Editorjal | Insalvaw u nipproteġu dak li jagħmilna Maltin!
Mhux għat-turist biss għax huwa fl-interess tal-Malti stess li l-irħula tagħna jżommu l-identità tagħhom, ħalli aħna lkoll ngħixu fil-paċi u t-trankwilità. Ejja nżommu lil Malta, Maltija. Jew għallinqas nippriservaw dak li għad fadal!
Bħalissa s-safar fost il-Maltin jinsab fl-aqwa tiegħu u għalkemm mhux kulħadd jista' jsiefer jew ikun irid, jidher li dan is-sajf kien hemm ħeġġa qawwija biex eluf ta' Maltin u Għawdxin jerħulha lejn pajjiż ieħor - speċjalment ximkien fl-Ewropa. U ħafna jtellgħu l-filmati u r-ritratti ta' fejn jinsabu, tax-xenarji li jkunu raw, ta' rħula żgħar b'karatteristiċi sbieħ, knejjes, ristoranti, foresti, baħar u aktar.
Illum il-Maltin qed isiefru u qed jaraw aktar u aktar pajjiżi, li jfisser li aktar u aktar Maltin qed ikabbru l-għarfien dwar dak li jeżisti barra minn xtutna. U allura qed isiru dejjem iktar konxji dwar liema huma l-akbar theddidiet li qed tiffaċċja l-karatteristika Maltija.
Forsi l-aktar waħda notevoli - grazzi għar-rata qawwija ta' kostruzzjoni li għaddejja madwar il-pajjiż - huwa kif qed jinbidel (jew aħjar, jinqered) it-tessut soċjali u arkitettoniku ta' wħud mill-isbaħ rħula tradizzjonali Maltin. Djar antiki ta' karattru, qed jitwaqqgħu biex minflokhom jitilqgħu kaxxi fuq kaxxi ta' binjiet bi ftit ruħ, ftit sbuħija u assolutament l-ebda karattru Malti. Il-Gvern ħabbar diversi skemi marbutin ma' djar f'żoni ta' konservazzjoni urbana (UCA) u wieħed jifhem - kif fil-fatt diġà ġara f'Tas Sliema - illi meta l-Awtorità tal-Ippjanar tiddikjara triq jew żona bħala UCA jqumu jipprotestaw is-sidien tad-djar li jibdew jaraw illi minn dik il-propjetà ma jistgħux jagħmlu u joħolqu l-ġid u l-flus li xtaqu, kieku bnew kaxxa fuq kaxxa ta' binjiet bla ruħ u bla karatteristika.
Għalhekk dan l-editorjal jemmen li jrid isir ħafna u ħafna iktar, ma' dak li diġà sar minn gvernijiet differenti, biex djar b'karattru Malti minflok jitwaqqgħu jintużaw għal skopijiet oħrajn li xorta jħallu flus fil-but tas-sidien. Aktar tnaqqis fit-taxxi biex dar tkun ikkonservata, tnaqqis fit-taxxa u skemi oħrajn ta' għajnuna finanzjarja biex il-proprjetà tkun tista' tinbidel f'Boutique Hotel, per eżempju, tnaqqis fit-taxxa tad-dħul għas-sidien ta' djar simili li jgħaddu minn proċess ta' restawr jew li jaċċettaw li ma jwaqqgħux, għotjiet - jekk hemm bżonn - biex dak li jkun ikollu farka inċentiva ma jwaqqax djar ta' karattru Malti. U nistgħu nibqgħu għaddejjin u nelenkaw modi ta' kif sid ta' proprjetà ta' dan it-tip jista' jkollu l-inizzjattiva jżomm il-proprjetà kif inhi. Naturalment kollox jiswa' l-flus u flus ma hemmx wisq milli jidher. Imma l-prezz tal-inazzjoni jew ta' nuqqas ta' azzjoni fil-ħin, huwa li jkompli jinqered dan it-tessut Malti, din il-karatteristika li tagħmilna uniċi. Biex minflok ikollna biss kaxxi, fuq kaxxi.
Hemm ukoll il-kwistjoni ta' trasport permezz ta' vetturi antiki ta' tal-linja. Raġel partikolari (Lawrence jismu - li huwa wkoll eks xufier ta' tal-linja) beda inizzjattiva mill-isbaħ li permezz tagħha rriġenera vettura antika ta' tal-linja Maltija li biha qed idur, idawwar lit-turisti madwar il-pajjiż biex ikollhom l-esperjenza ħelwa ta' tal-linja antika. L-inizzjattiva ta' dan l-eks xufier għandha tinxtered u tkun estiża biex aktar u aktar vetturi stil antik li jkunu konformi mar-regoli tat-tniġġis u kemm jista' jkun ma' dawk tal-aċċessibilità jkunu fit-toroq tagħna għan-nostalġija ta' ħafna minna u għat-tgawdija tat-turist. B'hekk din il-karatteristika Maltija, minflok nitilfuha u narmuha għal trasport pubbliku ħafna (u ħafna!) aktar effiċjenti - imma bla ebda karatteristika Maltija - nżommuha ħajja biex titgawda għas-snin li ġejjin.
Xogħol qed isir u ilu jsir ħa nkunu ċari, speċjalment fejn jirrigwarda restawr ta' palazzi, swar, bini storiku (bħalissa għaddej restawr ta' portata kbira fil-Palazz tal-Gran Mastru), ta' knejjes, pjazzez u tant aktar. Din id-direzzjoni għandha titkompla b'aktar ħeffa - speċjalment f'postijiet bħal Belt Valletta, il-Kottonera, il-Mosta, Ħaż Żabbar, Ħaż-Żebbuġ, iż-Żejtun, Il-Qrendi, iż-Żurrieq, il-Mellieħa, il-Gudja, Għawdex kwżi kollu u tant irħula oħrajn tipiċi Maltin li jistgħu jżommu l-karatteristika sabiħa u ġenwinament Maltija tagħhom u fil-proċess għalhekk jattiraw turiżmu ta' kwalità għolja li jfittex l-esperjenza awtentika Maltija - mhux il-ġenn u l-kakofonija ta' turiżmu tal-massa li joffru postijiet bħal San Ġiljan u Buġibba.
U finalment tajjeb li jkun hemm aktar inizzjattivi biex fejn possibbli tkun imbuttata 'l quddiem il-gastronomija Maltija. Dan l-aħħar, fil-kontroversja dwar Kemmuna u l-gabbani, apparti li ġustament intqal ħafna fuq l-ispazju li qed jikkapparraw u l-mużika tgħajjat, ftit forsi nnutaw il-medjokrità tal-fatt li dawk l-eluf kbar ta' turisti li jmorru f'waħda mill-isbaħ bajjiet fil-pajjiż sa burger, chips jew hot dog jistgħu jieklu. Fejn hu l-ikel Malti, tajjeb, frisk u bnin? Huwa veru li kulħadd jiftaħ in-negozju li jixtieq, imma ma tkunx xi ħaġa tajba li jkun hemm aktar inizzjattiva biex negozjanti jbiegħu ikel tipikament Malti, speċjalment f'żoni turistiċi?
It-turist li jiġi Malta, lil Malta jrid jara - mhux il-kaxxi, fuq il-kaxxi u l-burger and chips! Illum in-nies qed ifittxu l-kwalità u l-Malti u dak kollu li huwa Malti, huwa l-kwalità. Ejja nieqfu noħolmu li nkunu xi ħaġa li m'aħniex u li qatt ma nistgħu nkunu! Xi gidba bħad-Dubaj fil-Mediterran! Ejja nrabbu iktar kunfidenza f'dak li hu Malti u li jagħmilna Maltin!
Imma mhux għat-turist biss għax huwa fl-interess tal-Malti stess li l-irħula tagħna jżommu l-identità tagħhom, ħalli aħna lkoll ngħixu fil-paċi u t-trankwilità.
Ejja nżommu lil Malta, Maltija. Jew għallinqas nippriservaw dak li għad fadal!