Carmel Cacopardo | L-inkompetenza dwar il-ħażna tal-ilma tax-xita
Kellna Gvern li flok ma indirizza l-problema billi indirizza n-nuqqas ta’ bjar tax-xita ħaffer kwantità ta’ mini taħt l-art biex wara li jiġbor fihom l-ilma tax-xita dan jintrema l-baħar b’faċilità. Miljuni ta’ euro f’fondi Ewropej intużaw għal dan l-iskop: flus literalment mormija l-baħar
Il-Ministeru dwar ix-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar għadu kif ta bidu għal eżerċizzju ieħor ta’ konsultazzjoni pubblika dwar kif għandna nieħdu ħsieb il-ħażna tal-ilma tax-xita. Ma niftakarx kemm-il darba sar dan l-eżerċizzju tul is-snin, kemm direttament kif ukoll indirettament. Fl-aħħar l-awtoritajiet dejjem jispiċċaw joqgħodu lura għax jonqoshom il-kuraġġ li jindirizzaw l-iktar ħaġa bażika: l-infurzar!
Id-dokument konsultattiv janalizza l-istatistika u jsib ċifri li jippruvaw kemm is-sitwazzjoni hi waħda inkwetanti: 36% biss tar-residenzi f’Malta u Għawdex għandhom bir għall-ħażna tal-ilma. Dan minkejja li l-obbligu li jkollna bir ilu magħna fil-liġijiet tagħna sa mill-1880. Dan kien seħħ permezz tal-Ordinanza numru I tal-1880 li kienet saret mill-Gvern kolonjali Ingliż. Qabel dakinnhar kważi l-bini kollu kellu bir għall-ħażna tal-ilma tax-xita. Kulħadd kien konxju li l-ilma f’Malta hu skars u li kulħadd għandu jagħmel il-parti tiegħu biex nilqgħu għal dan. Illum sakemm hemm l-ilma fil-vit, ħadd ma jimpurtah jew jagħti kaz.
Id-dokument konsultattiv, intitolat Green Stormwater Infrastructure Guidance Manual, jagħmel użu minn informazzjoni miġbura fiċ-ċensiment tal-2011 u jikkonkludi li hu fil-qasam tal-appartamenti li hemm l-ikbar nuqqasijiet: bini bla bir għall-ilma tax-xita. Fil-każ tal-vilel jirriżulta li 80% għandhom bir imma fil-każ tal-appartamenti 4% biss josservaw il-liġi dwar il-bjar. Ħadd ma jkun sorpriż għall-informazzjoni li tirriżulta li fuq livell ġeografiku Għawdex qiegħed fl-agħar pożizzjoni. 25% biss tar-residenzi f’Għawdex josservaw il-liġi tal-bjar għall-ilma tax-xita.
Id-dokument konsultattiv jagħmel referenza ukoll għall-fatt li wasalna sa hawn minħabba nuqqas ta’ infurzar. Infurzar, nemfasizza jiena, inkompetenti u kważi ineżistenti. Hu faċli li nippuntaw lejn l-iżviluppaturi li jevitaw tqattiegħ ta’ blat jew bini ta’ bjar biex jiffrankaw l-ispejjes u jżidu il-profitti. Għandhom il-kompliċi li jinjoraw dan kollu u mbagħad jiċċertifikaw li x-xogħol kollu sar sewwa. F’dawn iċ-ċirkustanzi iċ-ċertifikati li x-xogħol sar sewwa jinħarġu mill-Awtorità tal-Ippjanar xorta waħda. Anke l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tawtorizza li l-katusi tad-drenaġġ minn dan l-iżvilupp bla bir jkunu mqabbda mal-main pubbliku tad-drenaġġ mingħajr ma jagħmlu verifika jekk hemmx bir kif ukoll fejn ser imur l-ilma tax-xita.
L-ilma tax-xita jinġabar f’bir u meta dan jimtela, iż-żejjed, permezz ta’ overflow jgħaddi għat-triq pubblika. Minflok hekk, f’numru ta’ każi ta’ żvilupp l-ilma tax-xita jispiċċa kollu direttament fit-triq. Xi drabi, u dan qed ikunu spiss wisq, l-ilma tax-xita jispiċċa direttament fis-sistema tad-drenaġġ.
Hu minħabba f’hekk li waqt u wara maltempata jkollna toroq mgħarrqa jew tappieri tad-drenaġġ ifuru!
L-infurżar iweġġa’ bosta għax hemm ħafna każi fejn il-liġi mhux osservata. Din hi r-raġuni għala l-ebda Gvern ma jazzarda jieħu din il-problema bis-serjetà. Kellna Gvern li flok ma indirizza l-problema billi indirizza n-nuqqas ta’ bjar tax-xita ħaffer kwantità ta’ mini taħt l-art biex wara li jiġbor fihom l-ilma tax-xita dan jintrema l-baħar b’faċilità. Miljuni ta’ euro f’fondi Ewropej intużaw għal dan l-iskop: flus literalment mormija l-baħar. Minkejja dan l-użu ħażin ta’ fondi Ewropej għadna bit-toroq mgħarrqin fl-ilma u tappieri tad-drenaġġ ifuru, waqt u wara maltempata.
Li jkollna ir-regoli u l-manwali dwar kif l-affarijiet isiru sewwa bla dubju hu utli. Imma dan waħdu mhux biżżejjed għax dak li hemm bżonn hu infurzar serju li ma jħares lejn wiċċ ħadd. Dan hu in-nuqqas il-kbir. Hu frott il-klijenteliżmu li hu parti integrali mill-filosofija tal-iggvernar u tal-amministrazzjoni. Hi marda politika li mhiex limitata għall-qasam tal-ilma tax-xita imma, kif nafu, hi mifruxa fl-amministrazzjoni pubblika.
Kieku dawk impjegati biex jimplimentaw il-liġijiet, ir-regoli u r-regolamenti jagħmlu xogħolhom, il-problema tal-ħażna tal-ilma tax-xita tkun ferm iżgħar u definittivament li nistgħu nlaħħqu magħha!
Il-problema bażika li d-dokument konsultattiv ma jiddiskutix hi li ma teżistix ir-rieda politika biex ikun assigurat li r-regoli sempliċi dwar il-ħażna tal-ilma tax-xita jkunu osservati minn kulħadd bla eċċezzjoni. Minn hawn joħroġ kollox.