Peter Agius | Enerġija ġdida għal-Malta fl-Ewropa

Nagħrfu li għadna kemm ħriġna minn pandemija li ħalliet bosta persuni mejta u ekonomiji mkissrin, u li l-effetti tal-pandemija għadhom fostna, u qed iħallu konsegwenzi wkoll fuq il-prezzijiet 

Fl-aħħar jiem, wara li ħabbart se nkun qed nitlob lill-Partit Nazzjonalista biex inkun approvat bħala kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew li jmiss f’Mejju 2024, bosta persuni avviċinawni biex jawgurawli, biex jiltaqgħu miegħi personalment, jew saħansitra biex jagħtuni daqqa t’id.

Ta’ dan grazzi minn qalbi.

Madankollu, messaġġ partikolari li baqa’ f’moħħi rċivejtu mingħand student tal-Università li, kif qalli hu stess, qed jistudja l-politika soċjali u jaspira li jkun ta’ servizz għan-nies f’dan il-qasam. Filwaqt li qed jitgħallem u jifhem dejjem iżjed l-andament politiku f’pajjiżna u fix-xenarju dinji, jaspira li fi kliemu stess, “jagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies, avolja din saret cliché.”

Għalija, din il-frażi mhijiex cliché.

Bħalma għedtlu fit-tweġiba tiegħi, jien ma naqbilx li din il-frażi qed titlef mit-tifsira tagħha sempliċiment għax qed tintuża sikwit.

Din il-frażi għandha rilevanza xi ftit jew wisq dejjiema, u ngħid għalija, il-politika għan-nies hija għal qalbi ferm. Li nistinka għal Malta u għall-Maltin jagħtini ċertu sodisfazzjon li ma nsibux fil-professjoni tiegħi. Għalija din hija sfida daqskemm opportunità li tagħti vuċi lil pajjiżna.

Dan impenn, mhuwiex karriera

Il-ħeġġa tiegħi li nkun ta’ servizz biex nagħmel id-differenza fil-ħajja tal-familji u n-negozji tagħna ma rridhiex tkun sempliċiment ħajra, aspirazzjoni jew ambizzjoni għal xi karriera fil-Parlament Ewropew... iżda rrid nagħmilha biex sinċerament insarraf l-aspirazzjonijiet tan-nies f’politika li tħares u timbotta l-interessi tagħhom.

L-MEPs Maltin għandhom responsabbiltà kbira. Qed ngħid dan mhux biss għax huma l-iżgħar delegazzjoni fl-istituzzjoni, iżda b’mod partikolari għax l-Unjoni Ewropea tfassal politika li mhux dejjem tkun ta’ ġid għal Malta, mhux dejjem tolqotna tajjeb, u hawn jeħtieġ jaqdu rwol essenzjali.

L-interess ta’ Malta

Meta qed jiġri dan, jidher li la l-Ministri tal-Labour fil-Kunsill Ewropew u lanqas l-MEPs Laburisti Maltin m’huma jaqbżu għall-interessi ta’ Malta, jew għallinqas mhux biżżejjed.

Jiġuni f’moħħi, pereżempju, il-każ riċenti meta l-Labour aċċetta r-regoli l-ġodda dwar l-avjazzjoni u t-trasport bl-ajru li jpoġġu lil Malta - bħala gżira - fi żvantaġġ ċar meta mqabbla mal-bqija tal-pajjiżi fl-Ewropa kontinentali.

Tiġini f’moħħi wkoll il-proposta Ewropea għal bidliet fil-liġijiet dwar it-taxxi tal-kumpaniji li jneħħulna kull possibbiltà li nfasslu rati attraenti tat-taxxa biex inħajru l-investiment dirett barrani f’Malta.

Din il-politika tal-one-size-fits-all li qed jimbottaw is-Soċjalisti Ewropej jidher ċar li mhijiex tajba għal Malta, u għaldaqstant il-Gvern Laburista ma jistax ibaxxi rasu għaliha.

Is-sitwazzjoni attwali teħtieġ politiċi ta’ stoffa

Il-kriżijiet li għaddejja minnhom id-dinja bħalissa, inkluż l-UE, fosthom il-gwerra fil-periferija u l-prezzijiet għoljin tal-enerġija, jeħtieġu deċiżjonijiet serji u konkreti.

 

Nagħrfu li għadna kemm ħriġna minn pandemija li ħalliet bosta persuni mejta u ekonomiji mkissrin, u li l-effetti tal-pandemija għadhom fostna, u qed iħallu konsegwenzi wkoll fuq il-prezzijiet b’mod partikolari tal-prodotti essenzjali.

Qed inġarrbu wkoll kriżi tal-ambjent u tal-klima li teżiġi minna miżuri intelliġenti u fil-pront; u kriżi tal-immigrazzjoni irregolari inkluż lejn Malta, kawża tal-faqar u l-gwerer fil-pajjiżi ġirien u lil hinn. Dawn jeħtieġu soluzzjonijiet proporzjonati skont id-daqs tal-problema.

Qed naffaċċjaw bosta sfidi soċjali u ekonomiċi oħra, fosthom l-illitteriżmu diġitali u l-iskarsezzi tal-ħiliet fis-swieq tax-xogħol.

Għad għandna fostna wkoll bosta riskji, fosthom it-terroriżmu, l-attakki ċibernetiċi, l-aħbarijiet foloz u l-kriminalità organizzata.

F’dan il-kuntest, il-Parlament Ewropew jeħtieġ politiċi li jagħtu impetu ġdid, enerġija ġdida.

Neħtieġ l-appoġġ tiegħek

Minn dak li nisma’ meta nitkellem magħkom, in-nies iridu politiċi qrib tagħhom u politika li titfassal skont l-eżiġenzi tagħhom u tal-familja tagħhom. Hekk biss nistgħu niżguraw li dak li nagħmlu jħalli effett konkret u reali fil-ħajja ta’ kuljum.

Barra minn hekk, anke l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ jissaħħaħ bil-ħidma tagħna f’dan il-livell: L-attiviżmu tagħna fl-Ewropa jrid isir dejjem aktar integrat ma’ dak li nagħmlu Malta. Ir-rappreżentanza tagħna fl-Ewropa għandha ssaħħaħ dejjem aktar lill-PN fi żmien meta jeħtieġ l-għajnuna minn kull naħa. Irridu ninvestu aktar fih biex din it-tama tissarraf f’kisbiet konkreti għall-familji tagħna.

Dan il-kuntatt man-nies mhuwiex biss importanti għal Malta u għall-PN, iżda fuq kollox għall-Unjoni Ewropea stess. Għalhekk, bħala politiċi jeħtieġ noħorġu ’l barra mill-bużżieqa tal-istituzzjonijiet Ewropej fi Brussell u nixħtu idejna t-tnejn fuq il-polz tal-popli, inkluż tagħna l-Maltin u l-Għawdxin fil-periferija tal-UE u iżolati bil-baħar.

Hekk biss tassew nistgħu “nagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies” li jaspira dak iż-żagħżugħ. U hekk biss dan l-impenn ma jkunx karriera iżda missjoni li tħalli l-frott.

Agħtini l-appoġġ tiegħek, ikkuntattjani. Il-bidla tibda minnek. [email protected] Facebook/PeterAgiusMalta

More in Politika