Miriam Dalli | 2022: Is-sena tal-istabbilità
Inħares lura lejn din is-sena, nara b’sodisfazzjon li wettaqna ħafna... imma rridu nagħmlu aktar
Żmien il-festi tal-Milied u tal-aħħar tas-sena huma mhux biss okkażżjoni biex ngawdu ftit aktar il-familji u l-ħbieb tagħna, imma jservu ta’ opportunita biex inħarsu lejn is-sena li għaddiet: nieħdu rendikont ta’ dak li sar, biex inħarsu ‘l quddiem għal dak li ġej.
Inħares lura lejn din is-sena, nara b’sodisfazzjon li wettaqna ħafna... imma rridu nagħmlu aktar. Din is-sena żgur li tibqa’ mfakkra għall-istabbilita u ċ-ċertezza li qed igawdu l-familji tagħna, minkejja dak kollu li qed jiġri fuq livell internazzjonali. Wara sentejn ta’ pandemija, faqqgħet il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, il-prezz internazzjonali taż-żejt laħaq livelli bla preċedent u l-pajjiżi qed jiffaċċjaw rati ta’ inflazzjoni ogħla.
F’Malta u Għawdex, ir-residenti qed jgħixu realta differenti – waħda li fiha sabu l-appoġġ kollu tal-Gvern. Dan ma ngħiduhx bi ftaħir, imma b’sens li ngħarrfu r-realtajiet. Lanqas ma jfisser li Malta hija xi pajjiż speċjali li ma tintlaqatx minn dak li qed jiġri fuq livell globali. Ifisser iżda, li l-politika ta’ dan il-Gvern qed taħdem.
F’dawn l-aħħar ġimgħat, u anke matul is-sena, kienu diversi d-drabi li kelli nitla’ Brussel biex niddiskutu s-sitwazzjoni tal-enerġija u nilħqu ftehim li jipproteġi l-konsumaturi. Ħdimna biex naraw li ma tkunx imminata l-kompetittivita tan-negozji Maltin u Ewropej. Bħala pajjiż dipendenti fuq il-gass għall-produzzjoni tal-elettriku, ħdimna biex inġibu deroga minn regoli tal-Kummissjoni Ewropea li jobbligaw lill-istati membri biex inaqqsu l-użu tal-elettriku tagħhom. B’din id-deroga ma jfissirx li kull wieħed u waħda minnha m’għandux joqgħod attent biex innaqqsu l-konsum tal-enerġija u biex inkunu aktar effiċjent fl-użu tal-enerġija. Anzi, rridu nsaħħu l-ħida f’dan il-qasam.
Bl-istess mod kif ħdimna biex jintlaħaq ftehim dwar il-limitu tal-prezz tal-gass – mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq biex iwassal għall-istabbilità fis-swieq tal-gass naturali meta l-prezzijiet jibdew jogħlew b’mod eċċessiv. Ma kinitx faċli biex jintlaħaq ftehim – imma Malta kienet waħda mill-ewwel pajjiżi li pproponiet dan il-mekkaniżmu u bqajna ninsistu sakemm lħaqna qbil fuq livell li jagħmel sens. Fil-fatt, il-ftehim milħuq għandu l-għan li jattiva dan il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni meta l-prezz tal-gass jogħla ‘l fuq minn €180. Għalhekk, il-limitu tal-prezz milħuq flimkien mal-mekkaniżmu kollu se jwasal għall-prezzijiet tal-enerġija aktar stabbli madwar l-Ewropa, minn fejn Malta timporta wkoll l-elettriku permezz tal-interconnector.
Prezzijiet tal-enerġija stabbli u kontijiet stabbli jfissru ċertezza għan-negozji. Kif rifless mill-credit rating agencies. Jgħidu li Malta se tkun fost l-aqwa fejn jidħol tkabbir ekonomiku; grazzi għall-politika ta’ dan il-Gvern. Ngħid jien, grazzi wkoll għall-kuraġġ ta’ imprendituri Maltin u barranin li jaraw f’Malta il-post li mhux biss jistgħu jistabbilixxu ruħhom fih, imma jistgħu wkoll ikomplu jikbru.
Quddiem l-isfidi internazzjonali mhux naqqasna r-ritmu tagħna imma ħdimna ħafna u ħafna aktar. Rajna li nkomplu nsostnu lin-negozji Maltin u komplejna naħdmu biex nattiraw aktar investiment dirett barrani b’saħħtu. F’għaxar xhur din is-sena, il-Malta Enterprise approvat 72 proġett, li bejniethom ikunu qed iwasslu għall-investiment kapitali ta’ €53 miljun minn kumpaniji lokali; joħolqu l-opportunita għal 650 karriera ġdida. Imbagħad, għall-investiment dirett barrani, ġew approvati kważi 40 proġett ieħr, b’investiment totali ta’ €80 miljun. Qed nitkellmu dwar espansjonijiet u tkabbir fl-oqsma tal-innovazzjoni diġitali. Dan jinkludi fih l-intelliġenza artifiċjali, is-cybersecurity, il-Life Sciences, il-farmaċewtika u l-medical technology.
Qed naħdmu biex nattiraw startups innovattivi u mill-analiżi li għammilna rajna kif – f’dawk l-istartups approvati mill-Malta Enterprise – is-salarju medju kien ftit aktar minn €40,000. Xi jfisser dan? Li l-istartups qed joffru postijiet tax-xogħol ta’ kwalita, f’pajjizna stess.
Din it-turija ta’ fiduċja f’pajjiżna ittina l-kuraġġ biex naħdmu aktar, u biex dan il-ġid jissarraf f’opportunitajiet għall-familji u r-residenti tagħna. Dan il-ġid qed naraw li jinqasam maċ-ċittadini mhux biss f’servizz pubbliku aktar b’saħħtu jew għajnuna soċjali differenti li tilħaq fierxa differenti ta’ nies; imma li ninvestu direttament fil-komunitajiet tagħna.
Bħala Gvern, din is-sena infetħu tmien postijiet ġodda ta’ rikreazzjoni – spazji miftuħa viċin in-nies: il-Park ta’ Ta’ Qali, Ġnien il-Mall il-Furjana, Ġnien il-Belveder fil-Marsa, Ġnien Victor Calvagna fil-Mosta, Misraħ 7 ta’ Ġunju fil-Ħamrun, Ġnien ir-Rnella fil-Kalkara, l-ewwel pocket garden f’San Ġwann u spazju ta’ 4,000 metru kwadru fil-Ġnien Romeo Romano f’Santa Venera.
Fost il-ħidma li qed inħares lejha għas-sena d-dieħla, hemm l-aġenzija Project Green, li se tkun qed tikkolabora ma’ entitajiet oħra tal-Gvern biex tassigura l-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti ta’ l-inizjattivi taħt il-wedgħa tas-€700 miljun. Proġetti li bihom irridu nwettqu tħaddir urban.
Se nitilqu mill-mudell ta’ snin ilu, b’ġonna b’ħafna ċnut u passaġġi wiesa, u nimxu lejn spazji aktar ħielsa, b’aktar siġar u pjanti. Postijiet li jkunu aċċessibbli għal kulħadd u forom differenti ta’ spazji miftuħa: minn eco-gardens, għal ġonna carbon neutral, minn parks kbar għal pocket parks.
Is-sena 2023 se tkun sena oħra ta’ ħidma biex inkunu nistgħu noffrulkom l-aqwa u l-aħjar.
Filwaqt li nħares ‘il quddiem għas-sena li ġejja, nieħu din l-okkażżjoni biex nawgura lilek għażiż qarrej is-Sena t-Tajba.