Editorjal | Il-PN u l-PL għandhom viżjoni għal Għawdex?
Imma l-viżjoni fejn hi? U x'inhi? Fejn iridu li jkun Għawdex 10 snin mil-lum? Jekk jaqblu li hemm wisq żvilupp- x'se jagħmlu biex dan jonqos jew jikkalma jew inkella jsir b'aktar rispett lejn il-karatteristika Għawdxija? Kif se jaraw li Għawdex jibqa' kompetittiv? X'tip ġdid ta' konnettività jista' jkun hemm, apparti l-ħolm u proġetti li - jekk isiru - forsi jkunu lestu 20 sena minn issa?
Għawdex x'inhi? Kif inhi differenti minn Malta? X'jagħmilha unika? U finalment minn xhiex l-aktar li tiddependi?
Għawdex hija gżira żgħira ħafna, hija differenti minn Malta għax hija ħafna iktar ħadranija mżejna b'widien mill-isbaħ li jixgħelu ħadranin fix-xhur tax-xitwa u lilhinn, għadha f'ħafna żoni u b'diversi modi tissmbolizza l-għeruq u t-tradizzjonijiet Maltin. Bliet u rħula kwieti, nodfa u arjużi - ħafna minnhom fil-qċaċet ta' għoljiet, djar iħarsu lejn veduti tal-kartolini, knejjes li jibqgħu jiddominaw id-dehra tal-irħula - ħafna minnhom ċkejkna u dak l-aċċent li mill-ewwel jiddistingwi lil Għawdex mill-bqija tal-pajjiż. Għawdex tiddependi l-ewwel u qabel kollox mit-turiżmu - kemm dak Malti u anke dak barrani, għalkemm fl-aħħar 30 sena rajna nukkleu ta' fabbriki li stabilixxew l-għeruq tal-industrija tal-manifattura Għawdxija.
Għawdex tibqa' post iżda li wara kollox jattira l-eluf ta' nies li jieklu, joqgħodu fil-lukandi u l-farmhouses, jonfqu fil-ħwienet u s-supermarkets u jżuru l-ħafna postijiet mill-isbaħ li toffri din il-gżira.
Pero' - bħal f'kollox - qed noqtlu l-wiżża li tbid il-bajd tad-deheb, qed indardru l-għajn li nixorbu minnha. Għax l-importanti l-issa, il-jien u l-but - anke jekk lanqas biss qed nindunaw li d-deċiżjonijiet żbaljati li qed jittieħdu wkoll eventwalment se jaffetwaw il-jien u l-but! Meta ngħidu "aħna" irridu nispeċifikaw li qed nirreferu għall-klassi politika tagħna u l-inazzjoni u n-nuqqas ta' viżjoni tagħha.
X'inhi l-viżjoni tal-PL u l-PN għal Għawdex? Viżjoni ta' gżira li tkompli tattira t-turisti - ħalli tkun ekonomikament b'saħħitha - is-sena kollha billi tippriserva l-karatteristiċi li semmejna? Għawdex li jkun dak il-post li kif tgħid id-diska popolari jagħti s-serħan u djamant fil-Mediterran? Gżira li tkabbar niċeċ ekonomiċi li jkunu marbutin ma' industriji sostenibbli, marbutin mal-Ekonomija l-Ħadra? Viżjoni ta' gżira fejn l-żvilupp jsir b'rispett lejn l-ambjent u s-sostenibilità filwaqt li - iva - ikollha settur tal-manifattura li jibqa' jikber u jattira l-impjiegi?
Jew iridu Għawdex kontinwazzjoni ta' Malta? Iridu Għawdex mibnija, traffikuża, storbjuża, maħmuġa, mimlija trab, mimlija ġenn u torrijiet? Iridu Għawdex mibnija, moderna u biċċa oħra mill-viżjoni ta' Dubaj fil-Mediterran? Għawdex fejn ir-rata ta' kriminalità tgħolli rasha sal-punt li r-riżorsa (il-ftit li hemm) ta' pulizija ma tlaħħaqx? Iridu Għawdex - destinazzjoni ta' kwalità? Jew Għawdex - ta' tlaqqit, ta' fejn ħabat, laqat u ta' aħjar issakkar il-bieb?
Probabbilment il-PL u l-PN iridu kollox imma ma jridu xejn, għax la jridu jintnu u lanqas ifuħu. Jafu li Għawdex ma għandniex neqirduh bil-bini, jafu li hemm problemi serji ta' sigurtà f'post bħal Marsalforn jafu li qed jiżdied it-traffiku u qed jiżdied il-bini li qed ikerrah. Jafu li hemm applikazzjoni, fuq oħra għal aktar appartamenti, għal aktar kaxxi fuq kaxxi bla ruħ. Jafu li Għawdex qed titlef mill-kompettitività tagħha, għax saret iktar għolja minn ġita fi Sqallija. Imma ma jridu jagħmlu xejn jew kważi xejn.
Ħafna kliem sabiħ ta' xogħol f'Għawdex għall-Għawdxin - biex imbagħad tibda' tisma' storja fuq oħra ta' nies li jiddaħħlu mal-Gvern - biex jagħmlu ftit li xejn u fil-proċess isallbu lill-privat jew inkella n-numru ta' nies li ġew boarded out. Ħafna wegħdi ta' Eco-Gozo, li malajr jintesew meta jkun wasal iż-żmien tal-ħlas tal-voti għax il-permessi jibdew ħerġin bħall-pastizzi. Jew inkella ħafna wegħdi kbar ta mini u pontijiet u kollox spettakolari (biex jgħammxu lin-nies!) imma mbagħad vapur ġdid ma kienx kapaċi jibnih il-Gvern u qed jinkera pastażata ta' vapur li lanqas biex titla' persuna b'siġġu tar-roti ma hu tajjeb. Vapur tat-tielet dinja! Għallinqas messhom żammewh bħala soluzzjoni sakemm jinbena wieħed ġdid.
U ċ-ċirasa fuq il-kejk? Il-Gvern ta l-unika sptar pubbliku Għawdxi lill-barrani, li waqa' tant lura mill-pbbligazzjonijiet tiegħu minkejja miljuni kbar li qed jingħata u miljuni li għad irid iħallas f'VAT!
Saru affarijiet? U dażgur. Saru ħafna proġetti ta' toroq u infrastruttura, speċjlament fl-aħħar snin. Inħoloq xogħol u saru miżuri ta' fejda, bħal dik fl-aħħar baġits biex tixtri proprjetajiet f'Urban Conservation Areas. It-turiżmu wkoll kien tajjeb fl-aħħar snin, inkluż fil-perjodu tal-Covid-19 meta terġa' u tgħid in-negozju kien wieħed tajjeb immens f'Għawdex, kif huwa pożittiv ħafna s-servizz tal-fast ferry li inbeda ftit żmien ilu biss.
Ħadd mhu se jgħid li dan kollu huwa ħażin u j'Alla jinħoloq aktar ġid. Imma l-viżjoni fejn hi? U x'inhi? Fejn iridu li jkun Għawdex 10 snin mil-lum? Jekk jaqblu li hemm wisq żvilupp- x'se jagħmlu biex dan jonqos jew jikkalma jew inkella jsir b'aktar rispett lejn il-karatteristika Għawdxija? Kif se jaraw li Għawdex jibqa' kompetittiv? X'tip ġdid ta' konnettività jista' jkun hemm, apparti l-ħolm u proġetti li - jekk isiru - forsi jkunu lestu 20 sena minn issa?
Jew il-PN u l-PL biex jinħabbu ma' Alla u max-Xitan biss tajbin? Jew kollox 'naraw issa, għada jaħseb għalih innifsu'? Jew kollox għal voti u barra bid-daqq?