Albert Buttigieg | Mhux beħsiebni nsaħħan is-siġġu!
F’kull irwol u responsabblità li kelli dejjem għamilt ħilti b’onestà u b’integrità sħiħa biex naqdi dmiri kif kien mitlub minni. Għaldaqstant, nixtieq inkun vuċi mhux biss ta’ ċittadini tagħna imma vuċi għal ambjent, għal ġustizzja soċjali u għal inklużjoni
Wara l-mewt tal-maħbub Robert Arrigo, jiena ġejt elett bħala d-Deputat l-ġdid fuq 10 distrett.
Għalija din hija opportunità oħra biex inkun ta’ servizz mhux biss għal komunità Ġiljaniza, fejn kont Sindku, imma opportunità fejn nista’ nagħti s-servizz tiegħi lil komunità aktar wiesgħa. Hija opportunità li nkun għas-servizz tal-ġid komuni! Nemmen bis-sħiħ li l-politika vera hija dik għas-servizz tal-ġid komuni! Kull persuna li tidħol għall-politika tagħmel dan biex toffri servizz u mhux biex tinqeda’ u tisserva bil-politika!
Il-politika mhix dwari. Lanqas mhi dwarek. Il-politika hija dwarna. Pajjiżna jieħu r-ruħ meta nagħmlu l-politika ta’ flimkien, jigifieri politika fejn il-kelma ‘aħna’ tiġi qabel il-kelma ‘jiena’. Għaldaqstant, għalija l-kelma ‘flimkien’ turi l-ħidma għall-ġid komuni li jmur lil hinn mill-interessi tal-ftit imma tħares l-interessi tal-ħafna.
Għaldaqstant, nixtieq nagħmel politika li tħares l-interessi tal-ħafna u mhux tal-ftit.
Għaldaqstant, filwaqt li qiegħed nilqa’ din l-istedina li saritli, nixtieq li nkun il-vuċi lil dawk il-valuri li jsostnu l-ġid komuni. Dawn huma:
- Il-ħarsien tal-valur tal-ħajja. Kull ma għandna u kull ma aħna, huwa kollu frott tal-ħajja li għandna. Għaldaqsant, irridu nħarsu lejn il-ħajja bħala rigal. Il-ħajja hija valur mhux biss fil-ġuf imma anke barra l-ġuf! Dan ifisser li l-ħarsien tal-valur tal-ħajja f’dak li jagħmel il-ħajja sabiħa, jiġifieri l-annimali, l-ambjent, il-kultura, id-diversità, l-arti, il-mużika u tant ħwejjeġ oħra. Minn naħa l-oħra, iridu nwieżnu, nisimgħu u nifhmu lil dawk ta’ fehmiet oħra.
- Il-ħarsien tal-ambjent tagħna. L-ambjent huwa l-preżent u l-futur tagħna. Ilkoll naqblu li l-ambjent jinsab taħt assedju ta’ dawk li ma għandhomx xabgħa. L-ebda lokalità mhi ħielsa minn dan il-bini sfrenat kollu. L-ambjent huwa d-dar komuni tagħna. Jekk mhux ser nieħdu ħsieb l-ambjent mhux biss ser nagħmlu pajjiżna belt waħda imma ser ikollna diversi problemi ta’ saħħa mentali. L-istudju juri biċ-ċar li hemm rabta sħiħa bejn is-saħħa mentali u bini żejjed li ma jħallix spazji miftuħa! Għalhekk irridu neżaminaw sew il-policieseżistenti tal-kostruzzjoni u nieħdu bla biża' dawk il-passi meħtieġa. Personalment nemmen li dawn il-policies għandhom bżonn li jiġu reveduti u ssir masterplan nazzjonali fejn l-ambjent jingħata aktar importanza u ħarsien. Hemm bżonn li l-UCA u l-ODZ jkunu verament imħarsa. Irridu nħarsu l-ftit ġonna li baqalna u l-karattru tal-irħula tagħna. Hemm bzonn ikollna aktar kwalità ta’ bini, aktar minn kwantità bla gost ta’ xejn. Hemm bżonn nitkellmu fuq is-‘solar rights’ tar-residenti. Ma jistax ikun li r-residenti jispiċċaw b’ħitan ma’ wiċċhom u fid-dlam jew inkella donnhom f’xi shaft! L-ambjent mhuwiex biss il-bini u l-iżvilupp imma anke t-tibdil tal-klima, l-immaniġġjar tat-traffiku, id-dipendenza żejda fuq il-karrozzi, l-enerġija alternattiva mibnija fuq stil u kultura ta’ ħajja, il-ġbir tal-iskart, it-tniġġis tal-arja u l-baħar, il-ħarsien tas-siġar u l-widien. L-ambjent ifisser ukoll li nibżgħu għall-patrimonju tagħna u mhux qed nispiċċaw neqirdu l-arkitettura li għaddewlna missirijietna. L-ambjent ifisser ukoll il-ħarsien tal-annimali u l-qtil jew moħqrija tagħhom f’isem xi ‘passatemp’ jew ieħor.
- Il-ħtieġa tal-inklużjoni. B’hekk ħadd ma jibqa’ lura. Ħadd ma għandu jħossu barrani f’daru stess. Iridu nkomplu naħdmu qatigħ biex nsostnu lil anzjani biex jibqgħu jgħixu sa kemm jistgħu fil-familji u komunitajiet tagħhom. Hemm bżonn inkomplu neliminaw imġieba/’kultura’ ta’ diskriminazzjoni lejn persuni bl-orjentazzjoni sesswali differenti, għax huma parti ntegrali mill-familja Maltija tagħna. Hemm bżonn nindirrizzaw il-problema ta’ obeżità u llitterizmu fost it-tfal li jwassal għal esklużjoni soċjali. Hemm bżonn ikollna l-kuraġġ nitkellmu fuq l-unaccompanied children li jaslu fostna u l-ħajja tar-refuġjati. Dawn tal-aħħar huma bnedmin bħalna. Għalkemm is-suġġett tar-refugjati huwa wieħed sensittiv u jitlob maturità politika, żgur li r-razziżmu qatt mhu s-soluzzjoni. Irridu nevitaw li jkollna ‘ghettos’. Nitgħallmu mill-iżbalji ta’ pajjiżi oħra fejn il-ghettos kienu benniena għal problemi soċjali kbar.
- Il-bżonn tal-ġustizzja soċjali. Nemmen f’politika għal ħafna u mhux għal ftit. L-istudji juru biċ-ċar li d-distakk bejn il-fqir u s-sinjur qiegħed jikber. Il-politika vera hija dik li tqassam il-ġid ugwali lil kulhadd mingħajr ma tara wiċċ ħadd! Hija ironika li filwaqt li xi wħud bit-titlu ta’ ‘konsulenti’ qegħdin jaqilgħu l-eluf, numru ta’ tfal qegħdin jitolbu lil ‘father Christmas’ biex fil-Milied jagħtihom l-ikel! Hija ironika li l-paga ta’ irġiel hija ogħla minn dik tan-nisa għall-istess xogħol! Hija ironika li xi wħud jieħdu li jridu, anke jekk mhux suppost, waqt li oħrajn qegħdin jgħaddu minn ‘martirju’ biex jieħdu dak li huwa tagħhom bi dritt!
F’dawn l-aħħar 40 sena okkupajt diversi rwoli u responsabbiltajiet fis-setturi soċjali, reliġjużi, edukattivi u maniġerjali, fosthom: għalliem, patri Franġiskan Kapuċċin, manager fis-Sedqa, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Amministratur f’Caritas, Direttur fl-Equal Partners li taħdem fost it-tfal b’diżabbiltà, ħidma fil-UĦM, Viċi Sindku u Sindku f’San Ġiljan.
F’kull irwol u responsabblità li kelli dejjem għamilt ħilti b’onestà u b’integrità sħiħa biex naqdi dmiri kif kien mitlub minni. Għaldaqstant, nixtieq inkun vuċi mhux biss ta’ ċittadini tagħna imma vuċi għal ambjent, għal ġustizzja soċjali u għal inklużjoni.
Żgur li m’iniex ser ‘insaħħan’ is-siġġu mogħti lili.