Carmel Cacopardo | Korruzzjoni: l-istituzzjonijiet mhux qed jaħdmu
Dan hu l-messaġġ ċar li qed jasal. L-istituzzjonijiet mhux qed jaħdmu għax mhumiex qed jassiguraw li ssir ġustizzja billi jiddefendu lis-soċjetà mill-korruzzjoni
Wara li wieħed jaqra, jew jisma’, ir-rapporti li ħejjiet il-midja fuq ix-xhieda li nstemgħet fil-Qorti dwar il-qtil ta’ Ħal-Qormi, iktar kmieni din il-ġimgħa, nistgħu nifhmu aħjar kif il-Pulizija f’Malta hi kapaċi tinvestiga d-delitti li jseħħu b’reqqa kif ukoll li tasal għal konklużjonijiet loġiċi wara li ittemm l-investigazzjonijiet tagħha. Dan, imma, jseħħ biss jekk il-Pulizija titħalla taħdem bla indħil jew tifxkil.
Sfortunatament, imma, ma nistgħux nitkellmu bl-istess mod dwar l-investigazzjonijiet tal-Pulizija li jittrattaw il-korruzzjoni.
Il-ġimgħa l-oħra, fl-artiklu tiegħi (Telefonata mill-Ministeru: Illum 4 Settembru 2022) għamilt referenza għall-lingwaġġ kriptiku li ntuża fix-xhieda l-Qorti minn Spettur tal-Pulizja in konnessjoni mal-każ ta’ korruzzjoni dwar il-liċenzji tas-sewqan. Argumentajt li dan kien qed iwassal messaġġ ċar li l-membri tal-Kabinett (u dawk ta’ madwarhom), il-Pulizija timxi magħhom b’ingwanti tal-ħarir. Din l-attitudni twassal biex il-klijenteliżmu jiżviluppa f’korruzzjoni.
Waqt il-manifestazzjoni pubblika ta’ nhar it-Tlieta li għadda kontra l-korruzzjoni, organizzata mill-NGO Repubblika, ġie għal darba oħra spjegat li l-awtoritajiet, jiġifieri l-Kummissarju tal-Pulizija u l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, naqsu li jieħdu l-passi kriminali meħtieġa skont il-konklużjonjijiet tar-rapport tal-inkjesta bil-Maġistrat dwar il-ħidma tal-Bank Pilatus.
Robert Aquilina, President tal-NGO Repubblika, ikkwota b’mod dettaljat mir-rapport tal-inkjesta maġisterjali biex juri u jispjega kif il-Qorti ordnat li jittieħdu passi kriminali kontra diversi uffiċjali tal-bank Pilatus. Imma uffiċjal wieħed biss (fil-fatt waħda) tal-bank spiċċat il-Qorti għaddejja proċeduri kriminali biex twieġeb għal għemilha. Il-bqija ta’ dawk kollha li ġew identifikati mir-rapport tal-Maġistrat, ma ġewx imressqa l-Qorti biex iwieġbu għal għemilhom.
Dan wassal lill-NGO Repubblika biex tieħu pass li mhux normali u ċioe li tisfida fil-Qorti lill-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali talli naqsu milli jagħmlu dmirhom. Robert Aquilina għandu raġun meta jgħid li l-awtoritajiet mhux qed jaħdmu!
Biex isaħħaħ it-talba tiegħu lill-Qorti, Aquilina ppreżenta estratt tal-konklużjonijiet tal-Maġistrat dwar ħidmet il-Bank Pilatus.
Biex tgħaxxaqha, il-Maġistrat li qed teżamina l-isfida legali, flok ma tablet lill-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali biex jispjegaw għaliex ma ipproċedewx b’passi kriminali kontra l-persuni indikati fir-rapport ta’ inkjesta dwar il-Bank Pilatus, iktar donnha hi interessata li tkun taf kif it-tmexxija tal- NGO Repubblika akkwistat il-kopja tar-rapport!
Il-Maġistrat, flok ma qed tħares liċ-ċittadin li qed ifittex li jsir il-ħaqq, iktar qed tħares lil dawk li kontinwament jiġu jaqgħu u jqumu mill-ħarsien tal-liġi u li jibqgħu għaddejjin għax jafu li fis-siegħa tal-prova għandhom il-ħbieb fis-suq determinati li jħarsuhom.
Flok ma jaġixxu kontra l-korruzzjoni, il-qrati se jispiċċaw jeħduha kontra dawk li huma attenti biżżejjed biex josservaw li l-istituzzjonijiet mhumiex qed jaqdu l-iktar dmirijiet bażiċi tagħhom.
Dan hu l-messaġġ ċar li qed jasal. L-istituzzjonijiet mhux qed jaħdmu għax mhumiex qed jassiguraw li ssir ġustizzja billi jiddefendu lis-soċjetà mill-korruzzjoni. L-awtoritajiet mhux biss qed jabbużaw mill-fiduċja tas-soċjetà imma qed jispiċċaw jostakolaw lil dawk li qed jagħmlu ħilithom biex jinstab rimedju għal dan kollu,minkejja li għandhom kollox kontra tagħhom.
Qisu dan ma kienx biżżejjed meta issa nsiru nafu bil-ftehim sigriet bejn is-SOCAR, il-kumpanija tal-Gvern tal-Azerbajġan, u l-Gvern Malti rrappreżentat minn Konrad Mizzi. Irrispettivament minn jekk dan il-ftehim kienx implimentat jew le, dan hu każ ieħor ta’ użu abbużiv tal-poteri Ministerjali u hemm ħtieġa li jkun investgat bir-reqqa.
Quddiem dan kollu ħadd ma jista’ jibqa’ passiv. Din hi l-korruzzjoni li tidher. Ħafna għadha bla dubju moħbija. Herriet lil pajjiża ftit ftit tul dawn is-snin kollha.
Mhux ta’ b’xejn li r-reputazzjoni tal-pajjiż intilfet!