Carmel Cacopardo | Kultura ta’ dipendenza
Huwa tajjeb li l-vulnerabbli jkunu mgħejjuna. Imma li tinbena u tissaħħaħ kultura ta’ dependenza bħala riżultat ta’ politika skaduta dwar il-pagi hi xi ħaġa ferm differenti
Il-Baġit għall-2023 li l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana ippreżenta lill-Parlament nhar it-Tnejn għandu jkun deskritt bħala wieħed li jsaħħaħ kultura ta’ dipendenza. Il-Gvern jagħmel użu mit-tqassim taċ-ċekkijiet biex jilħaq dan l-iskop! Id-dipendenza fuq il-Gvern, taħt il-Labour hi oġġettiv inkoraġġit. Is-sitwazzjoni minn baġit għall-ieħor tmur mill-ħażin għall-agħar.
Dan hu forsi l-iktar ċar mill-mod kif il-Gvern imexxi l-quddiem il-politika tiegħu dwar il-pagi. Żviluppat differenza kbira bejn id-daqs tal-paga minima u kemm verament teħtieġ biex tgħix. Il-Gvern qed jipprova jindirizza din id-differenza billi jqassam iċ-ċekkijiet. Issa ħoloq COLA ġdida biex jgħin lill-vulnerabbli u dan flimkien ma numru ta’ sussidji li uħud minnhom mhux neċessarji inkella huma ta’ ħsara.
Il-ħolqien ta’ dan il-benefiċċju ġdid għall-persuni vulnerabbli (80,000 skont il-Ministru) li ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja, hu pass pożittiv. Il-vulnerabbli jeħtieġu l-għajnuna, imma jeħtieġu ferm iktar minn ċekk ta’ madwar €300 li ser jitqassam fi żmien il-Milied. Kien ikun ferm iktar għaqli kieku l-Gvern iffoka fuq il-problema reali u indirizza din il-probema bis-serjetà. Issa ilu żmien ikaxkar saqajh.
Il-problema reali hi li l-paga minima hi baxxa ħafna: Hi ferm 'il bogħod minn paga li tista’ tgħix biha. Gvern wara l-ieħor għamel ħiltu biex din il-problema jevitaha. Tajjeb li niftakru li l-benefiċċji soċjali, fil-parti l-kbira tagħhom, huma marbuta mal-paga minima u huma riflessjoni tagħha. Paga minima diċenti awtomatikament teffettwa l-benefiċċji soċjali li riżultat ta’ hekk jitjiebu sostanzjalment, bi dritt.
Tul dawn l-aħħar għaxar snin tlett rapporti tal-Caritas analizzaw din il-materja fil-fond. L-aħħar rapport, li nħareġ fl-2021, kien ikkonkluda li hemm diskrepanza ta’ 40% bejn il-paga minima u dak meħtieġ biex wieħed jgħix b’mod diċenti. Dan jammonta għal diskrepanza ta’ madwar €4,000 fis-sena. Din hi l-problema reali!
Sakemm nibqgħu bil-paga minima baxxa daqshekk, it-tqassim fuq stil tar-rigali tal-Milied (Father Christmas) ser jibqgħu jsiru biex jitnaqqas il-piz minn fuq spallejn il-vulnerabbli. Xi drabi ir-rigali ta’ Father Christmas ma jkunux limitati għall-vulnerabbli imma qed jinfirxu ma kulħadd. Hekk ġara biċ-ċekkijiet ta’ qabel l-elezzjoni, u l-hekk imsejħa rifużjoni tat-taxxa!
Flok din id-dipendenza fuq dan it-tqassim, ikun iktar xieraq li l-paga minima tiżdied u issir paga li tista’ tgħix biha. Dan jista’ jsir billi l-baskett ta’ oġġetti u servizzi li fuqu tkun ikkalkulata l-paga minima jkun aġġornat regolarment. Dan jelimina l-ħtieġa tat-tqassim ta’ cekkijiet ta’ kull xorta fil-parti l-kbira tal-każi għax il-paga raġjonevoli tkun ir-regola: Ma jkunx hemm ħtieġa tal-benvolenza politika tal-Gvern, la fi żmien il-baġit u l-anqas, fi żmien ta’ elezzjoni ġenerali kif, b’mod abbużiv diġa sar.
B’żieda ma’ dan it-tqassim taċ-ċekkijiet bi pjaċir, flok pagi ġusti bi dritt, tajbin biex wieħed jgħix bihom, il-Gvern qiegħed ukoll japplika numru ta’ sussidji li huma mfasslin b’mod żbaljat.
Is-sussidji tal-petrol u d-dijżil huma żejda. Iż-żieda internazzjonali fil-prezz tal-petrol u d-dijżil, li huma madwar id-doppju ta’ dak li qed inħallsu Malta, hi opportunità unika li f’idejn kapaċi tista’ tikkoreġi l-iżbalji li għamel il-Gvern fil-konfront tal-problema tagħna tad-dipendenza fuq il-karozza privata.
Flok is-sussidji fuq il-prezz tal-petrol u d-dijżil ikun aħjar kieku ninvestu fl-effiċjenza u l-puntwalità tat-trasport pubbliku. Din hi opportunità unika li, f’idejn min jifhem tista’, fit-tul, twassal għal tibdil fl-imġieba tan-nies favur użu iktar tat-trasport pubbliku u użu inqas tal-karozzi privati. L-introduzzjoni ta’ transport pubbliku b’xejn għal kulħadd mill-bidu ta’ dan ix-xahar kien pass prematur: l-effiċjenza u l-puntwalità tat-trasport pubbliku kellu jkun indirizzat ferm qabel ma ttieħed dan il-pass importanti.
Li tkun indirizzat id-dipendenza fuq il-karozzi privati hu oġġettiv politiku li l-Gvern stess ippropona fil-Pjan Nazzjonali dwar it-Trasport. Il-Gvern qiegħed jinjora l-pjan tiegħu stess.
Min-naħa l-oħra hu xieraq li l-konsum bażiku tal-ilma u l-elettriku fir-residenzi tagħna jibqa’ jkun issussidjat. Imma hu żball li is-sussidju japplika ukoll għall-konsum kollu ta’ kulħadd. Ikun ferm aħjar jekk setturi differenti tal-ekonomija jkollhom aċċess għal għajnuna mfassla għall-ħtiġijiet tagħhom sakemm iddum il-kriżi kurrenti. Dan jista’ jagħti protezzjoni ferm ikbar kemm lill-impiegi kif ukoll lill-ekonomija. Fuq kollox b’dan il-mod jista’ jkun evitat li jkun issussidjat il-ħela u l-abbuż fl-użu tal-ilma u l-elettriku.
Ma hemmx ħtieġa li nsaħħu kultura ta’ dipendenza fil-forma ta’ tqassim ta’ ċekkijiet inkella b’sussidji mhux meħtieġa. Huwa tajjeb li l-vulnerabbli jkunu mgħejjuna. Imma li tinbena u tissaħħaħ kultura ta’ dependenza bħala riżultat ta’ politika skaduta dwar il-pagi hi xi ħaġa ferm differenti. Dan jagħmel ħsara lit-tessut soċjali tal-pajjiż u għandu jinġieb fit-tmiem l-iktar kmieni possibli.