Editorjal | Il-valur tal-ħajja à la Carte?
Jekk int mort il-protesta "favur il-ħajja" u meta ħajjet bniedem ieħor - inkluż ta' tifla - kienet ipperikolata jew saħansitra mitmuma, jew meta inqatlet ġurnalista jew meta rajt lil min isawwat u jkasbar immigrant, int ħarist n-naħa l-oħra jew għidt "sewwa ġralha/hom, mela int postok ma kienx fil-protesta favur il-ħajja għax le, m'intix favur il-ħajja. Għax il-valur tal-ħajja ma ssibux fil-menu, ma tagħżlux kif jaqbillek u skont il-preġudizzju imma, jew dejjem jew qatt
L-abort ma jiġix diskuss b'serjetà u razzjonalità f'dan il-pajjiż u jekk diġà qtajt qalbek tisma' jew tipprova tifhem ma nagħtukx tort.
Il-Gvern qed jgħid li se jiċċara fil-liġi prassi li sal-lum għad hemm biss qbil dwarha. Il-Gvern qed jgħid li permezz ta' din l-emenda - li issa se jagħmel aktar ċara, u tajjeb li se jagħmel hekk - abort jista jsir biss f'każ fejn ħajjet jew saħħet l-omm tkun f'periklu gravi. U minkejja li wieħed jista' jesprimi tħassib li l-kelma "saħħet" tista' tiftaħ il-bibien għall-abort on demand, jekk kwalunkwe każ ieħor ta' abort li jmur lilhinn minn periklu "gravi" ta' saħħa jew ħajja se jibqa' illegali mela mhux vera se ndaħħlu l-abort on demand. X'jiġifieri abort on demand? Jiġifieri l-abort għax it-tarbija għandha sfidi serji fiżiċi, jew abort għax l-omm għadha żgħira jew mhux preparata għat-tqala jew abort f'każ ta' stupru. Dak l-On demand!
Imma daqshekk. Smajna l-kelma abort u kulħadd telaq iwerżaq: Min jġibha qisna se nħanxru t-trabi u min qisna qed nagħmlu xi pass liberali.
Jekk nieħdu l-kelma tal-Gvern bħala waħda onesta u li noqgħodu fuqha, mela la ħa nħanxru t-trabi, la qridna l-Milied u l-valuri u lanqas qed nagħmlu xi passi 'l quddiem lejn il-liberaliżmu ewropew. Xejn minn dan. Qiegħed biss il-Gvern jifformalizza l-ovvju u l-prassi, li messu ilu li sar.
Issa jekk il-Gvern qed juża din l-emenda biex iħalli l-bieb imbexxaq għall-abort on demand, dak iwieġeb hu għal għemilu meta u jekk qatt inkunu f'dik is-sitwazzjoni.
Abort, li nfakkru illi diġà jeżisti f'pajjiża. Iva jeżisti. U mhux qed nirreferu għall-abort meta ħajjet l-omm tkun fil-periklu. Qed nirreferu għall-abort li nisa Maltin jagħmlu barra mill-pajjiż. U ilna nafuha għax sa statistika kienet ħarġet ta kemm nisa qed imorru jagħmlu abort ir-Renju Unit.
Jiġifieri abort jeżisti diġà, imma għal min għandu l-mezzi - kif żmien ilu kellna d-divorzju għal min jiflaħ jieħdu minn barra. Plus ca change, plus la meme chose - Iktar kemm jinbidlu l-affarijiet, iktar jibqgħu l-istess.
Imma hemm ħaġa oħra li donnha taħrab lil ħafna. Kemm hawn min hu selettiv, anke fuq il-ħajja.
Xhur ilu tifla immigranta, Sirjana tmut bil-għatx f'nofs l-ibħra tagħna. Immaġina kienet bintek f'nofs ta' baħar, tmut bil-għatx. Fejn kienu l-protesti? Fejn kienu l-firem? Fejn kienet qed tipprotesta l-Oppożizzjoni? Fejn kienet ir-River of Love? U fejn kien il-Gvern biex jilleġiżla u jbiddel il-liġijiet u jitħambaq kif inhu jagħmel illum?
Ftit tkellmu għaliha. Peppi Azzopardi u xi erba' oħra fuq il-midja. Mill-bqija kesħin daqs is-silġ bqajna lejn il-ħajja dakinhar. Biex ma nsemmux il-ħajjiet ta' eluf ta' immigranti u barranin f'pajjiżna trattati agħar miż-żibel, anke minn xi membri tal-Korp.
Fejn kienu Tonio Borg u Tonio Fenech u Lawrence Gonzi... Ma ġabrux firem dakinhar, meta rajna pulizija jsawwtu raġel? Jew suldati joqtlu raġel? Jew dawk orrajt? Sotto-umani? U meta Tonio Borg kien Ministru u intbagħat ajruplan lura mimli immigrati lejn l-Afrika, li ġie irrapportat illi mal-wasla uħud ġew ittorturati jew maqtulin. Għal dawk il-ħajjiet ma ħarqitnix qalbna, ma ġbarniex firem? U fejn kien il-Gvern biex jara li ma jerġax ikollna pulizija - qatt aktar - li jfakkruna fl-apartheid? Fejn?
Favur il-ħajja? Favur il-ħajja meta inqatlet ġurnalista u għad hawn sal-lum min jitqanżaħ kemm jiflaħ biex pubblikament jiġġustifika dak l-assassinju. "Sewwa ġralha" jgħidu ħafna, "kienet qed tistedinha" jgħidu oħrajn.
Dan hu l-pajjiż tal-ħajja? Dan hu l-valur tal-ħajja li tant noqomsu dwaru? Jew favur il-ħajja, skont il-valur li nagħtu lil dik il-ħajja u allura liema tiswa' l-aktar, skont il-preġudizzji li qed jagħmu lil uħud minna?
Jekk int mort il-protesta "favur il-ħajja" u meta ħajjet bniedem ieħor - inkluż ta' tifla - kienet ipperikolata jew saħansitra mitmuma, jew meta inqatlet ġurnalista jew meta rajt lil min isawwat u jkasbar immigrant, int ħarist n-naħa l-oħra jew għidt "sewwa ġralha/hom, mela int postok ma kienx fil-protesta favur il-ħajja għax le, m'intix favur il-ħajja. Għax il-valur tal-ħajja ma ssibux fil-menu, ma tagħżlux kif jaqbillek u skont il-preġudizzju imma, jew dejjem jew qatt.