Ivan Bartolo | Il-Fekruna
Issib bnedmin li jaħsbu li huma l-mibgħuta mill-Assolut u lesti jgħallmu lil kulħadd. Ikollhom biss impressjonijiet foloz li jġorruhom magħhom tul ħajjithom kollha. Suppervja, kburija, qdusija falza, aljenati, mirduma u l’ bogħod minn dak li l-umanità teħtieġ
F’mergħat kollhom ħdura, f’wita sabiħa, fit-tarf tar-raħal, kien hemm għadira fonda u partikolari.Kienu jgħidulna li fiha hemm fek runa li tisma’ kull ma jingħad quddiem l-għadira. Kienu bosta li jmorru jiftħu qalbhom mal-fekruna. Għax għalkemm qatt ħadd ma raha xejn, madanakollu wieħed kien iħossu jistrieħ jittkellem mal-fekruna li taf tisma.
U l-fekruna kienet tisma’ minn kollox. Minn uġigħ tal-qalb minħabba firda minn xi ħadd għażiż sa kriżi ta’ eżistenza.
Jien ukoll kont immur ħdejn l-għadira. Xejn uġigħ ma kont inlissen, għax meta nkun hemm kont nimtela’ b’paċi kbira.Kont naf u konvint li hemm xi ħadd jismagħni. Kont inkellimha fuq ħolm li nixtieq inwettaq. Kont inkellimha fuq ħwejjeġ li nixtieq nara mibdula u ntejjeb sitwazzjonijiet iebsin li xi wħud jgħaddu minnhom. Kont nesprimi ruħi u ngħidilha fuq kif se nġib il-bidla, il-karità, il-ġustizzja soċjali.Kont noħlom b’Malta Ħanina. Imma kont ngħidilha wkoll li l-ewwel tjieba trid isseħħ fil-bnedmin li jgħinuni nġib din il-bidla.Din l-ikbar sfida.
Kont infittex din l-għadira, ‘il bogħod mill-istorbju u t-taħbit tal-ħajja għax hawn kont tassew inħossni ħieles, hawn kont fil-veru sens tal-kelma nħossni kolonna li tista’ tbiddel sitwazzjonijiet diffiċċli. Kont naf ukoll li biex nagħmel dan, se nsib lil min iġiegħlni nbati, se nsib lil min jaqtani mid-dinja minħabba għira u forom oħra ta’ skjavitù li l-bniedem ma jagħrafx jeqred minn ġo fih.
Wara kollox biex jgħix aħjar. Għax xi wħud jgħixu b’impressjoni ta’ dak li huma u ta’ dak li għandhom il-ħila jagħmlu. Issib ukoll bnedmin li jaħsbu li huma l-mibgħuta mill-Assolut u lesti jgħallmu lil kulħadd. Ikollhom biss impressjonijiet foloz li jġorruhom magħhom tul ħajjithom kollha. Suppervja, kburija, qdusija falza, aljenati, mirduma u l’ bogħod minn dak li l-umanità teħtieġ. U sakemm dawn it-talin jibqgħu aljenati mill-fantasiji u l-ħrejjef li bnew, ikunu qegħdin jobdu liġi għamja, li s-sies tagħha hu tar-ramel.Liġi li malli telgħu fuqha ċeda kollox bihom u tħarbtilhom kollox.
U ħdejn l-għadira ġieli werżaqt. Werżaqt fejn ħadd ma semagħni ħlief il-fekruna tal-għadira. Għax miniex it-tip li nkunkuntent u nkun mistrieħ fuq dak li jidher minn barra. Irrabbjajt, għax xbajt qalb bnedmin li għandhom il-ħila jitkellmu biss, kliem, kliem u kliem biss.L-hena tagħhom iduru mal-lewża u juru ħaġa b’oħra lil tal-madwar għax hekk jaqblilhom. U l-kbira hi li jekk ma tagħmilx bħalhom, iqisuk bħala dgħajjef, ġifa u lesti jwarrbuk f’ġenb. L-eħfef skuża meta jwissuk li “ma tistax tibqa daqshekk sensittiv.”
Għax bil-qerq tagħhom ikaxkru lil min hu dgħajjef u lil min fil-verità ma jafx l-affarijiet. Kontinwament ibellawha lis-segwaċi tagħhom li għandhom il-grazzja ta’ kull għerf, u lesti u ppreparati li joħorġu fil-beraħ il-kburija tiegħek, biex jgħattu tagħhom. U l-istejjer fuqek iżejnuhom mill-aħjar li jistgħu, bi kliemhom ħelu daqs il-butir u b’vuċi soda li tikkonvinċik kemm huma tal-affari tagħhom. Fil-verità … ġrieden tal-imramma. Il-ħasra li bosta jaqgħu fin-nases tagħhom. Ma ntihomx tort. Mhux faċli tinħakem mid-dehra tagħhom, mid-dehra ta’ ħaġa b’ oħra. Ftit huma dawk li jindunaw. Dawn il-ftit jispiċċaw jinqatgħu minn ma’ kulħadd. Ma ttihomx tort. Huma dawn li fil-verità jħarsu lil hinn minn dak li jidher fil-wiċċ.
U mmur lura fi tfuliti. Niftakar fit-tagħlim li ħadt minn skola tal-knisja, mid-duttrina ta’ Dun Anġ, mill-Museum u mill-Parroċċa. Ħdejn l-għadira nerġa’ nwerżaq mal-fekruna u nirrabja għal kull min għallimni s-sewwa. Nirrealizza li kollox utopia. Fl-iskola u d-duttrina ta’ Dun Anġ ma ħejjewnix għal meta niltaqa’ mal-ġrieden. Ħejjewni f’affarijiet tas-sema, tar-ruħ, li tgħollini fuq l-irjus u li għadni sallum inxandarhom minn fuq il-bjut bla mistħija ta’ xejn.
F’ għadira fonda, kulħadd kien jaħseb li fiha tgħix fekruna. Fil-verità, fl-għadira ma kien hemm l-ebda fekruna. Kull ma kien hemm ... jien biss, ngħum f’ din l-għadira...... jien u l-ilma.