Editorjal | Kieku mhux għalihom m'għad fadlilna assolutament xejn!
'Il-kuraturi ta' artna, dawk li lilhom nagħtu l-vot (imma li żgur ħafna minnhom ma jixraqilhomx dak il-vot) jabbużaw, jbiegħu, jmaxtru, jistagħnew u jħallu lil min jabbuża, jmaxtar u jistagħna minn fuq artna u minn fuq l-assi ta' pajjiżna....'
Xi darba, mhux wisq żmien ilu - fl-1997 - kien hemm xi ħadd li għax il-Gvern Laburista ta' dak iż-żmien kien qed imexxi proġett li kien se jara il-moll tal-Birgu mogħti lill-Konsorzju barrani, apparti l-fatt li Sant'Anġlu kien ingħata lill-Kavillieri ta' San Ġwann biex imexxuh huma, qajjem pandemonju politiku sħiħ li ra lil dak l-istess Gvern jaqa', sentejn biss wara li kien elett. Dan il-persuna kien Dom Mintoff u l-ġlieda tiegħu, fost affarijiet oħrajn, kienet l-art pubblika - l-art tal-Maltin. Li din l-art pubblika hija bi dritt tal-poplu u allura huwa l-poplu kollu li għandu jkollu l-jedd igawdiha u l-ebda kumpanija privata u l-ebda negozju ma għandu jkollu l-jedd li jikkapparra dik l-art pubblika.
Għall-għajjat u ċirimelli kollha u l-monumenti kollha li saru, illum il-legat politiku Mintoffjan tal-1997 fuq il-ġlieda biex l-art tal-poplu, tibqa' tal-poplu kollu la qed imexxih 'l quddiem il-Partit Nazzjonalista u żgur lanqas il-Partit Laburista. Ilbieraħ rajna kif "it-torċa" tal-ġlieda għall-art pubblika - ass tal-poplu, li minnu ma tantx għandna - qed tmexxih 'il quddiem is-soċjetà ċivili, mmexxija mill-Moviment Graffitti.
U dan l-editorjal irid juri l-appoġġ totali u assolut tiegħu lejn Graffitti u lejn il-ġlieda tagħhom kontra l-kultura tal-cowboys u kontra l-kultura tax-xejn mhu xejn meta niġu għall-art u l-assi pubbliċi.
X'ma rajniex fl-aħħar 15-20 sena? Il-kuraturi ta' artna, dawk li lilhom nagħtu l-vot (imma li żgur ħafna minnhom ma jixraqilhomx dak il-vot) jabbużaw, jbiegħu, jmaxtru, jistagħnew u jħallu lil min jabbuża, jmaxtar u jistagħna minn fuq artna u minn fuq l-assi ta' pajjiżna.
X'ma rajniex? Tliet sptarijiet pubbliċi b'ħafna fanfarra tajnihom lill-kumpanija bla track record - ħlief wieħed! Is-sentenza ta' Qorti Kanadiża kontra Ram Tumuluri, li sabitu ħati ta' serq. Morru Gwardamangia u araw b'għajnejkom f'liema stat jinsab San Luqa - bini enormi, fuq art enormi. Monument ta' serqa papali, ta' kobba li għad trid tinħall.
Min jaf kieku kien ħaj Mintoff, x'kien jgħid!
Rajna artijiet fil-Fekruna (ix-Xemxija) allegat li ngħataw bir-ribass taħt Gvern Nazzjonalista, rajna Gvern tal-PN u tal-PL mhux biss jagħlaq għajn imma jbierek żvilupp ta' rħula sħaħ mibnijin kollha illegalment. Mhux talli ħadd ma qal xejn, talli l-partiti bierku dan l-iżvilupp. Morru fejn tridu: Mill-Armier, sal-Għadira, San Tumas... monumenti ta' Gvernijiet bla sinsla quddiem ksur sfaċċat tal-liġi.
Ikun hemm min jgħidilna "maż-żgħar se taqbdu?" Mela inkomplu fuq il-kbar! Art verġni, b'uħud mill-isbaħ veduti f'dan il-pajjiż nagħtuha lill-Ġordanizi. Art biex jinbena dormitorju - xi ħaġa li għal grazzja ta' Alla ma seħħitx għax min vera jħobb lil din l-art ħelwa (mhux min jaraha baqra tal-flus!) niżel jipprotesta, għal darba, darbtejn, tlieta. U l-istess fil-każ tal-Marina. Il-grazzi tmur għal Moviment Graffitti u dawk li ngħaqdu miegħu, l-ewwel u qabel kollox. Kieku mhux għax iġġilduha huma, anke l-baħar kienu jieħdu!
Tiftakru kemm Lawrence Gonzi kien wiegħed impjiegi fi Smart City, meta artna tawha lil tad-Dubaj? 5,000 impjieg. Fejn huma dawn? 5,000 gidba, waħda fuq oħra. L-importanti li tajnihom l-art, aħna, wieħed mill-iżgħar pajjiżi fid-dinja. Kieku kien ħaj Mintoff, x'kien jgħid tgħid?
Għaddu mill-Coast Road u ibqgħu suqu, sejrin lejn Pembroke u tarawh hemmhekk. Monument ieħor tal-inkompetenza grassa taż-żewġ partiti u kemm verament jiġu jaqgħu u jqumu minn artna. Hemmhekk qiegħed, fejn xi darba kien hemm kumpless turistiku - White Rocks.
Ħafna wegħdi, ħafna tpinġijiet, ħafna konferenzi b'xinxilli, ħafna tama u ħafna kliem bombastiku bħal "exclusive" u hekk baqa'. Monument tal-apatija, ta' gvernijiet li minn artna jaraw bir ta' flus. Għaliex ma kienx hemm żblokk f'din il-kwistjoni? Għaliex il-Gvern ma jaqbadx u jieħu din l-art hu u jbiddilha f'park għall-familji? Għax ma hemmx rieda? Jew għax kollox isir skont il-kalkolu tal-but u min se jdaħħal fil-but?
Is-Sibt rajna lil Graffitti mill-ġdid jiġġieldu għal artna f'Kemmuna. B'liema dritt jiġu erbgħa minn nies u jikkapparraw bajja? B'liema dritt hawn min jaħseb li huwa 'l fuq mill-liġi? Dik artna. Dik tagħna. Dik mhix wirt ta' xi ħadd, għax jaf lil xi ħadd.
Lanqas temmen. Pajjiż daqs ġunġliena f'nofs turtiera ħobż, bla wisq riżorsi u l-aktar riżorsa li naħlu, insawwtu, nabbużaw u ninjoraw hija l-art. Kemm għad fadlilna x'nitgħallmu u kemm għad fadlilna x'nikbru biex verament napprezzaw "din l-art ħelwa."
Sadanittant nirringrazzjaw l'Alla li għandna NGOs bħal Graffitti, għax kieku anke l-ftit li għad fadal jibilgħuh! Sa mn'Alla għandna min ma jibżax jikkonfronta s-sistema u jkun militanti kontra r-regħba, għax kieku m'għad fadlilna xejn.