Alex Agius Saliba | Pajjiż aktar b'saħħtu
Abela saħħaħ is-saltna tad-dritt matul dawn l-aħħar sentejn. Malli ħa t-tmun f’idejh fl-2020, il-Prim Ministru welled ħidma intensiva li wasslet għal riformi istituzzjonali u ġudizzjarji
Bħal f’kull ħaġa oħra, fil-politika tista’ tikseb is-suċċess biss jekk int lest li tisma’, tevalwa anke lilek innifsek u fl-aħħar mill-aħħar tkun kapaċi tmidd idejk għax-xogħol u twettaq dak li hu mistenni minnek u li twiegħed. Il-fatti jitkellmu waħedhom bir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali ta’ tliet ġimgħat ilu, fejn il-poplu reġa’ wera li għandu fiduċja sħiħa fil-Moviment Laburista u aktar minn hekk, għat-tielet darba konsekuttiva, reġa’ għabbih b’responsabbilta’ enormi permezz ta’ mandat daqstant b’saħħtu biex imexxi lil dan il-pajjiż. Allura wieħed jista’ jifhem kemm għamel ġid il-Gvern Laburista matul iż-żewġ leġiżlaturi li għadda, u aktar minn hekk, kemm il-Partit Laburista u l-Prim Ministru Robert Abela għandhom kredibilita’ biex jiggvernaw u jkomplu jibdlu lil dan il-pajjiż.
U dan bir-raġun, għaliex minbarra li sal-aħħar tal-leġiżlatura l-Gvern wettaq il-parti l-kbira tal-programm elettorali li kien marbut bih mal-poplu, Robert Abela kien strumentali wkoll biex pajjiżna għadda minn riforma bla preċedent sabiex saħħaħ is-saltna tad-dritt matul dawn l-aħħar sentejn. Malli ħa t-tmun f’idejh fl-2020, il-Prim Ministru welled ħidma intensiva li wasslet għal riformi istituzzjonali u ġudizzjarji, li implimentaw fost oħrajn bosta rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja, tal-GRECO u l-Kummissjoni Ewropea. Uħud minn dawn it-tibdiliet huma ta’ natura Kostituzzjonali, tibdiliet li rrevedew liġijiet li kienu ilhom magħna sa’ mill-Indipendenza, li jinkludu fost oħrajn tibdil fil-mod li bih jiġi elett u mneħħi l-President tar-Repubblika, il-qasma bejn l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat u dak tal-Avukat Ġenerali bħala l-prosekutur ewlieni, u kif ukoll trasformazzjoni kontienwa fil-Korp tal-Pulizija saħansitra anke fil-ħatra tal-Kummissarju. Ir-riżorsi sinifikanti investiti fit-taħriġ u l-iżvilupp tal-Pulizija huma bla preċedent u jixhdu r-rieda ta’ dan il-Gvern li jsaħħaħ il-Korp.
Aktar minn hekk, Robert Abela kien l-ewwel Prim Ministru li neħħa minn idejh u minn idejn il-Kabinett tal-Ministri bosta poteri li tradizjonalment kellhom f’għadd ta’ deċiżjonijiet importanti, inkluż fil-mod ta’ kif jinħatar u jitneħħa l-Prim Imħallef, u neħħa wkoll l-involviment politiku fil-ħatriet u t-tkeċċija tal-membri tal-ġudikatura. It-tisħiħ tal-Qorti bħala waħda mill-Istituzzjonijiet maġġuri ta’ pajjiż demokratiku ma tiqafx hemm. Dan il-Gvern qed jinvesti bis-saħħa biex ikollna Qrati aktar attrezzati, u nieda wkoll l-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Ġustizzja Diġitali li għandha l-għan tad-diġitalizzazzjoni tar-rekords u l-proċessi filwaqt li tiġi żgurata l-interoperabbiltà fil-livell Ewropew, li żżid l-aċċess għall-ġustizzja permezz ta’ servizzi ċentrali onlajn, li żżid il-kapaċitajiet analitiċi ta’ statistika ġudizzjarja, u biex ikun hemm investiment fit-taħriġ sabiex jinbnew ħiliet u kompetenzi diġitali fil-Qrati tagħna.
Minbarra dawn, hemm għadd kbir ieħor ta’ riformi li saru, inkluż ir-reviżjoni u r-riforma fl-irwol tal-Ombudsman, il-mod li bih jinħatru għadd ta’ istituzzjonijiet indipendenti bħall-Gvernatur u d-Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali, il-President tal-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, u l-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data. Saret ukoll riforma għat-tiġdid tal-Istrateġija Nazzjonali Kontra l-Frodi u l-Korruzzjoni. Wieħed ma jistax ma jsemmix ukoll it-tisħiħ fl-irwol tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni, u l-investiment sinifikanti li sar u qed isir b’mod kurrenti biex din l-entità tiġi pprovduta bil-fondi u r-riżorsi meħtieġa sabiex taqdi l-funzjoni tagħha.
Dawn huma ftit mil-lista twila ħafna ta’ riformi li għamel il-Gvern ta’ Robert Abela matul l-aħħar sentejn, u bla dubju, il-firxa wiesgħa tal-istituzzjonijiet u l-kompiti li kienu parti minn din ir-riforma olistika huma xhieda tal-ambizzjoni u l-impenn tal-Gvern biex ikompli jsaħħaħ is-saltna tad-dritt f’pajjiżna. Dawn ir-riformi għandhom sinifikat storiku, l-ewwel u qabel xejn minħabba l-proċess mgħaġġel u fl-istess ħin ikkordinat li bih saret din il-firxa kbira ta’ bidliet, imma aktar minn hekk għaliex huma riformi li saħansitra l-maġġoranza tagħhom kisbu appoġġ unanimu fil-Parlament, fatt li jixhed li ma kinux riformi kożmetiċi. Baqa’ aktar riformi xi jsiru u dan il-Gvern ser iwassal dak li wiegħed. B’mod prominenti għaddej ix-xogħol biex isiru aktar riformi li ser jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tal-Inkjesta dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, inkluż biex tiġi msaħħa l-protezzjoni mogħtija lill-ġurnalisti u x-xandir ħieles.
Dan il-Gvern kien u għadu katalista tal-bidla, forza pożittiva li qed iġġib tiġdid anke fl-istituzzjonjiet u s-sistema ġudizzjarja tagħna. Dan l-impenn huwa rikonoxxut, mhux biss f’pajjiżna iżda wkoll minn organizzazzjonijiet internazzjonali u mill-Unjoni Ewropea, fejn sa’ din il-ġimgħa stess fil-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali, pajjiżna ġie mfaħħar mill-Kummissjoni Ewropea u ngħata rapport pożittiv għal dak li rnexxielu jwettaq fi żmien daqstant qasir permezz ta’ dawn ir-riformi.
Nemmex li l-umilta’ u d-dedikazzjoni huma r-riċetta li qegħdin jagħtu lill-Gvern suċċess f’din il-ħidma. Filwaqt li qiegħdin nirrikonoxxu li bħal kull Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea għandna sfidi fis-saltna tad-dritt, għandna biex inkunu kburin b’dak li ksibna u b’dak li hemm pjanat biex jiġi implimentat fix-xhur li ġejjin sabiex jiġu ndirizzati dawn l-isfidi b’mod effiċjenti u effettiv. Bla dubju ta’ xejn, is-serjeta’ li biha mexxa dan il-proċess riformattiv il-Prim Ministru Robert Abela waslet biex illum qed ngħixu f’pajjiż li huwa sostanzalment aħjar, aktar b’saħħtu u b’saltna tad-dritt aktar effettiva.