Carmel Cacopardo | Ftit ħsibijiet dwar il-baġit li jmiss
Għadna qed nistennew lill-Onorevoli Ministru tal-Finanzi biex iwettaq dak li wiegħed is-sena l-oħra bl-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu speċjali li jipproteġi lill-vulnerabbli mill-impatti tal-għoli tal-ħajja. Għadna nistennew, imma l-Onorevoli Ministru jidher li hu iktar ippreokkupat biex jonora l-wegħdiet konnessi mal-klijenteliżmu politiku fl-Air Malta....
F’dawn il-ġranet, fil-Ministeru tal-Finanzi jkun qed isir ix-xogħol preparattiv dwar il-baġit li normalment ikun imħabbar matul ix-xahar ta’ Ottubru.
Il-Ministru tal-Finanzi, mid-dehra diġà ddeċieda li jagħti l-aħħar irtokki biex ikompli jiffinanzja l-klijenteliżmu fl-Air Malta. Dan hu proġett fit-tul li l-ħidma dwaru ilha għaddejja fuqu mill-predeċessuri tiegħu. Proġett li jinvolvi iktar miljuni ta’ ewro ġejjin mit-taxxi tagħna li ser ikunu moħlija biex jonoraw wegħdiet politiċi li saru matul il-kampanja elettorali tal-elezzjoni ġenerali li għada kif għaddiet. Din hi irregolarità oħra bħat-tqassim tac-ċekkijiet bieb bieb waqt il-kampanja elettorali. Monument “xieraq” għall-klijenteliżmu politiku.
L-għoli tal-ħajja spara l-fuq, bla kontroll. Probabbilment li l-COLA, ż-żieda għall-għoli tal-ħajja għall-pagi, salarji u pensjonijiet, li titħabbar bħala parti mill-baġit li jmiss, tkun madwar €10 fil-ġimgħa. Il-Ministru Clyde Caruana diġa qal li din kienet tkun sostanzjalment ogħla minn hekk kieku l-Gvern ma ssussidjax il-petrol/dijsil u l-kontijiet tal-elettriku u l-ilma.
Hemm ħtieġa li niddiskutu ftit iktar dawn is-sussidji biex ikunu aħjar, iktar effettivi u li jilħqu lil min verament jeħtieġhom. Fiċ-ċirkustanzi attwali hi politika tajba li l-użu bażiku jkun issussidjat, imma mhux għaqli li fuq tul ta’ żmien dan jibqa’ sussidju sħiħ għall-konsum kollu. Għax is-sussidji mhux qed imorru għand il-vulnerabbli biss: min mhux vulnerabbli għandu bżonn inqas tas-sussidji tal-lum. Is-sussidji jeħtieġ li jkunu ffukati jekk irridu li l-pajjiż ikun ta’ għajnuna utli għall-vulnerabbli. Għax ir-riżorsi tal-pajjiż ma jippermettux li nibqgħu sejrin kif aħna fit-tul.
Xi ġranet ilu, s-sussidju fuq il-fjuwil li jieħdu l-inġenji tal-baħar tneħħa. Dan hu sewwa u seta' ġie evitat mill-bidu. Imma dan mhux biżżejjed. It-tnaqqis gradwali tas-sussidji fuq il-petrol u d-dijżil mhux biss inaqqas il-karozzi mit-toroq u jtejjeb il-kwalità tal-arja, imma fuq kollox jagħmilha possibli li iktar finanzi jkunu allokati għal oqsma oħra li tant jeħtieġu l-attenzjoni.
Il-Kamra tal-Kummerċ għamlet tajjeb li tkellmet dwar ftit iktar ħsieb fuq kif ikunu issussidjati l-kontijiet tal-elettriku u l-ilma. Anke f’dan il-qasam hu l-użu bażiku li għandu jkun issussidjat. Sussidji iktar minn hekk ifisser li anke l-użu esaġerat tal-elettriku u l-ilma qed ikun issussidjat. Dan hu użu ħażin ta’ fondi pubbliċi lijista’ jkun indirizzat bla diffikultà.
Naqbel perfettament ma’ Josef Bugeja tal-GWU li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja għandha titħallas kollha lil min jaħdem (u lill-pensjonanti). Il-COLA mhiex, wara kollox, żieda fil-paga imma tipprova tagħmel tajjeb għall-impatt tal-inflazzjoni fuq il-paga, salarju jew pensjoni.
Imma tibqa’ l-ħtieġa ta’ bidla mill-qiegħ dwar il-politika li tikkonċerna l-pagi (incomes policy) biex din tkun dejjem iktar relevanti għaż-żmien li qed ngħixu fih.
Ilna ħafna nitkellmu dwar il-ħtieġa li l-baskett ta’ oġġetti u servizzi li jservu biex fuqhom tinħadem il-paga minima u l-COLA jkun revedut biex ikun assigurat li dan jirrifletti l-ħtiġijiet tal-lum. L-istudji li ippubblikat il-Caritas tul dawn l-aħħar snin jiffukaw eżattament fuq hekk. Minn dawn l-istudji joħroġ ċar li reviżjoni tal-baskett ta’ oġġetti u servizzi jwassal għal żieda inevitabbli ta’ 40 fil-mija fil-paga minima kurrenti. Li dan ikun indirizzat bla iktar dewmien hu essenzjali. Ifisser, skond dawn l-istudji tal-Caritas, li paga minima diċenti għandha tkun ta’ madwar l- €14,000 fis-sena.
L-inflazzjoni sostanzjali ta’ din is-sena jfisser li l-vulnerabbli fostna għaddejjin minn żmien diffiċli. F’dawn iċ-ċirkustanzi ikun mill-iktar raġjonevoli li l-COLA titħallas darbtejn fis-sena: fl-1 ta’ Lulju u l-1 ta’ Jannar. Dan ma jżidx l-ammont li jitħallas imma billi dan jinqasam fi tnejn, u parti titħallas sitt xhur qabel, inaqqas ħafna l-piz fuq spallejn il-vulnerabbli.
Għadna qed nistennew lill-Onorevoli Ministru tal-Finanzi biex iwettaq dak li wiegħed is-sena l-oħra bl-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu speċjali li jipproteġi lill-vulnerabbli mill-impatti tal-għoli tal-ħajja. Għadna nistennew, imma l-Onorevoli Ministru jidher li hu iktar ippreokkupat biex jonora l-wegħdiet konnessi mal-klijenteliżmu politiku fl-Air Malta.