Roberta Metsola | L-Ukrajna hija l-Ewropa
Ilkoll kemm aħna rridu l-paċi. Speċjalment l-Ukreni. L-ideal Ewropew stess jissejjes fuq il-paċi. Imma l-paċi mingħajr libertà u mingħajr ġustizzja mhi paċi xejn
Id-dinja li konna nafu nbidlet radikalment fl-24 ta' Frar 2022. Dakinhar u kuljum minn dakinhar, il-ħajja ta' miljuni ta' familji Ukreni tfarrket. Minn mument għall-ieħor, ħafna kellhom jitilqu kollox. Tmien miljun Ukren, l-ekwivalenti ta’ 15-il darba l-popolazzjoni ta’ Malta, kienu mġiegħla jaħarbu minn darhom u jfittxu kenn fl-Unjoni Ewropea. Sitt miljun ruħ oħra kellhom jiġu spostati fi ħdan il-pajjiż stess.
Id-dinja nbidlet anki għalina lkoll, li qegħdin naraw b'għajnejna l-brutalità, l-inġustizzja, il-ksur sfaċċat tad-dritt internazzjonali, it-terrur, id-diżrispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-delitti tal-gwerra li, sena wara, għadhom qed jiġu kommessi fuq it-territorju sovran tal-Ukrajna.
Ilkoll kemm aħna rridu l-paċi. Speċjalment l-Ukreni. L-ideal Ewropew stess jissejjes fuq il-paċi. Imma l-paċi mingħajr libertà u mingħajr ġustizzja mhi paċi xejn.
Hu u jitkellem fil-Parlament Ewropew ġimagħtejn biss ilu, il-President Zelenskyy ddikjara li l-Ewropa jqisha kontinent ibbażat fuq regoli, valuri, ugwaljanza u ekwità, u post fejn l-Ukrajna tħossha komda immens fih. Qal ukoll li l-Kremlin, mill-banda l-oħra, qed jagħmel kulma jista' biex jeqred il-valuri Ewropej.
Għalhekk se nkomplu nieqfu mal-Ukrajna. Iċ-ċittadini tagħha jiddependu minn dan. L-Ewropa tiddependi minn dan. Il-paċi tiddependi minn dan. Nieqfu mal-għadd kbir ta' familji li sabu ruħhom imċaħħdin minn kollox. Nieqfu mal-forzi tad-difiża tal-Ukrajna li jiġġieldu għal-libertà, għad-demokrazija u għall-ordni dinji bbażat fuq ir-regoli. Nieqfu ma' dawk li qed jiġġieldu għalina.
Għalhekk il-Parlament Ewropew qed jitlob li jitwaqqaf tribunal speċjali biex itella' quddiem il-ġustizzja lil kull min hu responsabbli mid-delitti tal-gwerra, li huma delitti li mhumiex suġġetti għal preskrizzjoni. Delitti li ma nistgħux ninjoraw.
Għalhekk l-Unjoni Ewropea jeħtiġilha żżomm is-sanzjonijiet fil-konfront tar-Russja, tal-persuni u tal-entitajiet li jappoġġaw il-gwerra illegali ta' Putin, u għalhekk jeħtiġilna neżerċitaw pressjoni fuq pajjiżi oħra u kumpaniji privati li għad għandhom relazzjonijiet mal-Kremlin. Ma nistgħux inkomplu għaddejjin qisu xejn mhu xejn mar-Russja.
B'ħarstu lejn il-ġejjieni, il-Parlament Ewropew irid jibda jippjana għall-ġurnata tal-liberazzjoni. Għall-adeżjoni tal-Ukrajna mal-UE. Għan li għalih kull pajjiż kandidat għandu t-triq tiegħu, imma li għalih għandna nibdew in-negozjati mill-aktar fis possibbli. Il-prospettiva tal-adeżjoni se tgħin, mhux biss moralment u simbolikament, iżda anki fil-mument tar-rikostruzzjoni ta' Ukrajna libera.
Dan għandu x'jaqsam mhux biss mar-rikostruzzjoni fiżika enormi tal-Ukrajna, iżda anki mas-sistemi amministrattivi, tal-governanza u ġudizzjarji tagħha. Se jirrikjedi xogħol iebes u riformi diffiċli. Se jirrikjedi bidla u deċiżjonijiet kuraġġużi.
Il-Parlament Ewropew u għadd kbir ta' programmi tal-UE jistgħu jkunu ta' għajnuna. Imma jekk is-sena li għaddiet urietna xi ħaġa, hija proprju l-fatt li l-poplu Ukren huwa fost l-eżempji l-aktar kuraġġużi, reżiljenti u impressjonanti ta' poplu li jiġġieled u jegħleb id-diffikultajiet. L-Ukreni jistħoqqilhom l-appoġġ bla eżitazzjoni tagħna. Aħna marbutin flimkien. L-Ukrajna hija l-Ewropa. L-Ewropa hija l-Ukrajna.