Carmel Cacopardo | Transport Malta: inkompetenti jew kompliċi?
'Lil min kienet qed tipproteġi Transport Malta meta kienet siekta?'
Matul l-aħħar ġranet, fl-aħbarijiet, ġie żvelat li fil-bejgħ ta’ uħud mill-karozzi użati li huma impurtati għas-suq Malti mill-Ġappun, hemm iċ-ċajt. Ġew imbagħbsa l-meters biex jindikaw li l-karozzi intuzaw ferm inqas milli fil-fatt intużaw.
Numru mhux żgħir ta’ konsumaturi belgħu l-lixka u mingħalihom li xtraw karozza mhux daqstant użata meta fir-realtà ingidmu waħda sew. Rapporti li ġew ippubblikati spjegaw b’ċerta dettall kif saret il-ħadma. Issemma garage partikolari u anke stamperija bħala parti mix-xibka ta’ kompliċi fil-ħadma li saret.
Sal-ħin li qiegħed nikteb issemmew b’isimhom żewġ negozji involuti u li qed jissemmew li huma wara din il-ħadma tal-karozzi użati mpurtati mill-Ġappun.
Il-karozzi second-hand esportati mill-Ġappun ikollhom ċertifikat mill-Japan Export Vehicle Inspection Centre (JEVIC). Dan iċ-ċertifikat ikun fih l-informazzjoni dwar il-karozza esportata, inkluz x’użu jkun sar minnha, jiġifieri l-kilometri li l-karozza esportata tkun instaqet minn meta ħarġet fit-triq. Il-frodi li seħħet involviet kemm it-tbgħabis tal-meter fid-dashboard tal-karozza kif ukoll alterazzjonijiet fiċ-ċertifikat tal-JEVIC dwar l-istess karozza.
Hu floku li jgħidulna dwar x’verifiki kien qed jagħmel Transport Malta, ir-regolatur, qabel ma tirreġistra dawn il-karozzi użati impurtati. Milli jidher, l-ebda verifika ma kienet qed issir tad- dokumentazzjoni li illum nafu li hi ffalsifikata.
Meta wieħed jidħol fuq is-sit elettroniku ġappuniz, tal-JEVIC, ikun infurmat li Transport Malta tirrikjedi li jkun iċċertifikat il-kilometraġġ tal-karozzi li jkunu esportati, kemm dawk użati għall-passiġġera kif ukoll dawk użati għall-merkanzija. Din l-informazzjoni tinstab ukoll online. Billi tagħmel użu min-numru tax- chassis u xi informazzjoni oħra dwar il-karozza użata impurtata mill-Ġappun tista’ tikseb id-dettalji kollha dwar din il-karozza. Dawn id-dettalji li issib suppost li jkunu jaqblu ma’ dawk fid-dokumenti li jkunu nħarġu mill-JEVIC jekk kollox ikun sar kif għandu jkun.
Permezz ta’ stqarrija li Transport Malta ħarġet nhar it-8 ta’ Ġunju, tlett ijiem wara li l-media kixfet dak li kien ġara, hi tat parir lill-konsumaturi dwar kif jistgħu jagħmlu l-verifiki biex isiru jafu jekk il-karozza użata mill-Ġappun hiex imbagħbsa. Transport Malta issa qed tagħti l-parir biex jekk il-kilometraġġ li jidher fuq l-istrumenti tal-karozza ma jaqbilx ma’ dak fiċ-ċertifikat tal-JEVIC għandek titlob spjegazzjoni għal dan lil min biegħlek il-karozza!
Issa li qed jinkixef it-taħwid kollu li sar, għad hemm ħafna mistoqsijiet li jirrikjedu tweġiba ċara. L-iktar waħda urġenti tikkonċerna lil Transport Malta dwar kif hi qdiet ir-responsabbiltajiet regolatorji tagħha hi u tipproċessa l-applikazzjonijiet biex ikunu irreġistrati karozzi użati impurtati mill-Ġappun. Minn dak li hu magħruf ma saru l-ebda verifiki dwar il-validità tad-dokumentazzjoni ppreżentata. Kieku dan sar kienu joħorġu id-diskrepanzi li issa saru pubbliċi, u forsi kienu jittieħdu passi biex ikunu protetti l-konsumaturi minn dan il-frodi.
Dan kollu jwassal għal konklużjonijiet loġiċi. Jew hemm inkompetenza grassa fl-amministrazzjoni ta’ Transport Malta inkella kien hemm min kellu subgħajh imdeffsa fl-istorja kollha. Għax kif inhu possibli li ma tinjora l-informazzjoni kollha verifikabbli qabel ma tgħaddi biex tirreġistra karozza użata impurtata? Hu biss issa, għax inqabdet, li Transport Malta ppubblikat l-informazzjoni dwar x’għandek tagħmel biex tinduna jekk il-karozza użata u impurtata tiegħek hiex inbagħbsa jew le.
Lil min kienet qed tipproteġi Transport Malta meta kienet siekta?
Il-Ministru responsabbli għall-Ħarsien tal-Konsumatur iddikjarat li dawn l-allegazzjonijiet kollha heżżew “is-sistema”! Emfasizzat li hemm tolleranza zero għal imġieba qarrieqa bħal din.
Kien ikun ħafna aħjar kieku l-Onorevoli Ministru tassigura li l-awtoritajiet bħal Transport Malta jitmexxew sewwa. Fl-aħjar ipotesi dawk li qed imexxu din l-awtorità huma inkompetenti, u fl-agħar ipotesi huma kompliċi f’dak li sar. “Is-sistema” li irreferiet għaliha l-Ministru teħtieġ li tiġi f’sensiha, taħdem kontra l-frodi flok ma tiffaċilitah