Peter Agius | Is-settur kulturali taħt attakk kontinwu... mill-Gvern stess
Huwa inaċċettabbli li Owen Bonnici meta kien il-Ministru tal-Ugwaljanza kien jisħaq li n-nisa għandhom ikunu protetti minn kwalunkwe vjolenza, imbagħad meta ġie għas-si u n-no bħala Ministru tal-Kultura għażel li jinħeba wara investigazzjoni fl-orkestra filarmonika, minflok ma mar jirrapporta l-każ mill-ewwel lill-pulizija biex jipproteġi lill-vittma
Is-settur tal-kultura għaddej minn żminijiet diffiċli. Mhuwiex xi sigriet li l-artisti Maltin huma mxebbgħin sa mneħirhom li biex jirnexxilhom jagħmlu pass ’il quddiem, il-Labour ġabhom iridu jitkarrbu lil xi qaddis.
Lanqas ma hi xi sigriet ta’ Fatima l-pika li hemm bejn il-klikka taċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta Jason Micallef, fuq naħa, u l-klikka tal-Ministru Owen Bonnici, fuq in-naħa l-oħra. Jgħidulna li min jiġbed ’l hawn u min jiġbed ’l hemm, u l-artisti jitħallew jiżżeffnu fin-nofs.
Qagħda tal-biki
Infatti, bosta persuni li huma involuti fis-settur kulturali ta’ pajjiżna, u li fl-aħħar xhur kelli l-opportunità niltaqa’ magħhom, ilkoll qasmu miegħi l-frustrazzjoni tagħhom minħabba s-sitwazzjoni f’dan is-settur tant kruċjali għas-soċjetà biex ma nsemmux, għall-prodott turistiku Malti.
Il-fondi saru bir bla qiegħ għall-bażużli u skarsi bil-kbir għal ħaddieħor. Filwaqt li l-entitajiet kulturali ewlenin qed jitmexxew minn persuni tal-qalba li mhux dejjem ikollhom il-kredenzjali biex jerfgħu dik ir-responsabbiltà, biex jieħdu ċerti deċiżjonijiet ta’ stoffa, jew biex iwettqu l-impenn mistenni minnhom, il-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici ftit li xejn qed juri rieda politika li jiżgura tmexxija serja u kontabbli.
L-aħħar skandli
Wara li xi midja indipendenti, b’mod partikolari TheShiftNews, ippubblikaw informazzjoni dettaljata dwar każ serju ta’ fastidju sesswali fl-orkestra filarmonika nazzjonali, il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista għall-Kultura Julie Zahra rreaġixxiet minnufih. Bi stqarrija u b’diversi konferenzi, il-PN spjega li n-nuqqas ta’ azzjoni immedjata mill-Ministru Bonnici f’dan il-każ, u saħansitra t-telefonata tiegħu lil kamra tal-aħbarijiet, ipoġġu l-pożizzjoni tiegħu bħala Ministru f’riskju serju ta’ ambigwità.
Fil-fehma tiegħi huwa inaċċettabbli li Owen Bonnici meta kien il-Ministru tal-Ugwaljanza kien jisħaq li n-nisa għandhom ikunu protetti minn kwalunkwe vjolenza, imbagħad meta ġie għas-si u n-no bħala Ministru tal-Kultura għażel li jinħeba wara investigazzjoni fl-orkestra filarmonika, minflok ma mar jirrapporta l-każ mill-ewwel lill-pulizija biex jipproteġi lill-vittma.
Mhux it-teatru jew l-orkestra biss...
Is-settur kulturali f’Malta kollu kemm hu qed ibati minn nuqqas ta’ professjonalita’ fit-tmexxija tal-Gvern. L-industrija tal-films xejn anqas.
Kittieba, diretturi tal-films, awturi u artisti ilhom issa sena u nofs fl-għama fuq il-fondi għall-films Maltin. Il-fondi mwegħda s-sena l-oħra baqgħu ma ħarġux. Dan waqt li l-Gvern issa ħabbar li ser jonfoq €11-il miljun biex iħallas kważi nofs il-paga tal-atturi ta’ Hollywood li jiġu Malta.
Il-baġit suppost previst għal 2022 ta €600,000 għall-films lokali għadu ma ntużax għax qatt ma ħarġu l-calls. Produtturi ta' films Maltin li għamlulna ġieħ barra minn xtutna u li jistgħu ikunu l-aħjar ambaxxaturi għat-turiżmu f’pajjiżna baqgħu bla ebda għajnuna. Dan minkejja l-wegħdi qabel l-elezzjoni li l-Gvern ser iżid il-fondi - minn €600,000 għal żewġ miljuni.
Minfok żied biss il-fondi għal barranin li jiġu jagħmlu l-films hawn u ħalla l-kreattivi Maltin bla għajnuna.
Huwa tajjeb li nattiraw investiment barrani – bla dubju – però ma nistgħux nonfqu l-miljuni fuq il-barranin u sadattant inħallu l-prodott Malti ifalli u jipposponi proġetti ta films għax il-Gvern jibqa jkarkar saqajh biex joħroġ il-fondi meħtieġa.
Tajjeb nattiraw l-investiment barrani – tajjeb ħafna wkoll li nattiraw produzzjoni ta' films barranin fi xtutna però dan irid isir pari passu waqt li ninvestu fil-prodott Malti.
Tmexxija esperta
Kull wieħed mill-każijiet li semmejna kien jeħtieġ azzjoni aktar serja biex ikollna inqas tbatijiet u inqas vittmi. Min imexxi irid jaġixxi differenti. Nappella biex is-settur kulturali jingħata l-istatus u l-attenzjoni li jixraqlu. Mhux biss billi l-fondi jitqassmu b’mod ġust ħalli nibżgħu għat-talent u niftħu l-opportunitajiet, iżda billi qabel xejn nagħrfu li tmexxija esperta u serja f’dan il-qasam hija l-muftieħ biex is-sitwazzjoni tissewwa.