Alicia Bugeja Said | L-Agrikoltura u t-Tibdil fil-Klima: Il-COP27
Bħala rappreżentanti tal-poplu, irridu nqisu s-settur tal-agrikoltura bħala ingredjenti kruċjali fil-ġlieda kontra t-tibdil tal-klima. Irridu naqbdu l-barri minn qrunu, u nagħmlu li nistgħu biex dawn l-isfidi ma nqisuhomx biss bħala theddid, iżda wkoll bħala opportuni
Hekk kif diversi mexxejja u esponenti prominenti globali, bħalissa jinsabu l-Eġittu għal-laqgħat tal-COP27, id-diskussjonijiet fuq l-impatt tat-tibdil tal-klima madwar id-dinja qegħdin għal darba oħra jiddominaw l-aħbarijiet lokali u internazzjonali.
Filwaqt li nirrikonoxxi l-progress tanġibbli li diġà sar, speċjalment fit-Trattat ta’ Pariġi u l-aħħar laqgħa tal-COP ġewwa l-Iskozja, huwa evidenti li għad fadal ħafna x’isir. Fl-istess ħin, l-effetti negattivi tat-tibdil tal-klima qegħdin ikomplu jiħraxu, u jħallu effetti negattivi fuq ir-reġjuni l-iktar mhedda, fosthom pajjiżna.
Diġà qegħdin ninnotaw kif numru ta’ pajjiżi madwar id-dinja, uħud minnhom b’ekonomiji ferm ikbar minn tagħna, għal darba oħra m’għamlux il-bidliet neċessarji biex jilħqu l-miri li huma wegħdu f’dak li kien miftiehem bħal-lum sena ilu ġewwa Glasgow.
Lil’hinn minn dan, ċertu setturi li huma għaldaqstant importanti għall-ambjent u l-ekonomija, ftit li xejn ingħataw l-importanza li tant ħaqqhom. Flimkien ma’ diversi xjentisti u esponenti internazzjonali, ninnota kif settur minnhom, dak tal-agrikoltura, bilkemm issemma waqt l-aħħar diskussjonijiet internazzjonali fuq it-tibdil tal-klima.
Is-settur tal-agrikoltura huwa kemm vittma, u kif ukoll kontributur, għat-tibdil tal-klima. Minkejja dan, matul il-laqgħat preċedenti tal-COP, filwaqt li kien hemm diskussjonijiet ferm twal fuq aspetti bħall-produzzjoni tal-enerġija u t-trasport, is-suġġett tal-agrikoltura ingħata l-ġenb, u saħansitra ġie injorat.
It-tibdil fil-klima qiegħed iwassal fost l-oħrajn, għal perjodi itwal ta’ sħana, kif ukoll nuqqas kbir ta’ xita. Is-sitwazzjoni f’dawk ir-reġjuni li diġà jinsabu f’riskju ta’ faqar u nuqqas ta’ ilma, se tkompli taggrava.
F’pajjiżna, ix-xita rregolari diġà qegħda tħalli impatt negattiv fuq l-għelieqi tagħna. Filwaqt li l-aħħar indiċi mill-Uffiċċju Meteoroloġiku qegħdin jisħqu li l-ammont ta’ xita matul dawn l-aħħar snin kien stabbli fit-total tiegħu, ghandek impatti diretti minħabba ż-żieda fil-maltempati qliel li ħakmu lil pajjiżna.
Dan il-fenomenu ta’ tibdil qiegħed jirreġistra wkoll fiż-żieda tal-ammont ta’ silġ li niżel fuq pajjiżna, liema fenomenu jikkawża ħerba fl-ixtieli u l-prodotti agrikoli li l-bidwi ikun investa fih matul il-ħidma tiegħu. B’hekk, ċertu raħħala u bdiewa jiffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ telf mill-għelieqi tagħhom, u mhix ta’ gwadann sostenibbli.
Fil-kontinent Ewropew, episodji ta’ ħruq bla kontroll f’diversi foresti wara żieda rekord fit-temperaturi, qegħdin jħallu ħerba kbira fuq il-proprjetà u l-ħajja ta’ kuljum ta’ diversi reġjuni sħaħ. Din is-sena, fejn pajjiżi bħar-Renju Unit laħqu d-doppju tal-medja globali għall-ewwel darba fl-istorja, kienu konferma li t-tibdil fil-klima qiegħed jaffettwa lil kulħadd, anke lill-pajjiżi fit-Tramuntana. Min-naħa l-oħra, filwaqt li pajjiżi żgħar bħal Malta qegħdin jissieltu biex isaħħu l-produzzjoni sostenibbli tal-ikel, ċertu prattiċi u użanzi internazzjonali fis-settur tal-agrikoltura qegħdin jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-emissjonijiet tad-diossidju tal-karbonju, wieħed mill-ikbar kawżi tat-tibdil tal-klima.
Insemmu fost l-oħrajn l-użu u t-trasport globali ta’ ċertu pestiċidi, il-ħela kbira ta’ ikel li jiġi mormi ta’ kuljum u l-użu ta’ tagħmir antik u ineffiċjenti. Dawn kollha huma sfidi li l-entitajiet internazzjonali u l-gvernijiet differenti għandhom jindirizzaw, minħabba l-emissjonijiet sinjifikanti tagħhom.
Il-figura uffiċjali tal-Ġnus Maqgħuda, tispjega kif is-settur tal-agrikoltura hija responsabbli għal 14.5% tal-emissjonijiet globali. Diversi riċerkaturi u attivisti globali jisħqu li fil-prattika, dan l-ammont jista’ jersaq viċin lejn il-25%, ammont ferm ikbar minn setturi globali oħra li kienu indirizzati f’konferenzi oħra, bħal dak tat-trasport.
Bħala kuntrast, fuq il-livell internazzjonali huma biss 3% tal-fondi pubbliċi allokati biex jissieltu dan il-fenomenu. Jidher ċar li hemm nuqqas kbir ta’ investiment u rikonoxximent globali, fuq kif dan is-settur għandu rwol importanti biex jipprevjeni l-effetti tat-tibdil tal-klima.
Fil-fatt, ftit jiem qabel ma bdew il-laqgħa tal-COP27, xejn inqas minn 350 miljun bidwi u raħħal minn madwar id-dinja, talbu lid-delegati preżenti ġewwa l-Eġittu biex jitfgħu s-suġġett tas-sigurtà tal-ikel fuq nett fl-aġenda tal-laqgħat tagħhom. Issemmiet fost l-oħrajn, il-bżonn ta’ investiment dirett fil-bdiewa u r-raħħala tagħna, speċjalment dawk fuq skala żgħira.
Il-laqgħat ta’ din is-sena ġewwa Sharm-El-Sheikh, finalment, qegħdin jindirizzaw bir-reqqa dan in-nuqqas. Quddiem nett fl-aġenda tad-diskussjonijiet li qegħdin iseħħu matul dawn il-ġimgħatejn, huwa il-bżonn li jiġu protetti l-artijiet agrikoli, u l-bżonn ta’ iktar inċentivar biex tiġi ssalvagwardjata l-produzzjoni tal-ikel lokali fir-reġjuni kollha.
Hawnhekk, il-Gvern Malti diġà wera l-bżonn li jkun proattiv. Hekk kif ħabbarna fil-Baġit li għadda, sejrin inkomplu nestendu l-għajnuna finanzjarja lill-produtturi u lis-sajjieda lokali, ewlenin fosthom il-produtturi tal-majjal. Inizjattiva bħal din sejra tkompli tassigura kemm il-kwalita, kif ukoll is-sigurtà tal-ikel f’pajjiżna. Riformi oħra, bħall-investimenti ta’ infrastruttura, id-diversi inċentivi, u anke r-riforma tal-qbiela, ser jassiguraw s-sostenn neċessarju lill-bdiewa u r-raħħala tagħna.
Minkejja dan, jidher li bħala kommunità internazzjonali, mhux kulħadd qiegħed jimxi fuq l-istess binarji. Bħala rappreżentanti tal-poplu, irridu nqisu s-settur tal-agrikoltura bħala ingredjenti kruċjali fil-ġlieda kontra t-tibdil tal-klima. Irridu naqbdu l-barri minn qrunu, u nagħmlu li nistgħu biex dawn l-isfidi ma nqisuhomx biss bħala theddid, iżda wkoll bħala opportunita.
Nittama li l-laqgħat ġewwa l-Eġittu ser iħallu l-frott tant mixtieq fuq ix-xena internazzjonali. Huwa d-dmir ta’ kull wieħed u waħda minnha, li nkomplu nħallu legat pożittiv, kemm għall-ġenerazzjoni preżenti, u dawk futuri ta’ bdiewa u raħħala.