Josianne Cutajar | Il-pjaga soċjali tal-vjolenza domestika
Il-qtil ikrah ta’ Bernice għandu jfakkarna f’kemm hemm nisa u vittmi oħra imwerwrin fi djarhom u lil hinn, f’kemm hemm persuni li qed jistennew ġustizzja, vittmi, inkluż tfal u anzjani, li joħolmu li jkollhom futur aħjar, lil hinn mill-biża, il-vjolenza u t-theddid kontinwu
Sfortunatament din il-ġimgħa rajna qtil ieħor xokkanti ta’ mara, ta’omm ta’ tnejn, li sa lejliet li nqatlet kienet għamlet rapporti ta’ vjolenza domestika. Rapport li juri li erġajna fallejna lil mara oħra. Mill-istess martirju ta’ Bernice għaddew nisa oħrajn fil-passat. Segwejna stejjer ta’ vjolenza li wasslu wkoll għal femiċidji, f’pajjiżna u lil hinn minn xtutna.
Il-qtil ta’ Bernice seħħ ftit ġranet biss qabel il-bidu tal-kampanja ta’ 16-il ġurnata kontra l-vjolenza domestika u l-Jum Internazzjonali tal-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa. Bernice u diversi nisa oħra sofrew dan id-destin kiefer, destin inaċċettabbli, li bħala soċjetà għandna nħossuna lkoll obbligati li nagħmlu l-parti tagħna biex nindirizzaw.
Sa dan il-ġimgħa stess, id-dibattitu kompla għaddej fil-Parlament Ewropew rigward l-eliminazzjoni tal-vjolenza domestika, kif ukoll ir-rigress fid-drittijiet tan-nisa fl-Afganistan, realtajiet kiefra li għandhom jikkonċernaw lid-dinja sħiħa. Madanakollu, filwaqt li d-dibattitu baqa’ għaddej, din l-istess pjaga soċjali li kont nisma’ tant dwarha għaxar snin ilu meta kont għadni studenta tal-liġi, nipprattika fil-Qorti tal-Familja, għadha ħajja sew fostna.
Il-qtil ikrah ta’ Bernice għandu jfakkarna f’kemm hemm nisa u vittmi oħra imwerwrin fi djarhom u lil hinn, f’kemm hemm persuni li qed jistennew ġustizzja, vittmi, inkluż tfal u anzjani, li joħolmu li jkollhom futur aħjar, lil hinn mill-biża, il-vjolenza u t-theddid kontinwu.
Għalkemm sar xogħol tajjeb f’dan ir-rigward, irridu nammettu li fadal ħafna xi jsir fejn tidħol l-empatija, azzjoni f’waqtha, servizzi aktar b’saħħithom, edukazzjoni li ġġib bidla fil-kultura, soċjetà li ma taċċetta l-ebda tip ta’abbuż, ġej minn min ġej u mwettaq fuq min imwettaq.
Hemm bżonn ukoll aktar riżorsi fil-korp, il-Qrati tagħna u s-servizzi relatati, professjonisti aktar imħarrġa fuq dawn is-sitwazzjonijiet delikati – kemm fejn jidħol sapport f’waqtu u adegwat lill-vittma u lil dawk ta’ madwarha, kif ukoll fejn jidħol l-aggressur. Dan apparti l-attenzjoni li għandhom bżonn jingħataw it-tfal, li f’sitwazzjonijiet bħal dawn jaraw id-dinja tagħhom tiġi mheżża.
Filwaqt li ċertament dan kollu mhu se jġib l-ebda vittma lura, ilkoll għandna l-obbligu li naħdmu flimkien, u bis-sħiħ, biex nipproteġu lil dawk kollha li qed jiffaċċjaw, jew għad ser jiffaċċjaw, kull tip ta’abbuż jew vjolenza.