Carmel Cacopardo | It-timbru tal-President
Għad baqa’ ċans biex il-Parlament jikkunsidra t-tneħħija ta’ George Vella mill-ħatra u dan minħabba l-imġieba tiegħu li hi kemm inaċċettabbli kif ukoll illegali
Waqt li inti qiegħed taqra dan l-artiklu, l-Eċċellenza Tiegħu il-President qiegħed fir-Renju Unit wara li attenda għall-inawgurazzjoni tal-logħob tal-Commonwealth. Huwa telaq minn Malta nhar l-Erbgħa filgħodu.
Hekk kif l-ajruplan tal-Air Malta bl-Eċċellenza tiegħu fi triqtu lejn Birmingham inqata’ mill-art, l-Aġent President il-Professor Frank Bezzina kien fl-uffiċċju tal-President qiegħed jiffirma l-liġi bl-emendi tal-IVF. L-istess liġi li Vella kien ilu ġranet sħaħ jirrifjuta li jiffirma.
L-istorja ma tieqafx hawn. Meta l-President, George Vella, irrifjuta li jiffirma huwa mar lil hinn mill-awtorità li tagħtih il-liġi u dan billi hu ma għandu l-ebda diskrezzjoni dwar kif jista’ jaġixxi: Għandu jagħti l-kunsens tiegħu bla dewmien. Hekk jistabilixxi l-artiklu 72 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta’ Malta.
Anke l-Eċċellenza Tiegħu hu soġġett għal-liġi, f’dan il-każ il-Kostituzzjoni. Li jirrifjuta li jimxi ma dak li tgħid il-liġi, f’dan il-każ il-Kostituzzjoni, hu ksur serjissimu tar-responsabbiltajiet Kostituzzjonali Tiegħu. Fil-fehma tal-partit tiegħi dan hu suffiċjenti biex ikun ikkunsidrat li George Vella jitneħħa mill-kariga ta’ President tar-Repubblika. L-Eċċellenza Tiegħu messu jkun ta’ eżempju dwar kif inbaxxu rasna għas-saltna tad-dritt. Kif nippretendu li ħaddieħor jaqdi dmiru jekk il-Kap tal-iStat jaġixxi b’dan il-mod u jagħti l-agħar eżempju possibbli?
Għad baqa’ ċans biex il-Parlament jikkunsidra t-tneħħija ta’ George Vella mill-ħatra u dan minħabba l-imġieba tiegħu li hi kemm inaċċettabbli kif ukoll illegali.
Imma l-Parlament għandu bżonn li jmur lil hinn minn ċensura qawwija ta’ George Vella. Għandu jikkunsidra fil-fond ir-rwol tal-President tar-Republika. Speċifikament għandu jkun ikkunsidrat li l-President ma għandux ikun sempliċi timbru imma li possibilment ikollu poter li jibgħat lura għand il-Parlament dawk il-liġijiet li fil-fehma tiegħu ma jkunux kompatibbli mal-kostituzzjoni.
Fis-sottomissjonijiet li l-partit li jiena immexxi kien għamel lill-Konvenzjoni Kostituzzjonali konna iffukajna fuq din il-materja, fost affarijiet oħra. Fid-dokument li ippreżentajna lill-konvenzjoni, fis-sezzjoni intitolata : Il-President tar-Repubblika: ħatra u responsabbiltajiet, il-partit kien ippropona li l-President għandu jkollu id-dritt li jibgħat lura quddiem il-Parlament liġi biex din tkun ikkunsidrata mill-ġdid kemm-il darba fil-fehma tiegħu din il-liġi ma tkunx kompatibbli ma’ dak li tipprovdi l-Kostituzzjoni.
Il-President, meta jidħol fil-ħatra, jiddikjara li hu/hi ser jiddefendi l-Kostituzzjoni. Imma minkejja li jassumi fuqu dan l-obbligu m’għandux għodda kostituzzjonali biex dan ikun jista’ jagħmlu. Il-proposta tagħna ilna li ppreżentajniha kważi tlett snin. Biha ipproponejna l-għodda kostituzzjonali meħtieġa li permezz tagħha l-Eċċellenza Tiegħu il-President ikun jista’ jaġixxi b’mod responsabbli u bis-saħħa tal-liġi, f’ċirkustanzi serji fejn dan ikun meħtieġ. Konna pproponejna ukoll li jekk il-Parlament ma jibdilx jew jimmodifika il-pożizzjoni tiegħu għas-sodisfazzjon tal-President dan ikollu l-possibilità li jibgħat il-liġi in kwistjoni quddiem il-Qorti Kostituzzjonali għal deċiżjoni finali. Hekk isiru l-affarijiet bis-serjetà.
B’dan il-mod l-uffiċċju tal-President ma jibqax sempliċi timbru kostrett li jgħid iva bilfors, inkella jopera barra mill-parametri tal-liġi. Dak li għamel il-President f’dawn il-ġranet hu gravi u setgħet inħolqot kriżi kostituzzjonali. Mhux l-ewwel darba li konna fix-xifer lijinqala’ incident simili. Xi snin ilu President ieħor kien indika (privatament) li ma kienx komdu li jiffirma il-liġi dwar l-Unjoni Ċivili (Att IX tal-2014). Biex jikkalma s-sitwazzjoni u jevita kriżi Kostituzzjonali l-Gvern ta’ dakinnhar kien ippospona ftit il-vot finali fil-parliament sakemm laħaq inħatar President ġdid. Il-liġi dwar l-Unjoni Ċivili, fil-fatt kienet ġiet iffirmata mill-President nhar is-17 t’April 2014, tlettax-il jum wara li bdiet il-Presidenza ta’ Marie Louise Coleiro-Preca.
Jagħmel tajjeb il-Parliament jekk jikkunsidra din il-materja issa u jikkunsidraha sewwa. Hu essenzjali li l-President tar-Repubblika jkollu l-għodda kostituzzjonali biex ikun jista’ jaħdem b’mod responsabbli u skond il-liġi. Iktar ma dan isir malajr, aħjar.