Jonathan Attard u Byron Camilleri | Il-Pleġġ għall-Ħelsien mill-Arrest: Infittxu l-Bilanċ
L-emendi ma huma bl-ebda mod qed jilgħabu mad-dritt tal-libertà personali. Huma mmirati sempliċiment biex jevitaw l-isfrattar ta’ proċessi kriminali u dan fl-interess tas-soċjetà in ġenerali u fl-interess li tkun protetta l-awtorità u l-integrità tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali b’ mod partikolari
Bla dubju, f’soċjetà demokratika il-libertà tal-individwu hija r-regola u t-teħid ta’ dik il-libertà jista’ jkun biss l-eċċezzjoni.
Min ikun mixli li wettaq reat kriminali għandu wkoll id-dritt li jkun preżunt innoċenti, tkun xi tkun il-gravità tar-reat.
Dawn iż-żewġ kolonni tal-libertà personali pero’ ma jeskludux id-detenzjoni ta’ persuni li jkunu mixlija li wettqu reat kriminali sakemm isir il-proċess, jiġifieri sakemm issir il-kawża tagħhom quddiem il-Qorti tal-Magistrati jew sakemm isir il-ġuri quddiem il-Qorti Kriminali.
Id-detenzjoni ta’ qabel il-proċess sservi ħafna għanijiet li kollha għandhom x’ jaqsmu mal-protezzjoni tas-soċjetà u tal-integrità tal-proċess ġudizzjarju. Madankollu l-għan ewlieni ta’ din id-detenzjoni huwa li jkun assikurat illi l-akkużat jidher għall-kawża.
Dak is-serħan tal-moħħ fil-biċċa l-kbira tal-każijiet jista' wkoll jinkiseb bl-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet fl-għoti tal-pleġġ li jkunu jipprovdu assikurazzjoni suffiċjenti li l-akkużat se jġib ruħu sew u se jidher għall-kawża.
L-eżerċizzju li tagħmel il-qorti biex tiddeċiedi jekk il-libertà provviżorja tistax tingħata u biex tiffissa l-ammont taż-żmien u l-kundizzjonijiet tal-pleġġ huwa wieħed li jista’ jkun kumplikat ħafna. Dan il-proċess ġie deskritt mill-Qorti Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza ta’ ‘Gafa vs Malta’ (2018) bħala wieħed fejn il-qorti tikkalkula x’ inhu dak il-livell ta’ sigurtà li jkun biżżejjed “b’ referenza għall-akkużat, l-assi li għandu u r-relazzjoni tiegħu ma min ikun qed joqogħodlu garanti, fi kliem ieħor il-livell ta’ serħan il-moħħ li jista’ jinkiseb illi l-possibilità tat-telf tal-pleġġ jew ta’ azzjoni kontra l-garanti fil-każ ta’ nuqqas ta’ dehra għall-kawża jaħdem bħala deterrent suffiċjenti biex ixejjen kull xewqa tal-akkużat li jaħrab”.
F’numru ta’ każijiet il-Qorti tista' fil-fatt tiddeċiedi li jkun riskju kbir wisq li jingħata l-ħelsien mill-arrest.
Qabel Awissu 1989 il-Kodiċi Kriminali kien jiffaċilità xi ftit ix-xogħol tal-qrati billi kien jipprovdi illi fil-każ ta’ delitti kontra s-sigurtà tal-Gvern u delitti li dwarhom jista jingħata l-għomor il-ħabs ma setax jinghata pleġġ.
Dik il-liġi ġiet attakkata fil-każ ta’ “Dr. Lawrence Pullicino vs Il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati” li fiha l-Qorti Kostituzzjonali b’sentenza tat- 12 ta’ April 1989 kienet iddeċidiet li inkwantu dik il-liġi ma kinitx tħalli lill-qorti d-diskrezjoni biex tagħti l-ħelsien mill-arrest din kienet tikser id-dritt għal-libertà personali kif protett mill-artikolu 5 tal-Konvenzjoni Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Il-Parlament kien irreaġixxa għal dik is-sentenza billi biddel il-liġi (l-artiklu 575(1) tal-Kodiċi Kriminali) bl-Att XXIX tal-1989.
Il-kriterji li l-qorti għandha tikkunsidra biex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest jew biex tiċħad il-pleġġ kienu wkoll is-suġġett ta’ xi kazijiet kontra Malta fil-Qorti Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem bħal ma kienu l-każijiet ta’ “Kolakovic vs Malta “ (2015) u “Gafa vs Malta” (2018).
Mill-1989 ‘l quddiem il-liġi tagħna addottat sistema li biha l-ħelsien mill-arrest irid jingħata bilfors jekk sa ċertu żmien ma jkunx ġie prezentat att ta’ akkuża, il-persuna imputata ma tkunx intbagħtet biex l-każ tagħha jiġi deċiż mill-Qorti tal-Magistrati jew ma tkunx ingħatat sentenza finali. Fil-każ tal-aħħar japplika terminu ta’ żmien itwal.
Kif trid ir-raġuni, il-liġi tipprovdi ukoll li t-termini jkunu sospiżi f’għadd ta’ ċirkostanzi. Madankollu dawk iċ-ċirkostanzi illum ma jinkludux il-każ fejn l-akkużat ikun ikkaġuna l-postponiment tal-kawża billi jkun għamel ħsara fuqu nniffsu u lanqas ma jkopru s-sitwazzjoni tal-ko-akkużati li jistgħu jġawdu bla ma jkun jixirqilhom mill-abbuż ta’ ko-akkużat ieħor.
Kif hija l-liġi llum, ko-akkużat jista jwassal ko-akkużat ieħor biex jingħata l-ħelsien mill-arrest bilfors sempliċiment billi jgib sitwazzjoni fejn it-terminu biex ikollu jingħata l-ħelsien mill-arrest jiskadi billi jwettaq ħsara fuqu nniffsu. Il-ko-akkużat b’hekk ikollu dritt li jinħeles mill-arrest, anke jekk taħt kundizzjonijiet, mingħajr ma jkun jista’ jiġi kunsidrat l-għaqal ta’ dan u irrispettivament mill-periklu tal-ħarba u r-riskju għas-soċjetà.
Permezz tal-Abbozz ta’ Liġi numru 22 il-Gvern qed jiffaċċja din il-possibilità li akkużat joħroġ bil-libertà proviżorja mingħajr ma jkun jista’ jiġi kunsidrat jekk dak ir-rilaxx ikunx mistħoqq jew għaqli billi qed jipproponi li jiżdiedu aktar sitwazzjonijiet fejn it-terminu biex jingħata l-ħelsien mill-arrest bilfors ikun sospiż. Dawk is-sitwazzjonijiet huma proprju fejn il-proċess ma jkunx jista’ jsir minħabba li l-akkużat ikun ikkaġuna ħsara fuqu nnifsu jew fejn il-proċess ma jkunx jista jsir għal raġuni attribwibbli lill-akkużat jew lil xi wieħed mill-akkużati. F’ dawk is-sitwazzjonijiet it-terminu li jwassal biex jingħata l-ħelsien mill-arrest bilfors, inkluż b’mod iżjed irregolat it-terminu tal-ko-akkużat, jiġi sospiż.
Dawn l-emendi m’humhiex se jreġġgħu l-arloġġ lura għall-1989. Il-Qorti ħa tibqa’ fil-libertà li tagħti l-ħelsien mill-arrest f’kull stadju jekk hija tikkunsidra li dan ikun suffiċjentiment ġustifikat u li jkun hemm il-garanziji li jkunu biżżejjed biex dan isir.
L-emendi se jipproteġu lill-Qorti milli ma titħalliex tikkunsidra jekk akkużat għandux jiġi meħlus taħt pleġġ jew le sempliċement bl-użu ta’ mossi ta’ ħela ta’ żmien li jkunu wasslu biex jiskadi t-terminu li tipprovdi l-liġi biex il-ħelsien mill-arrest ikollu dejjem jingħata.
L-emendi ma huma bl-ebda mod qed jilgħabu mad-dritt tal-libertà personali. Huma mmirati sempliċiment biex jevitaw l-isfrattar ta’ proċessi kriminali u dan fl-interess tas-soċjetà in ġenerali u fl-interess li tkun protetta l-awtorità u l-integrità tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali b’ mod partikolari.