Josianne Cutajar | Qalbna dejjem maż-żgħir, Malta u lil hinn
Biex nassiguraw li n-nies ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja, hemm bżonn ta’ sussidji jew miżuri bħat-tneħħija tal-VAT fuq l-ikel essenzjali. F’dan ir-rigward, Gvern Laburista għal darb'oħra aġixxa permezz ta’ ftehim mal-importaturi tal-qamħ
L-inflazzjoni u l-prezzijiet tal-enerġija, tista’ tgħid li qed jiddominaw id-diskussjoni kurrenti, mhux biss f’pajjiżna imma wkoll fi Brussell. F’Malta nitkellmu fuq il-Gvern li qed jissussidja l-kontijiet tad-dawl u l-fjuwil, filwaqt li fi Brussell u fi bliet oħrajn, id-diskors huwa jekk din ix-Xitwa, iċ-ċittadini vulnerabbli humiex ser ikunu b’saħħithom biżżejjed finanzjarjament biex ikunu jistgħu isaħħnu djarhom.
Il-Gvern Malti ra li jipproteġi liċ-ċittadini tiegħu. Bħala Laburisti u Soċjalisti, l-istess qed nagħmlu aħna l-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew. Din il-ġimgħa infatti, għaddiet mozzjoni mill-plenarja, li kelli ċ-ċans naħdem fuqha b’mod dirett fil-kumitat tal-Industrija.
Wara li ċ-ċittadini tagħna sofrew dak kollu li sofrew, ma jistgħux ikun li jerfgħu l-piż huma. Apparti persuni li ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja, għandek ukoll nies li jgħixu f’żoni rurali u fil-periferija, li diġà sofrew minħabba kwistjonijiet loġistiċi u spejjeż addizzjonali relatati mat-trasport. Wara kollox, l-Unjoni Ewropea hi tal-Ewropej kollha, u mhux ta’ dawk li jgħixu fl-aktar żoni urbani. Bl-istess mod, l-UE hi ta’ min jixtieq jinvesti, imma wkoll tal-ħaddiema, tal-pensjonanti u taċ-ċittadini vulnerabbli. F’dawn iż-żminijiet diffiċli l-prijorita’ hija li dawn iċ-ċittadini jiġu salvagwardjati b’kwalunkwe mezz possibbli, bħalma qiegħed jiġri Malta. Jekk għandna nitgħallmu xi ħaġa mill-iżbalji tal-passat, din hija li ma jiswa xejn li naġixxu b’awsterità – għax aktar nagħmlu deni milli ġid.
Intant, fil-Kumitat tal-Industrija u l-Enerġija ilni għaddejja bi pressjoni biex l-istituzzjonijiet Ewropej jaġixxu b’mod konkret biex ma jħallux liċ-ċittadini, speċjalment dawk vulnerabbli, jħallsu l-prezz huma. F’riżoluzzjoni li mbuttajna ’l quddiem u f’laqgħa mal-Kummissarju Ewropew tal-Enerġija, komplejna nimbuttaw għal dan. Apparti hekk, filwaqt li essenzjali li nieħdu l-azzjonijiet neċessarji biex nassiguraw provvista adegwata ta' enerġija affordabbli għal kulħadd, dawk li għaddejjin minn diffikultajiet biex ilaħħqu mal-ħajja nistgħu ngħinuhom b’modi differenti.
Huwa għalhekk li din l-istess riżoluzzjoni ssejjaħ ukoll biex ikun hemm għajnuna permezz ta’ vawċers fejn jidħol it-trasport pubbliku - miżura soċjali importanti li l-Gvern Malti wettaq b’mod b’saħħtu permezz tat-trasport pubbliku b’xejn lil kulħadd ftit tal-jiem ilu. Dan filwaqt li biex nassiguraw li n-nies ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja, hemm bżonn ta’ sussidji jew miżuri bħat-tneħħija tal-VAT fuq l-ikel essenzjali. F’dan ir-rigward, Gvern Laburista għal darb'oħra aġixxa permezz ta’ ftehim mal-importaturi tal-qamħ biex innaqqsu l-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna fuq il-konsumatur.
Bħala Soċjalisti, qalbna trid tibqa’ maż-żgħir – naraw li jinħoloq il-ġid, filwaqt li nassiguraw li ż-żgħir ukoll jgħix ħajja ta’ dinjità u jkollu l-kundizzjonijiet neċessarji biex jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu. Irrid infakkar, li wieħed mill-pilastri li hija mibnija fuqhom l-Unjoni Ewropea huwa propju l-pilastru soċjali.
Diġà kien hemm riskju li dan il-pilastru jiġi mwarrab darba għal dejjem minħabba l-kriżi ta’ bejn l-2008 u l-2012 – meta numru ta’ Ewropej kellhom jiffaċċjaw l-awsterità. Madanakollu, waqt il-pandemija, l-Unjoni Ewropea ħadmet ħafna aħjar b’attenzjoni fuq il-kapaċità ta’ kull persuna, għall-bżonnijiet ta’ kull persuna. Issa però, irridu naraw li t-tajjeb li inbena waqt il-pandemija, ikompli aħna u naffaċċjaw il-gwerra tal-Ukrajna u l-kriżi relatata mal-inflazzjoni u l-prezzijiet tal-enerġija.
Bħala bint il-ħaddiema napprezza sew ir-riformi soċjalisti ta’ gvernijiet suċċessivi, biex jien kelli kull opportunita’ biex nimxi ’l quddiem. Bħalma kelli dan iċ-ċans jien, daqstant ieħor għandu jkollhom dan iċ-ċans iċ-ċittadini kollha Ewropej: ġejjin minn fejn ġejjin, inkluż f’dan iż-żmien ta’ sfida li qed ngħixu.
Biex dan iċ-ċans ikun żgurat, hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea u l-Membri Stati, ikomplu jgħinu liċ-ċittadini tagħhom bħalma qed jagħmel Gvern Laburista f’Malta. Dan sħaqtu fil-Parlament Ewropew f’dawn l-aħħar l-ġimgħat, aħna u niddiskutu s-sitwazzjoni preżenti tal-prezzijiet tal-enerġija, u ser inkompli nisħqu fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.