Ivan Bartolo | Taf xi tfisser tkun soċjalist?
Meta Gvern ifalli fl-ambjent, fl-agrikoltura, fis-saħħa, fil-kura mentali, fil-housing soċjali, fl-edukazzjoni u fil-ħolqien tal-impjiegi ta’ kwalità, fost l-oħrajn, allura bilfors li l-faqar ikompli jgħolli rasu
“Il-politika diżastruża tal-Labour tidher kullimkien madwarna: tidher fit-tnawwir kontinwu tal-ambjent, fin-nuqqas ta’ infurzar tal-liġijiet, fiż-żieda tal-persuni fil-faqar u l-esklużjoni soċjali, fil-qerda tal-valuri, fil-konfoffa tal-poter ma’ min hu b’saħħtu u mhux mal-bżonnijiet tan-nies, fil-manipulazzjoni tan-nies b’miżuri popolisti short-sighted li jħallu effett negattiv fit-tul...” Dan mhux kliemi. Dan kliem l-eks kunsillier Laburista Desmond Zammit Marmara fuq il-ġurnal lokali Times Of Malta. Għandu raġun Zammit Marmara jgħid li l-faqar m’għandux għeruqu f’qasam wieħed biss.
Ikun kemm ikun żviluppat il-pajjiż, il-kaġun tal-faqar ġej minn għadd ta’ fatturi li flimkien jikkontribwixxu għall-faqar u l-esklużjoni soċjali. Meta Gvern ifalli fl-ambjent, fl-agrikoltura, fis-saħħa, fil-kura mentali, fil-housing soċjali, fl-edukazzjoni u fil-ħolqien tal-impjiegi ta’ kwalità, fost l-oħrajn, allura bilfors li l-faqar ikompli jgħolli rasu.
Sfortunatament għandna Gvern li jinteressah biss li jagħmel miżuri għall-mument, ta’ issa u għall-gwadann politiku tiegħu, bla ma jindirizza l-problemi mill-qiegħ. Fil-fatt iċ-ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), sena wara sena, qed tibqa’ tikkonfermalna l-Gvern Laburista fl-aħħar 10 snin irnexxielu:
- Jżid il-faqar;
- Ipoġġi iżjed persuni fil-faqar u
- Saħansitra rnexxielu joħloq faqar ġdid.
Filwaqt li l-Prim Ministru jistqarr li hu soċjalista u li għandu jdejh fuq il-polz tal-poplu, il-fatti juru li ma jafx xi tfisser tkun soċjalista, qed ikun falz u jrid jintogħġob ma’ min hu soċjalist.
Il-fatti juru li mhuwiex jindirizza bis-serjetà l-għoli tal-ħajja. Il-fatti juru li għandna Gvern xħiħ mal-poplu u galantom bi flusna mal-klikka bil-positions of trust u d-direct orders. Mhux ta’ b’ xejn ħbew is-slogans “Malta l-ewwel u qabel kollox”, “iċ-ċittadin l-ewwel” u “Ħadd mhu għar-rimi” fost slogans oħrajn.
Is-sentenza tal-Imħallef Francesco Depasquale li tannulla l-kuntratt frawdolenti tal-Vitals-Steward tkompli tikkonferma li l-interessi tal-Labour mhumiex il-ġid tal-fqir, tal-batut u tal-marid... Mhumiex l-interessi taż-żgħir... Imma huma l-interessi tal-frodisti li b’kompliċità magħhom ħadmuna bl-aktar mod sfaċċat. Jekk kienet gravi li minn wara daharna kienu qed jippjanaw li jixxaħħmu €5,000 kuljum mill-proġett tal-powerstation, mela kemm hi iżjed gravi li b’mod sfaċċat ippjanaw mal-frodisti biex jisirqu lill-marid mijiet ta’ miljuni ta’ ewro. Kemm trid tkun immorali u bla ruħ biex tasal tisraq lill-marid? Biex imbagħad lill-marid tħallih fil-kuritur jew fil-canteen tal-MaterDei jinqeda fil-mobile showers u fil-mobile toilets.
Tant il-mudell ekonomiku tal-Labour ibbażat fuq l-importazzjoni taċ-cheap labour – (li hu ħażin), li kieku l-Gvern ma ddejjinx biljun ewro fis-sena biex jissussidja l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, kieku l-faqar mhux biss kompla jiżdied imma kien jisplodi b’rata allarmanti.
U għal hekk il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-mudell ekonomiku għandna nsejsuh fuq setturi ekonomiċi ġodda li jrendu u li jipprovdu impjiegi ta’ kwalità u li jiżguraw li ż-żgħażagħ gradwati tagħna jaraw futur f’pajjiżna, għax mingħajr dak is-suċċess ma nistgħux nibdew nindirizzaw il-faqar kif jixraq.
Appell ġenwin lil dawk li jriduha tas-soċjalisti, imma għadhom ma jafux xi tfisser il-kelma “soċjalist”, lil dawk li dejjem issibhom fuq in-naħa tar-rebbieħ, “jekk se tibqgħu titħanżru, il-vittmi se jiżdiedu bl-eluf, speċjalment dwak b’introjtu baxx jew medju”. Il-poplu xeba’ sal-ponta ta’ mnieħru bil-ħniżrijiet tagħkom. Issa nduna kulħadd li r-roadmap ta’ moħħkom kienet diretta għal ġo butkhom.”
Soċjalist ta’ veru joqgħod attent li jevita żbalji li jwasslu l-pajjiżu f’xifer l-irdum. Soċjalist ta’ veru jibża’ għal pajjiżu. Soċjalist ta’ veru jaħdem ma’ kulħadd u qatt ma jarmi u jbenġel it-twemmin politiku tiegħu. Soċjalist ta’ veru jaqbeż għaż-żgħir, għall-vulnerabbli u ma jaġevolax lil dawk li jfittxu l-interess ta’ buthom. Soċjalist ta’ vera jagħti milli jkollu u jinsa dak il-ħin stess, dak li jkun taha. Soċjalist ta’ vera jemmen f’governanza tajba u jitbiegħed mill-opportunisti. Soċjalist ta’ veru ma jlaqqa’ lil ħadd wara bibien magħluqa u fl-ebda sular ma joqgħod iħejji r-roadmaps! Fuq kollox ma tistax tkun soċjalista ta’ veru u tħoss li int ċelebrita, tħoss li int fuq oħrajn, tħoss li int xi “superstar”!