Rachel Baldacchino | Dwar Kemmuna, tliet noti
In-nies magħna dwar Kemmuna għaliex Kemmuna, bħal ħlejqa żgħira u meraviljuża, tispirak tħarisha, tqanqlek tpoġġi tamietek, waħda waħda neżlin jiġġarrfu quddiemek, fiċ-ċokon u s-sbuħija tagħha. Il-Maltin u l-Għawdxin magħna jifhmu li r-regħba, il-ħażen u l-kruha li serqulna pajjiżna, ma nistgħux inħalluhom joħdulna din iż-żgħira wkoll
1. Il-poplu magħna dwar Kemmuna
Meta, bħala Moviment Graffitti, inżilna nnaddfu l-umbrelel u s-siġġijiet tal-baħar mill-Blue Lagoon, magħna niżlu l-eluf kbar li segwewna minn djarhom, imqanqlin minn dak li rawna nagħmlu f’Kemmuna u nistqarru għaliha. Kitbulna minn messaġġi sa emails, ittri, artikli, stedini u stqarrijiet, qalulna li magħna fl-ispirtu, li ser jibqgħu jsegwu l-passi tagħna. In-nies li appoġġjawna, l-NGOs li fl-azzjoni sussegwenti tagħna f’Kemmuna ġew magħna, aħna li konna hemm, ilkoll fhimna l-ewwel u qabel kollox li Kemmuna tfisser ħafna iktar mill-Blue Lagoon. Għaliex il-qerda tal-Blue Lagoon hija biss farka tal-qerda li nieżla tempesta fuq Kemmuna, u mera ta’ kollass li qegħdin ngħixu kullimkien fil-gżejjer tagħna sforz il-ġestjoni ħażina tal-pajjiż.
Dan il-poplu mhuwiex l-iktar poplu rrabjat fl-Ewropa. L-għeruq tar-rabja jestendu dejjem fil-qiegħ fond tat-tbatija. Il-poplu Malti u Għawdxi mhux irrabjat iżda muġugħ għaliex iġarrab telfa wara oħra. Kull min bħali kiber fil-qalba ta’ raħal bħas-Siġġiewi, jew l-Imqabba, iż-Żurrieq, il-Qrendi, iżda anki mkejjen bħall-Imsida, fejn sa ftit snin ilu kien għad hemm sens ta’ ħajja u ta’ ruħ fil-biċċiet antiki tar-raħal, illum ifittex li jirrelata ma’ fejn kiber, ifittex sors ta’ kburija f’għeruqu u ma jsib xejn. Għax il-postijiet li kbirna fihom ma nagħrfuhomx. Meta ninżel sal-pjazza tas-Siġġiewi ma nagħrafx wiċċi ommi fiha, ma nsibux lil nannuwi sejjer għal-lottu jew jippassiġġa fl-inħawi, lanqas ma nista’ nara lil uliedi f’dat-toroq, fejn serijn jilagħbu, fejn jistgħu jimirħu, fejn tista’ tkun id-destinazzjoni tagħhom. Il-memorja tiegħi u ta’ eluf bħali, ma ssib xejn minn dak li raw, gawdew u ħabbew zijieti, nannieti, bużnannieti fil-postijiet komuni tagħna. L-istorja u l-wirt ta’ pajjiżna, tal-familji tagħna u ta’ uliedna fuq irkopptejhom jaqilgħu bis-sieq quddiemna. Għoddhom tħassru darba għal dejjem.
In-nies magħna dwar Kemmuna għaliex Kemmuna, bħal ħlejqa żgħira u meraviljuża, tispirak tħarisha, tqanqlek tpoġġi tamietek, waħda waħda neżlin jiġġarrfu quddiemek, fiċ-ċokon u s-sbuħija tagħha. Il-Maltin u l-Għawdxin magħna jifhmu li r-regħba, il-ħażen u l-kruha li serqulna pajjiżna, ma nistgħux inħalluhom joħdulna din iż-żgħira wkoll.
Il-poplu m’għandu bżonn lil ħadd jispjegalu li Kemmuna hija ikbar mill-Blue Lagoon. L-appoġġ kbir li rċevejna wara Kemmuna wriena sew x’jafu dwar Kemmuna n-nies, xi tfisser għalihom. Għall-Maltin u l-Għawdxin, il-Blue Lagoon u Kemmuna huma wkoll il-Miżieb, Fomm ir-Riħ, Wied Żnuber, l-Imtaħleb u l-ispazji kollha l-oħra li rridu ngawduwhom mill-bogħod jew mit-triq għax lido privat jew proprjetà privata jew għax mimlija kaċċaturi jew għax sit ta’ kostruzzjoni oħra kif ser isir dalwaqt Għar Lapsi. Il-Blue Lagoon, kif urewna n-nies, huwa simbolu tal-ispazji pubbliċi kollha li qegħdin ngħixu fihom, u li bħall-Blue Lagoon mifnija kummerċ, storbju, tinġis u tranżazzjonijiet minn taħt ta’ flejjes kbar u maħmuġin. Ir-rassa tal-Blue Lagoon hija l-istess rassa li nsibu aħna u nippruvaw nivvjaġġaw minn post għall-ieħor u bi kwalunkwe mod li nistgħu fit-toroq tagħna fejn kontinwament inħossuna skomodati, blukkati u miżmuma lura sforz il-proġetti l-kbar tal-miljunarji li ħadu l-kontroll assolut ta’ kollox. Saħansitra ta’ x’jiġri f’ħajjitna jum b’jum. U silenzju assolut mill-mexxejja. Silenzju vjolenti.
U tista’ titlaq, dejjem tista’ titlaq, imma għal min għad għandu ħafna mħabba għal din il-gżira, ħafna memorji, ħafna bnedmin li jixtieq ikompli jikber magħhom u huwa responsabbli għalihom, ħafna xogħol li jixtieq jagħmel hawn, ħafna ispirazzjoni li jixtieq jiġbor u jkattar minn hawn, ikun eżilju. Il-familja u l-ħbieb, iżda anki l-istejjer ta’ pajjiżna, l-imħabba lejn din artna, ma nħalluhomx warajna biex nibnu mill-ġdid imkejjen oħra kif ġieb u laħaq. Ikun tluq ikrah, qsim il-qalb mod ieħor.
2. Għażiż Ministru Clayton Bartolo
Stqarrejt li għaddejjin xi laqgħat ma’ xi kumitat dwar Kemmuna. L-informazzjoni f’dan ir-rigward ma teżistix għax hemm min ma jridhiex teżisti. Madanakollu, nilqugħha ferm din ħidmietkom. Iżda nitaqsu: min fil-laqgħat li għandkom pjanati qiegħed hemm biex jirrappreżenta d-dritt fundamentali tal-poplu għall-paċi u ambjent intatt?
Insistejt fuq l-importanza ekonomika ta’ Kemmuna. Hawn ninsistu li kull rokna tal-gżejjer Maltin għaddejja tingħasar favur il-gwadann tal-alla tal-flus, hemm għalfejn injassru ma’ kollox u kulħadd lil Kemmuna wkoll? Kemmuna mhix kommodità ekonomika. Kemmuna hija riserva naturali u santwarju tal-għasafar.
Għidt li jekk irridu nsolvu l-problema ta’ Kemmuna, kulħadd irid jagħmel il-parti tiegħu għaliex il-Gvern qiegħed jagħmilha wkoll. Il-ħidma tagħna u ta’ bosta riċerkaturi, ġurnalisti, ambjentalisti u ornitoloġisti turi ċar li s-sors tal-qerda tal-gżira hija l-kummerċjalizzazzjoni estensiva tal-post. Il-gżira attwalment mibjugħa lid-dgħajjes il-kbar li jġorru t-turisti. Kif twaqqfuhom milli joperaw ser taraw bidla immedjata fil-post. Dan jgħidu l-pjan ta’ ġestjoni għal Kemmuna tal-gvern li tagħmel parti minnu inti. U jgħiduh ukoll l-esperti. Il-poplu għamilha l-parti tiegħu għall-Kemmuna, semma’ leħnu magħna. Iżda r-rieda għat-tmexxija ġusta ta’ Kemmuna fadlilha x’taqdef.
3. Talbietna għal Kemmuna, u talbiet il-poplu mill-ġdid
Li d-deckchairs u l-umbrelel jintramaw biss fuq talba ta’ persuna fiżikament preżenti fuq il-post u fl-ebda ħin m’għandhom jokkupaw iktar minn 30% taż-żona kollha tal-Blue Lagoon. Li d-dgħajjes il-kbar, li jieħdu mijiet ta’ turisti f’salt wieħed, ikunu projbiti minn Kemmuna. Li jkun hemm limitu ta’ żewġ gabbani żgħar, mingħajr daqq ta’ mużika, fil-Blue Lagoon. Li jkun hemm limitu fuq it-tip u l-ammont ta’ skart iġġenerat, u dan jinġabar kuljum, qabel il-lejl, sabiex ma jkomplux jitkattru l-firien li qed jagħmlu ħsara kbira lill-ambjent naturali.