Carmel Cacopardo | Il-ħiliet ħodor li neħtieġu
Huwa biss billi niddemokratizzaw il-bidla meħtieġa fl-imġieba fuq livell lokali li nistgħu nibdew il-mixja lejn żvilupp sostenibbli bis-serjetà. Il-Kunsilli Lokali, jekk iridu, għandhom rwol ċentrali f’dan kollu. Hi opportunità unika ta’ kif jistgħu jagħtu sura lill-ħajja ta’ madwarna
Il-ħiliet il-ħodor ma jiġux waħedhom. Għandna ħtieġa kbira tagħhom biex insibu tarf tat-tranżizzjoni ekoloġika. Jeħtiġilna li b’mod urġenti nirrisolvu l-kunflitt tal-bniedem man-natura. Neħtieġu li nibdew nirrimedjaw il-ħsara ambjentali akkumulata li l-bniedem ikkawża fuq id-dinja.
Biex nimxu f’din it-triq hemm ħtieġa ta’ bidliet sostanzjali fl-imġieba tagħna. Din mhiex għażla li nistgħu naqblu magħha inkella le. Hi ħtieġa li llum jew għada irridu niffaċċjaw.
L-istrateġija dwar l-iżvilupp sostenibbli, li preżentement hi soġġetta għal konsultazzjoni pubblika, titkellem, fost oħrajn, dwar l-oġġettiv ta’ edukazzjoni ta’ kwalità li tkun kapaċi tirrispondi għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Dan tagħmlu hi u tiddiskuti l-oġġettiv strateġiku numru 4. L-istrateġija tinfurmana li dawn il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol jinkludu l-ħiliet ħodor.
Ma għandi l-ebda diffikultà dwar oġġettiv bħal dan li jipprova joħloq kredenzjali ħodor għall-ekonomija. Imma, naħseb li jkun għaqli li flok nimmiraw ħafna 'il fuq nidentifikaw mod prattiku kif nassiguraw li l-parti l-kbira tal-popolazzjoni tikseb il-ħiliet bażiċi ħodor. Fl-aħħar minn l-aħħar l-iżvilupp sostenibbli mhux ser nilħquh mill-uffiċini, billi noħloqu pjani dettaljati minn wara l-iskrivanija. Nilħquh bl-imġieba tagħna, ġod-djar tagħna, fejn ngħixu l-ħajja normali tagħna. Din hi l-isfida tagħna. Hi sfida li tmur lil hinn mill-ekonomija.
L-għaqda ambjentali Nature Trust, flimkien ma' numru ta’ skejjel, fuq dan qegħda fit-triq it-tajba, ferm qabel ma tfasslu strateġiji. Iċ-ċavetta qegħda fl-aċċess għall-imħuħ. Tul is-snin l-implimentazzjoni tal-proġett eko-skola min-Nature Trust wassal numru sostanzjali ta’ tfal u żgħażagħ f’kuntatt ma’ realtajiet ambjentali li niffaċċjaw ta’ kuljum.
Tul is-snin kelli diversi opportunitajiet fejn iltqajt ma’ parteċipanti fl-eko-skola kif ukoll mal-għalliema tagħhom. L-għarfien ambjentali li kisbu kien wieħed impressjonanti. Applikaw l-għarfien li kisbu għad-dinja ċkejkna tagħhom, l-iskola. Uħud minnhom irnexxielhom ukoll iwasslu dak li tgħallmu sad-dar u influwenzaw kemm lill-ħuthom kif ukoll lill-ġenituri tagħhom biex huma wkoll jaġixxu b’mod li ma jkunux ta’ ħsara ambjentali.
Dan hu pass kbir 'il quddiem. Imma mhux biżżejjed.
L-eko-skejjel jeħtieġ li jinfettaw lill-komunitajiet lokali tagħna biex huma ukoll jimxu fuq l-istess passi. Dan jista’ jwassal għat-tibdil meħtieġ fl-imġieba tagħna lkoll. Dan hu proċess twil. Bil-mod il-mod nistgħu nibnu komunitajiet sostenibbli. Dan nagħmluh billi nassiguraw ruħna li kull eko-skola tgħin lill-ġenerazzjonijiet differenti fil-komunitajiet lokali tagħna biex huma jagħrfu u jakkwistaw il-ħiliet il-ħodor. Ħiliet li lkoll kemm aħna neħtieġu biex inkunu nistgħu ngħixu f’armonija fl-ambjenti rispettivi tagħna. Ħiliiet li dawk li ġew qabilna kellhom, imma li tul is-snin intilfu minħabba dak li kultant jissejjaħ “progress” li biddel il-mod kif ngħixu!
Jeħtieġ li nqisu l-kisba u l-għarfien ta’ ħiliet ħodor bħala ħiliet soċjali essenzjali. Dan ftit nagħtu każ tiegħu minkejja l-biżibilju konsultazzjonijiet pubbliċi li jsiru mid-diversi awtoritajiet pubbliċi tul is-snin. Dan ifisser ukoll li flimkien mal-istrateġija “nazzjonali” dwar l-iżvilupp sostenibbli neħtieġu ukoll strateġija fuq livell lokali biex din tkun implimentata fl-għeruq tas-soċjetà, fil-komunitajiet lokali tagħna.
Tul is-snin sar ħafna xogħol, imma dan, ħafna drabi, sar bla koordinazzjoni ta’ xejn. Il-koordinazzjoni meħtieġa, meta issir sewwa, jirnexxielha tagħti riżultati tajbin billi tifrex il-ħiliet ħodor fil-komunitajiet lokali tagħna. Dan hu mod prattiku kif il-proċess ta’ twettieq tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli jitmexxa minn min hu effettwat mill-ħsara ambjentali akkumulata li irridu niffaċċjaw ta’ kuljum.
Huwa biss billi niddemokratizzaw il-bidla meħtieġa fl-imġieba fuq livell lokali li nistgħu nibdew il-mixja lejn żvilupp sostenibbli bis-serjetà. Il-Kunsilli Lokali, jekk iridu, għandhom rwol ċentrali f’dan kollu. Hi opportunità unika ta’ kif jistgħu jagħtu sura lill-ħajja ta’ madwarna.