Editorjal | Tal-mistħija!
Huwa skandaluż - u xejn inqas minn skandaluż - li filwaqt li ngħidu lin-nisa jew l-irġiel vittmi ta' vjolenza domestika biex jitkellmu, biex jgħożżu lilhom infushom u jkollhom il-kuraġġ jagħtu daharhom lil min qed jabbużahom, il-mument li jiffaċċjaw is-sistema, din titfagħhom f'waiting list ta' sena jew sena u nofs jew aktar!
Immaġinaw din is-sitwazzjoni u immaġinaw għal mument li l-persuna in kwistjoni tiġi minnek; ħabiba, oħtok jew saħansitra bintek.
Mela, Sandra (isem fittizju) ilha xhur tgħix fil-biżà; mgħajjra, insulentata quddiem uliedha, trattata agħar minn annimal abbandunat fit-triq. Kull darba li r-raġel tagħha - li hi għal tant snin emmnet li hu biss jista' jħobbha, għax hekk ġiegħlha temmen, ta' narċissista li hu - jiġi mix-xogħol u l-ikel ma jogħġbux, jew ma jsibx lil martu lesta biex taqdi l-bżonnijiet sesswali tiegħu, jew inkella jara illi hemm it-trab fuq il-kommodina jilgħabilha xebgħa ilsien. Jumiljaha quddiem uliedu: 'Int ma tiswa' għal xejn', 'int mhux bħal dik - ara dik taf issajjar!' 'Int injoranta dejjem hekk kont!' U jekk Sandra terfa' mqar rasha u tgħid kelma ibaltilha daqqtejn ta' ponn f'wiċċha.
Wara snin ta' infern fuq l-art Sandra rabbiet kuraġġ ta' ljun, kuraġġ li rabbiet ma' kull tgħajjira u ma' kull daqqa u ma' kull umiljazzjoni li sofriet quddiem uliedha, quddiem il-ħbieb u l-familja tagħha.
Sandra fortunata. Għax meta marret l-għassa sabet Kuntistabbli li fehemha, kien ġentlom u kien jidher illi ħa t-taħriġ li ngħata lil ħafna membri tal-korp dwar il-vjolenza domestika. Ara ħafna u ħafna nisa qabel Sandra kienu jmorru l-għassa u kienu jsibu xi Kunstistabbli bla paċenzja jgħidilhom imorru lura d-dar u "jagħmlu paċi" għax "dawk affarijiet personali." Jew dawk li marru għand xi kapillan u jgħidilhom "għalaq għajn u igdem ilsienek binti, għax iż-żwieġ għal dejjem".
Insomma wara ħafna uġigħ ta' ras Sandra qabdet avukatessa biex tibda l-każ quddiem il-Qorti minkejja l-attentati kollha ta' żewġha biex ma tagħmilx dan u li issa beda jilgħabha tal-ħaruf u l-vittma, biex jipprova jirbaħha lura għax mingħajrha mhu xejn. Lanqas bajda ma jaf jgħalli! Lanqas ħwejġu ma jaf jitwi!
Kollox kien miexi tajjeb u lejn it-triq tal-ġustizzja, sakemm irċeviet notifika mill-Qorti li tgħidilha illi l-każ tagħha se jibda sena u nofs oħra, fl-2024!
Sena u nofs ċans biex żewġha jkompli jipprova jixtriha lura bi kliem sabiħ u proża, ħalli mbagħad jekk taqa' għalih jerġa jibda jbaltilha u ħafna iktar bil-goff. Ħalli din id-darba ma tgħaddilhiex mill-kurituri ta' moħħha li terġa' tipprova tieħdu l-Qorti. Sena u nofs li minkejja l-ordinijiet ta' protezzjoni fuq il-karta xorta jfisser li ma' żewġha ma saritx ġustizzja u l-kapitlu għadu miftuħ beraħ.
Ma' Sandra saret l-akbar inġustizzja għax ġustizzja li ddum ma ssir, ma hi ġustizzja xejn. Lil Sandra fallejniha, għax l-apprezzament li urejniha talli rabbiet kuraġġ ta' ljun huwa li tfajnieha fuq waiting list ta' sena u nofs. Tal-mistħija!
U l-messaġġ li qed jintbagħat huwa li l-kuraġġ tagħha quddiem il-fallimenti istituzzjonali u l-letarġija ma jiswewx wisq. "Stenna hux! Billi ftaħt ħalqek... issa stenna. U jekk jiġrilek bħal Bernice Cassar u ħafna nisa oħrajn, nagħmlulek protesta u nqajmu ħafna rebus! Tistenna jkollok"... Dak hu l-messaġġ li qed jintbagħat għax fil-Qorti għandna biss Maġistrat wieħed li titratta każi ta' vjolenza domestika.
Huwa skandaluż - u xejn inqas minn skandaluż - li filwaqt li ngħidu lin-nisa jew l-irġiel vittmi ta' vjolenza domestika biex jitkellmu, biex jgħożżu lilhom infushom u jkollhom il-kuraġġ jagħtu daharhom lil min qed jabbużahom, il-mument li jiffaċċjaw is-sistema, din titfagħhom f'waiting list ta' sena jew sena u nofs jew aktar!
Huwa disservizz lejn l-aktar vulnerabbli, bla vuċi, li ma hemmx min jagħmel ġustizzja magħhom.
Il-ġustizzja trid issir dejjem u fil-ħin ma' kulħadd. Ħadd mhu speċjali. Ħadd ma ħaqqu trattament aħjar minn ħadd.
Dan il-pajjiż midjun lejn Bernice Cassar. U d-dejn irid jibda jitħallas lura, mil-lejla stess. Xejn aktar u xejn inqas.
Sadanittant ibqgħu għidu le għall-vjolenza domestika. Ibqgħu kunu sodi quddiem l-abbuż. Taċċettaw qatt l-abbuż. U ejja nibqgħu ngħajtu kontra l-vjolenza domestika: F'dan l-editorjal, fuq l-istazzjonijiet tat-TV, fuq il-midja soċjali, fit-toroq u kullimkien. Bla kompromessi u bla skużi!
Le għal vjolenza domestika!