Carmel Cacopardo | Xogħol fuq pjattaforma diġitali: skjavitù modern?
L-azzjoni industrijali tal-ġimgħa l-oħra fetħet għajnejn bosta, inkluż ta’ dawk li kienu qed jagħmluha tal-boloh, taparsi ma jafu b’xejn. Issa hu l-waqt għal azzjoni konkreta. Azzjoni li teħtieġ li anke l-konsumatur jieqaf milli jagħmel użu mis-servizzi ta’ dawk li qed jinkoraġixxu dan l-iskjavitù diġitali modern
Ilna ftit li bdejna nindunaw, bil-mod, li l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawk assoċjati mal-pjattaforma diġitali lokali setgħu ma kinux adegwati. Fi Frar li għadda, wieħed minnhom, Nepaliż ta’ 28 sena, kien involut f’inċident tat-traffiku fatali fil-Marsa waqt li kien għaddej fuq xogħlu, jqassam l-ikel.
Din mhijiex xi ħaġa li tikkonċerna lilna biss, f’Malta. Hi sitwazzjoni li hi wkoll taħt l-osservazzjoni tal-Unjoni Ewropea li qed tikkunsidra l-introduzzjoni ta’ Direttiva, applikabbli fl-Unjoni kollha, “dwar it-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol fuq il-pjattaformi diġitali”.
L-istudju dwar l-impatt ta’ din il-miżura, li ġie mfassal bħala dokument biex ikun ta’ għajnuna fid-deliberazzjonijiet meħtieġa, jenfasizza li wħud minn dawk li jaħdmu permezz tal-pjattaformi diġitali qed jiffaċċjaw kundizzjonijiet ħżiena ta’ xogħol u aċċess mhux adegwat għal ħarsien soċjali. Uħud minnhom, jgħid l-istudju, huma b’mod żbaljat deskritti jew klassifikati bħala persuni li jaħdmu għal rashom.
Bħala riżultat ta’ din id-deskrizzjoni ħażina dawn ġeneralment jitilfu ħafna mid-drittijiet jew protezzjoni li huma intitolati għaliha. Dawn jikkonċernaw il-ħarsien dwar kemm jaħdmu siegħat, il-paga minima (inkluż il-bonus statutorju ta’ Ġunju u Diċembru), leave annwali bi ħlas, leave għall-mard, leave tal-ġenituri u ħarsien tas-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
L-azzjoni industrijali tal-kurriera tal-ikel tal-Bolt il-ġimgħa l-oħra iffukat l-attenzjoni fuq il-qagħda ta’ dawk li jaħdmu permezz tal-pjattaforma diġitali. “Kważi ħadd ma jaf minn xiex ngħaddu biex inwasslu l-ikel malajr” kien ikkwotat jgħid wieħed mill-kurriera.
Hu fatt mhux daqstant magħruf li l-operaturi tal-pjattaforma diġitali konnessa mat-tqassim tal-ikel, minbarra li jiġbru l-ħlas dovut għat-tqassim jieħdu wkoll kummissjoni sostanzjali mingħand l-operaturi tal-istabbilimenti tal-ikel li jservu. Xi kultant, jiena infurmat, li dawk il-kummissjonijiet jammontaw għal madwar it-30 fil-mija tal-valur tal-ikel li jkun qed jitqassam. Ġibduli l-attenzjoni tiegħi li din il-kummissjoni kultant tidher riflessa f’diskrepanza bejn il-prezzijiet li jidhru online u dawk li tista’ tara b’għajnejk fl-istabilimenti tal-ikel infushom!
Għandu jkun ċar li dawn il-flejjes mill-kummissjonijiet ma jispiċċawx għand il-kurriera li jkunu qed jiġru bil-muturi mat-toroq tagħna. Jispiċċaw fil-kont tal-bank tal-operaturi tal-pjattaforma diġitali!
Uħud mill-kurriera jitħallsu bir-rata miżera ta’ €2 għal kull vjaġġ bl-ikel, kultant inqas. L-iffurtunati fosthom kultant jitħallsu €2.50 (jew ftit iktar) għal vjaġġ bl-ikel! Dan ifisser li jkun jeħtieġilhom li jaħdmu għal sigħat twal biex jistgħu kemm kemm jgħixu. L-affarijiet huma bil-bosta agħar għal dawk meqjusa bħala “indipendenti”, inkella b’mod falz deskritti bħala li jaħdmu għal rashom. Dawn jispiċċaw iridu jħallsu l-ispejjes li jkollhom huma ukoll. Jispiċċaw ħafna agħar!
Dan hu skjavitù tas-seklu wieħed u għoxrin. Skjavitù diġitali!
Wara l-azzjoni industrijali tal-ġimgħa l-oħra tal-kurriera tal-ikel tal-pjattaforma diġitali, uħud mill-istabilimenti tal-ikel kienu mħassba u fetħu ħalqhom għax dan effettwalhom il-but. Ħadd ma nduna li kienu b’xi mod imħassbin huma u jużaw dan is-servizz ta’ dawn il-kurriera imħaddma qishom skjavi. Xejn ma ddejqu. Il-kuxjenza ma niggżithomx.
L-istabilimenti tal-ikel li jagħmlu użu mis-servizz tal-pjattaforma diġitali mhumiex direttament responsabbli għal kif din topera! Imma, l-fatt li jagħmlu użu minna jirrendihom kompliċi f’ din l-industrija ta’ skjavitù modern li qed tiżviluppa biex taqdi lilhom.
L-azzjoni industrijali tal-ġimgħa l-oħra fetħet għajnejn bosta, inkluż ta’ dawk li kienu qed jagħmluha tal-boloh, taparsi ma jafu b’xejn. Issa hu l-waqt għal azzjoni konkreta. Azzjoni li teħtieġ li anke l-konsumatur jieqaf milli jagħmel użu mis-servizzi ta’ dawk li qed jinkoraġixxu dan l-iskjavitù diġitali modern.