Alicia Bugeja Said | L-Edukazzjoni: Muftieħ għall-progress fil-qasam tal-ħarsien tal-annimali
Li nieħdu ħsieb l-annimali tagħna, mhix sempliċiment nagħtu kashom waqt it-tberik. L-annimali mhumiex rigal ta’ darba, huma parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum
L-annimali huma parti integrali mill-ħajja tagħna ta’ kuljum. Kemm ġewwa djarna, fil-lokalitajiet fejn ngħixu, jew fl-irziezet u l-kampanja ta’ madwarna, l-obbligu nazzjonali tagħna jibqa’ dejjem li nibqgħu ngħollu l-livell tal-għajxien tagħhom. Madanakollu, il-bidla vera ma sseħħx biss bl-inizjattivi u l-investimenti tal-Gvern, iżda bil-bidla fil-mentalità, u d-deċiżjonijiet ta’ kuljum li kull wieħed u waħda minna jieħu.
Il-qasam tal-ħarsien tal-annimali huwa għal qalb il-Maltin, li jirrikjedi tibdil strutturali biex jibqa’ jimxi pass pass mal-aħħar żviluppi. Kien għalhekk li matul ix-xhur li għaddew, nedejna passi konkreti favur t-tnissil ta’ strateġija ġdida. L-għan tagħna huwa li l-Gvern jeżerċita l-obbligi tiegħu lejn iċ-ċittadin individwali, il-komunità ta’ voluntiera, u s-settur privat, bl-iktar mod trasparenti u effettiv.
Id f’id mar-riformi interni li qegħdin inwettqu fil-qasam tal-ħarsien tal-annimali, hemm id-diversi liġijiet ġodda li l-Gvern qiegħed jixpruna. B’hekk, qegħdin nassiguraw li l-operat f’dan is-settur ikun wieħed abbażi ta’ regolament b’saħħtu, li jirrifletti r-realtà ta’ madwaru.
Biex naċċertaw l-iżviluppi neċessarji, il-Gvern huwa kommess li juża r-riżorsi u l-għodda kollha neċessarji biex iwettaq il-viżjoni progressiva tiegħu. Ewlenin fost dan it-tagħmir disponibbli, huwa l-edukazzjoni u s-sensibilizazzjoni mal-poplu. It-tagħlim huwa parti integrali mill-bidla li qegħdin inwettqu fid-diversi oqsma li qegħdin nindirizzaw ta’ kuljum. Bħala Gvern, nirrikonoxxu l-ħtieġa li kontinwament, nsaħħu l-għarfien tal-pubbliku, kemm fuq l-aħħar andamenti soċjali, kif ukoll fuq il-ħtiġijiet kommunitarji ġodda .
Ir-riżultati tal-ħidma tagħna diġà qegħdin jinħassu. Matul l-2022, mal-1,300 qattus, 540 kelb, u 38 annimal bħal fniek, tiġieġ u annimali eżotiċi, ingħataw l-kenn u l-għajnuna neċessarja mid-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali. Il-ħidma ta’ dan id-direttorat ma taqtax, u ta’ dan nirrangrazzajhom mill-qalbi.
Madanakollu, biex nassiguraw li jkollna komunità li tassew tħobb lill-annimali kollha, għandna bżonn l-għodda edukattiva. Il-messaġġ tagħna favur il-bidla ma jistax verament jinbet fil-konoxxenza pubblika, jekk bħala rappreżentanti taċ-ċittadin, ma noħolqux u nappoġġjawx kampanji ta’ sensibilizazzjoni differenti, li jolqtu lill-etajiet u l-isfond lokali kollu.
Fid-dawl ta’ dan, ħadt gost nipparteċipa f’inizjattivi bħal dawk li seħħew fil-Kulleġġ ta’ San Nikola ġewwa r-Rabat. Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali dwar l-Għarfien tal-Annimali, urejna biċ-ċar fuq l-importanza li l-komunità tibqa' aġġornata fuq l-aħjar mod li tieħu ħsieb l-annimali tagħha, anke minn età daqshekk tenera.
Li nieħdu ħsieb l-annimali tagħna, mhix sempliċiment nagħtu kashom waqt it-tberik. L-annimali mhumiex rigal ta’ darba, huma parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum. Kemm jekk jinsabu fid-djar tagħna, fl-għelieqi ta’ madwarna, kif ukoll fil-kampanja, l-imħabba u r-rispett lejn il-ħtiġijiet tagħhom tassew għandha rwol importanti fil-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tagħna.
L-annimali mhumiex distinti minn dak li jinsab madwarna. Ma nistgħux naħdmu favur progress sostanzjali fi ħdan il-komunitajiet u l-lokalitajiet, jekk ma nagħtux konsiderazzjoni kif jixraq lejn il-ħtiġijiet tagħhom ukoll. Permezz ta’ inizjattivi edukattivi bħal dawn, qegħdin nixprunaw is-sensibilizazzjoni meħtieġa. Irridu nassiguraw li t-traġitt li rridu naraw lil pajjiżna jieħu, jkun verament dak li jixraq lilna u lil uliedna.
L-edukazzjoni għandha rwol importanti wkoll fejn jidħol l-uffiċjali pubbliċi. Qegħdin nassiguraw kif il-ħaddiema tad-Direttorat għandhom it-tagħmir neċessarju biex iwettqu l-obbligi tagħhom, u jkunu verament ta’ servizz lejn il-poplu tagħna. Dan jinkludi wkoll l-investimenti li qegħdin isiru fi spazji ġodda, bħall-Cattery fl-Għammieri li nedejna ftit tal-ġimgħat ilu.
Investiment ieħor li qegħdin naħdmu fuqu bħalissa, huwa biex nkomplu ninkoraġixxu l-addozzjoni ta’ dawn l-annimali li bħalissa qegħdin fil-kura tad-Direttorat. Dawn l-annimali tabilħaqq ħaqqhom l-imħabba u l-kura li aħna l-Maltin nafu nagħtu fid-djar u l-familji tagħna. Irridu nkomplu ninkoraġġixxu lil min huwa interessat, biex jieħu dan il-pass tant kuraġġuż, u flok jixtri, jagħżel li jaddotta.
Minn dan il-lat, fiż-żmien li ġej ser nintroduċu sit elettroniku, fejn kull min huwa interessat li jadotta annimal, jkun jista jara l-għażla vasta ta’ annimali li jirrikjedu dar ġdida. L-esperjenza li familja tintroduċi membru ieħor tal-familja fil-forma ta’ annimal, huwa tabilħaqq mument imprezzabbli fil-ħajja tagħna. Għaldaqstant, pero, huwa rigal għall-annimal innifsu li jissieħeb f’familja li tħobbu, tgħożżu u tieħu ħsieb il-ħtiġijiet kollha tiegħu.
Il-ħidma fil-qasam tal-ħarsien tal-annimali huwa wieħed li ma jaqtax; xemx u xita, l-ħtiġijiet tal-annimali jibqgħu dejjem preżenti, anke jekk jevolvu ruħhom mal-miġja taż-żminijiet. Fl-istess ħin, is-suċċess tal-ħidma tagħna huwa intrinsikament marbut ma’ kull annimal ġdid li jiġi protett, jiġi addottat, jew jingħata dak li jkollu bżonn.
L-edukazzjoni hija ċ-ċavetta prinċipali tal-progress soċjali. Kull wieħed u waħda minna għandu rwol importanti x’jilgħab f’dan il-qasam. Huwa biss jekk inkomplu nuru l-apprezzament u l-imħabba bħala soċjeta, lejn dawn il-ħbieb tagħna, li kapaċi nħallu l-legat ta’ empatija u progress li tassew ħaqqu pajjiżna.