgħu mmorru lura s-snin jew anke riċentement, meta l-Gvern preżenti permezz tal-Ministru Edward Zammit Lewis għadda liġi li rrevediet l-apuntament taċ-Chairperson tal-Kumitat Permanenti tal-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni u estendiet ukoll id-definizzjoni ta' prattiċi korrott biex tagħti lill-Kummissjoni aktar poteri, kif ukoll tatha l-jedd tirrapporta direttament lill-Avukat Ġenerali.
Din il-Kummissjoni iżda xorta għad ma għandhiex is-snien biżżejjed u t-toqol li għandu Maġistrat Inkwirenti li kif rajna fl-aħħar snin ukoll għandu l-jedd li jitlob investigazzjonijiet kif ukoll jordna saħansitra li persuna tiġi akkużata quddiem il-Qrati - kif għamel fl-Inkjesta tiegħu l-Imħallef Aaron Bugeja fuq l-allegazzjoni Egrant, fil-konfront ta' Karl Cini minn Nexia BT u anke kontra Maria Efimova.
Hemm bżonn ukoll li inkjesta tinfetaħ minn Imħallef stess li jara hu stess x'għandu jkun il-kompitù tal-inkjesta: Mela biex nibqgħu fuq l-allegazzjoni dwar Egrant - mhux biss inkjesta li tiddetermina ta' min mhix il-kumpanija imma anke ta' min hi.
Dan l-editorjal jaqbel ukoll mal-Oppożizzjoni fir-rigward ta' proposti li jitrattaw il-ġurnaliżmu u allura l-bżonn ta' aktar protezzjoni minn nies li jippruvaw ikissru lill-ġurnalist - karriera li llum saret fost l-aktar attakkata mill-forzi korrotti u mixtrija u anke minn dawk politikament għomja.
Dwar il-proposta ta' Gvern Interim malli jxolji l-Parlament dan l-editorjal jemmen li hemm bżonn diskussjoni matura u profonda. Filwaqt li fuq il-karta l-għan ta' din il-proposta huwa nobbli, xorta jibqa' l-fatt li Gvern jista' jabbuża mill-poteri tiegħu matul il-leġiżlatura - kif ġara taħt gvernijiet differenti - permezz tal-power of incumbency. Wieħed irid jidħol ferm aktar f'din il-proposta u jifhem kif ikun maħtur dan il-Gvern interim, minn min jinħatar u finalment - u l-aktar importanti - min se jintgħażel u kif dawk li se jintgħażlu se jkunu lilhinn minn kull influwenza politika jew inkella passat politiku. Għax ikun inutli li jkun hemm Gvern interim b'membri li jew huma qrib partit jew qrib partit ieħor u allura suxxettibbli għall-influwenza politika u partiġġjana!
Il-Gvern fi stqarrija sostna li fil-jiem li ġejjin se jkun qed iħabbar passi u miżuri wara xhur - jisħaq - ta' konsultazzjoni fir-rigward tal-konklużjonijiet tal-Inkjesta Pubblika fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Dan l-editorjal jemmen li l-inizzjattiva tal-Oppożizzjoni għandha tiftaħ il-bibien għal diskussjoni matura, biex jekk xejn, naċċertaw li fil-pajjiż l-istituzzjonijiet jaħdmu, min huwa korrott ma jkunx protett imma jkun protett min jikxef il-korruzzjoni u biex il-Gvern juża dejjem aktar ir-riżorsa nazzjonali b'mod diliġenti u responsabbli!