Owen Bonnici | Għall-erwieħ!

'Is-sentejn ta’ ċaħda mill-pandemija fakkruna kemm hi importanti l-kultura f’ħajjitna'

“Għall-erwieħ!”  Dan hu s-sentiment ta’ firxa sħiħa ta’ nies hekk kif reġgħu ġew rilaxxati iktar miżuri ta’ protezzjoni kontra t-tifrix tal-COVID u mit-Tnejn essenzjalment, b’xi eċċezzjonijiet, il-miżuri se tneħħew kollha. 

U fil-fatt ittellgħu diversi attivitajiet kulturali “tal-massa” biex ngħidulhom hekk li kollha kienu suċċess kbir – sija mill-Gvern u sija minn entitajiet reliġjużi jew mhux Governattivi.  Bdejna bl-attivitajiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa, komplejna b’Mużika Mużika, rajna lill-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu ttella’ l-Festival tan-Nar ... kull darba n-nies ferħet, ħadet gost u mtliet bil-ferħ li fl-aħħar se nerġgħu ngħixu. 

Is-sentejn ta’ ċaħda mill-pandemija fakkruna kemm hi importanti l-kultura f’ħajjitna.  Il-kultura ġġib magħha biss pożittiv u iktar ma tinvesti fiha iktar tagħtik lura benefiċċji mhux biss għall-poplu imma anke għall-artisti nfushom li għal ħafna minnhom il-kultura hi l-post tax-xogħol tagħhom. 

Issa li qed inħarsu ‘l quddiem lejn realta’ post-pandemika, tajjeb li nżommu f’moħħna t-tliet miri li jrid ikollna fil-kamp kulturali. 

L-ewwel mira: li nkabbru s-settur kulturali u l-professjonalita’ tiegħu.  Pajjiżna għandu ħafna talent kulturali u kburin bih.  Dan ma jiġix mix-xejn, jew mis-sema imma jiġi għax għandna ekosistema robusta ta’ kreattiva’ li rridu ntejbu u nipperfezzjonaw.  Fl-aħħar snin urejna kif insaħħu mhux biss l-ammont ta’ talent kreattiv imma anke l-kwalita’ ta’ dak li nagħmlu u ntellgħu.   

Irridu naraw li l-ekonomija kreattiva tikber kemm tiflaħ ħalli din tkun niċċa ekonomika li mhux biss issaħħaħ il-kultura nnifisha imma anke aspetti ekonomiċi oħra ta’ pajjiżna bħar-riċerka u l-innovazzjoni.  Tikber ukoll mil-lat ta’ kwalita’ ta’ dak li jiġi offrut fl-avvenimenti kulturali. 

Aspett importanti minn dan kollu hu li f’pajjiżna jkollna mhux biss investiment edukattiv fit-talent li tiela’, investiment kostanti fit-talent li għandna imma wkoll infrastruttura kulturali li tagħmel ġieħ lil pajjiżna. 

It-tieni mira: li nkabbru l-udjenzi.   Jien meta nkun qed nitkellem dejjem nuża din it-tixbieħa: inutli jkollok tim tal-futbol li jkun fih lil Ronaldo, Messi u ma nafx kemm-il stilla oħra jekk jilagħbu fi grawnd vojt.  Dawn l-istilel huma stilel għax hemm l-udjenzi.  Bla udjenzi ma jkunux stilel. 

Din it-tixbieħa forsi naqra sempliċistika imma tgħinni ħafna biex infiehem lil dak li jkun fuq il-bżonn li f’pajjiżna ninvestu biex ikollna l-udjenzi.  L-udjenzi huma meħtieġa biex ikollna nies iktar kuntenti li jkunu esposti għal settur kulturali li tant jiftaħ imħuħ u joħloq emozzjonijiet. Imma huma meħtieġa wkoll biex isostnu l-ekonomija kreattiva u jixprunaw livell ta’ kwalita’ dejjem ogħla. 

It-tielet mira: li nwasslu t-talent kreattiv barra minn pajjiżna.  Wasalna fi stadju tal-iżvilupp ta’ pajjiżna fejn issa rridu naraw li t-talent kreattiv imur ‘il hinn minn xtutna għal barra minn pajjiżna.  Dan għal diversi raġunijiet imma nislet tnejn partikolari: 

L-ewwelnett minħabba l-economies of scale.  Biex l-ekonomija kreattiva tagħna tikber bilfors rridu nimmiraw li nifirxu barra minn pajjiżna u frankament ma narax għalfejn le.  Fl-Ewropa u lil hinn hemm niċeċ partikolari ta’ appassjonati tal-kultura f’genre partikolari, ngħidu aħna l-Jazz jew l-Opra, jew il-Heavy Metal bil-friegħ differenti tiegħu li għad li forsi ma jkunux mainstream jgħoddu fil-mijiet kbar ta’ eluf jekk mhux miljuni.   

Wieħed fil-mija tal-popolazzjoni Ewropea li jħobbu genre partikolari u wieħed fil-mija tal-popolazzjoni Maltija li jħobbu l-istess genre partikolari huma ovvjament differenti ħafna fejn jidħlu numri.  U għalhekk irridu nħarsu barra minn pajjiżna ħalli nkomplu noħolmu b’ambizzjoni. 

Dawn kollha huma opportunitajiet għall-Maltin li għandna talent li jħabbatha ma kulħadd. 

It-tieninett irridu nirrakkontaw l-istorja tagħna bil-konversazzjoni kulturali.  Pajjiżna m’għadux dak it-tfajjel għadu tielaq jiġri fl-isfera internazzjonali.  Kbira bħala pajjiż, immaturajna, qed nagħmlu isem fejn jidħlu riżultati ekonomiċi u kwalita’ tal-ħajja u għandna storja x’ngħidu. 

Pajjiżna jrid jikber fl-isfera internazzjonali bis-saħħa tal-kultura.  Meta konna investejna fi “Blood on the Crown” biex nirrakkontaw l-istorja tas-Sette Giugno b’atturi ta’ Hollywood għamilna hekk biex Malta tikber fl-imħuħ u l-qlub ta’ nies li huma segwaċi tal-films minn madwar id-dinja kollha.  Bl-istess mod irridu nkomplu bi pjan strutturat biex bis-saħħa tal-mediums kulturali diversi biex insejħulhom hemm inkunu qed nitkellmu dwar Malta (direttament jew indirettament) bil-lingwa kulturali. 

Hawnhekk mhux qed nitkellem biss dwar individwi partikolari li jagħmlulna ġieh u unur, bħat-tenur fantastiku Joseph Calleja, imma anke dwar ħidma organizzata fejn fid-diversi sferi kulturali mmorru u nitkellmu dwar Malta.  Hekk jiġri meta l-flagships nazzjonali tagħna, bħall-Orkestra, il-Kor, iż-Żfin, it-Teatru jmorru barra minn pajjiżna u jipparteċipaw f’diversi inizzjattivi internazzjonali.  Hekk jiġri wkoll meta fil-pjattaformi li jattiraw mijiet ta’ eluf kbar ta’ segwaċi jkun hemm il-Maltin hemm, juru x’jafu. 

Iva, nemmen li din hi mira li rridu mmexxu ‘l quddiem għall-ġid ta’ pajjiżna, biex Malta tkompli tikber. 

+++ 

Jum il-Ħaddiem hu l-jum li niċċelebraw flimkien lil dawk kollha li b’mod regolari jmorru għax-xogħol u jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku ta’ din il-familja li jisimha Malta. 

Għandna ħafna għalfejn niċċelebraw u nieħdu gost fl-1 ta’ Mejju.  Qabelxejn niċċelebraw l-għaqal tal-Gvern ta’ Robert Abela li meta kien hawn il-maltemp tal-pandemija daħħal idejh fil-but u wieżen u għen lil tant u tant postijiet tax-xogħol.  Niċċelebraw ukoll il-fatt li bħalissa hawn l-ikbar ammont ta’ nies jaħdmu fl-istorja.  Niċċelebraw ukoll il-fatt li l-ekonomija baqgħet tikber b’mod kostanti u b’saħħtu.  Niċċelebraw ukoll ir-reżiljenza ta’ dan il-poplu li telaq jiġri biex ikompli jgħix il-ħajja tiegħu f’realta’ post-pandemika. 

Iva għandna ħafna għalxiex niċċelebraw l-1 ta’ Mejju. 

+++ 

Din il-ġimgħa mmarkajna xahar minn mindu dan il-Gvern rebaħ l-elezzjoni ġenerali u l-ħatra ta’ Kabinett ġdid. 

Ngħid għalija dan ix-xahar kien importanti ħafna u nemmen li rnexxili nwettaq il-miri personali poġġejt quddiemi għal dan ix-xahar. 

L-ewwel mira kienet li norganizza bla dewmien it-tim ta’ staff tas-Segretarjat.  Mill-ewwel titgħallem fix-xogħol politiku li inti tajjeb daqs kemm hu tajjeb it-tim tiegħek.  Organizzajt staff li hu bbażat fuq taħlita tajba ta’ żogħżija u esperjenza li nemmen li se jagħmel xogħol tajjeb ħafna. 

It-tieni mira kienet li malajr kemm jista’ jkun inkunu f’pożizzjoni li nkunu qrib in-nies u noffru s-servizzi kollha ta’ assistenza li tant investejna enerġija fihom biex nipperfezzjonawhom. 

It-tielet mira kienet li immedjatament niltaqa’ mal-istakeholders ewlenin u litteralment qattajna ġranet nisimgħu u niltaqgħu ma’ kull min xtaq jiltaqa’ magħna, inkluż mal-Oppożizzjoni. 

Ir-raba’ mira kienet li nikkoordinaw il-ħidma mal-uffiċju tas-Segretarja Parlamentari, l-uffiċjali tal-entitajiet u dipartimenti biex minnufih nitilqu niġru.  Fassalna s-sistemi ta’ kif se naħdmu u pjan ta’ x’irridu nwettqu, b’liema investiment u sa meta. 

Il-ħames mira kienet li nkunu preżenti on the ground daqs kemm konna lejlet l-elezzjoni.  Konna preżenti matul l-attivitajiet tal-Ġimgħa Mqaddsa, fil-festivals Ewlenin, fl-attivitajiet żgħar tal-irħula, fit-tnedija ta’ festivals, fil-każini u pjazzez u fil-postijiet fejn jinġemgħu n-nies. 

Is-sitt mira kienet li nkunu effiċjenti organizzati fil-preparazzjoni u l-attendenza fl-impenji uffiċjali tal-Gvern, mill-Kabinett sal-Grupp Parlamentari sa żjarat uffiċjali sa funzjonijiet oħra statali. 

B’idi fuq qalbi ngħid li bis-saħħa tat-tim li għandna flimkien wettaqna l-miri kollha. 

Dawn il-ħames snin se jkunu sbieħ ħafna fejn se nwettqu ħafna kisbiet flimkien 

More in Politika