Josianne Cutajar | Ħidma kontinwa favur il-gżejjer
'Fejn il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ma tagħtix appoġġ adegwat lill-gżejjer tagħna, speċjalment fejn... mezzi tat-trasport li niddependu fuqhom, ma nivvutax favur il-pożiżżjoni tal-Parlament Ewropew'
Fid-dawl tal-vot tal-Parlament Ewropew ftit żmien ilu dwar liġi għall-fjuwils sostenibbli fis-settur tal-avjazzjoni, proposta leġiżlattiva li tifforma parti mill-Pakkett Fitfor55, komplejt nisħaq li l-isfidi speċifiċi relatati mal-gżejjer għadhom mhux qed jiġu kkunsidrati b’mod adegwat fuq livell Ewropew.
Bħala membru tal-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu u dak tar-Reġjuni, dejjem kont minn ta’ quddiem biex nippreżenta diversi emendi fil-livell ta’ kumitat biex nisħaq fuq l-attenzjoni speċifika li l-gżejjer jeħtieġu. Pero' hi realtà li s’issa l-bżonnijiet speċifiċi tal-gżejjer mhumiex jiġu meqjusa b’mod suffiċjenti mill-Unjoni Ewropea. Hu għalhekk li fejn il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ma tagħtix appoġġ adegwat lill-gżejjer tagħna, speċjalment fejn jidħlu liġijiet li jaffettwaw direttament it-trasport bl-ajru u bil-baħar, mezzi tat-trasport li niddependu fuqhom, ma nivvutax favur il-pożiżżjoni tal-Parlament Ewropew. U dan fl-interess ta’ pajjiżi.
Dan in-nuqqas ta’ rikonoxximent adegwat reġa’ deher fil-każ tal-Proposta għal Regolament dwar fjuwils sostenibbli tal-avjazzjoni, li ġiet ivvotata ftit tal-jiem ilu waqt il-Plenarja fi Strasburgu. Filwaqt li jien favur li tiġi żgurata dekarbonizzazzjoni mgħaġġla tas-settur tal-avjazzjoni, ma nistax ma nenfasizzax li jeħtieġ li jkollna miri u dispożizzjonijiet realistiċi li jindirizzaw l-impatt fuq gżejjer u Stati Membri bħal tagħna li jiddependu ħafna mis-settur tal-avjazzjoni għall-konnettività, it-turiżmu u l-iżvilupp ekonomiku tagħhom.
Saħansitra, dan kollu jirrelata mal-protezzjoni tad-dritt tal-moviment ħieles, aktar u aktar meta jitqies li ċ-ċittadini u n-negozji li ġejjin mill-gżejjer bħal tagħna jeħtieġu aċċess għal konnessjonijiet adegwati u vjaġġar bi prezz raġonevoli.
F’ħidmieti se nibqa’ nisħaq fuq l-importanza ta’ konnettività aktar b’saħħitha fit-trasport sabiex inkomplu nsaħħu aktar il-moviment ħieles u s-settur tat-turiżmu f’pajjiżna u żoni oħra periferali fl-Unjoni Ewropea. Kommessa li nkompli bid-djalogu tiegħi mal-imsieħba u awtoritajiet involuti, inkluż mal-Kumissjoni Ewropea, sabiex nindirizzaw l-isfidi riċenti li ċ-ċittadini Ewropej qed jaffaċċjaw, bi prezzijiet ogħla ta’ titjiriet, dewmien u l-ikkanċellar ta’ titjiriet fl-aħħar ħin.
Il-ħidma tiegħi favur il-bżonnijiet tal-gżejjer ma waqfitx. Ħdimt favur ir-Rapport relatat mal-Gżejjer u l-Politika ta’ Koeżjoni, rapport li nnegozzjajt f’isem is-Soċjalisti, fejn fih ikkontribwixxejt b’mod dirett mill-esperjenza tiegħi t’Għawdxija u Maltija. F’dan ir-rapport esiġejt għal “patt ġdid” bejn l-Unjoni Ewropea u l-gżejjer tagħha biex inkomplu nippromwovu d-drittijiet taċ-ċittadini li jgħixu, u l-intrapriżi li joperaw, fil-gżejjer tal-Unjoni Ewropea. Ser inkompli inwettaq ħidma favur politika aktar b’saħħitha għall-gżejjer tagħna li jistħoqqilhom aħjar. Onorata li din il-ħidma ġiet anke rikonoxxuta hekk kif ftit tax-xhur ilu ġejt maħtura Viċi President tal-Intergrupp SEArica, fejn qed naħdmu biex l-Unjoni Ewropea tagħti aktar attenzjoni xierqa lill-gżejjer tagħha.
Ir-reġjuni l-aktar imbiegħda mill-periferija tal-Unjoni Ewropea jgawdu minn trattament preferenzjali meta mqabbla ma’ gżejjer oħra minħabba dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat. Madankollu, l-Unjoni Ewropea teħtieġ ukoll tibda tirrikonoxxi li gżejjer oħra bħal tagħna, li mhumiex reġjuni daqstant 'il bogħod, jaffaċċjaw ukoll sfidi partikolari u għaldaqstant hemm bżonn li jiġu mgħejjuna sabiex ma jitħallewx jaqgħu lura. Dan huwa messaġġ li kontinwament nisħaq fuq livell Ewropew.
Ser nibqa’ nisħaq fuq il-ħtieġa ta' proposti li jkunu “territorial-proof”. Jekk dan ma jseħħx, ser inkomplu nispiċċaw b’aktar fallimenti leġiżlattivi fejn l-Unjoni Ewropea bilkemm tqis żoni periferali u insulari, aħseb u ara kemm tindirizza l-bżonnijiet tagħhom.
Din hi kwistjoni ta’ ġustizzja soċjali maċ-ċittadini Għawdxin, Maltin u Ewropej, li ma nistax ma nkomplix nisħaq fuqha. Il-ħidma tkompli!