Editorjal | Id-destin tal-Air Malta
Is-sena li għaddiet, Caruana ħabbar riforma li wasslet biex mijiet ta’ ħaddiema jkunu trasferiti għal mal-Gvern jew itemmu l-impjieg tagħhom b’somma ġeneruża. Jekk wara din ir-riforma l-Air Malta ma tistax tkun salvata, Caruana għandu jgħid kif il-pajjiż se jibqa’ jkollu linja tal-ajru nazzjonali
Is-saga tal-Air Malta issa twalet iżżejjed u s-sitwazzjoni kurrenti mhux biss qed toħloq inċertezza fost il-ħaddiema imma wkoll fis-settur turistiku. Id-diskussjonijiet bejn il-Gvern Malti u l-Kummissjoni Ewropea biex jinkiseb permess ħalli l-linja tal-ajru tkun issussidjata b’miljuni ta’ ewro issa ilhom għaddejjin kważi sentejn.
Anke jekk it-taħdidiet ma’ Brussell għadhom ma ntemmux, l-eżistenza tal-Air Malta l-ġimgħa l-oħra ntefghet f’dubju serju minn min qed imexxi l-kumpanija. Il-kummenti li ta David Curmi lit-Times of Malta ma ħallewx wisq għall-imaġinazzjoni: l-Air Malta se tingħalaq u postha teħodulha kumpanija ġdida tal-ajru statali sal-aħħar tas-sena.
Hu sostna wkoll li din it-transizzjoni se tkun mingħajr skossi. Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana malajr ħareġ jinsisti li t-taħdidiet ma’ Brussell għadhom għaddejjin u se jinforma lill-pubbliku b’kollox ladarba jingħalqu d-diskussjonijiet.
Dak li qal Curmi għandu ħafna mis-sewwa. Rapport li għandha din il-gazzetta jindika li diġà saru taħdidiet interni dwar kumpanija ġdida tal-ajru fl-eventwalità li l-Air Malta jkollha tagħlaq il-bibien tagħha.
It-tama hi l-aħħar ħaġa li tmut u donnu Caruana għadu jemmen li b’xi mod il-Kummissjoni Ewropea tista’ tagħtih il-barka biex iroxx il-miljuni tal-ewro fl-Air Malta biex tkun tista’ tkompli taħdem.
Madankollu, l-ministru jeħtieġ ikun ukoll realistiku fl-aspettattiva tiegħu. L-ikbar ċans fiċ-ċirkostanzi hu li l-Air Malta tingħalaq bħalma ġralha l-Alitalia u minflokha titwieled kumpanija ġdida. Inutli jipprova jilgħab il-logħba Mintoffjana li jibqa’ jsus wara ftehim anki jekk jidher impossibbli.
Caruana jeħtieġ jaqta’ l-inċertezza u jindika biċ-ċar x’beħsiebu jagħmel il-Gvern. Il-Ministru qatt ma żamm xejn fuq l-istonku u fuq l-istat prekarju li qegħdha fih l-Air Malta dejjem tkellem ċar u bil-miftuħ. Saħansitra s-sena li għaddiet, lejliet l-elezzjoni, ħabbar riforma li wasslet biex mijiet ta’ ħaddiema jkunu trasferiti għal mal-Gvern jew itemmu l-impjieg tagħhom b’somma ġeneruża.
Jekk wara din ir-riforma l-Air Malta ma tistax tkun salvata, Caruana għandu jgħid kif il-pajjiż se jibqa’ jkollu linja tal-ajru nazzjonali.
Malta għandha bżonn linja tal-ajru nazzjonali biex tiżgura konnettività ma’ wħud mill-ajruporti ewlenin fl-Ewropa u l-madwar.
Il-Kap Eżekuttiva tal-Malta International Airport Alan Borg kemm-il darba tkellem dwar il-bżonn li Malta jkollha linja nazzjonali. Dan il-ħsieb hu rifless ukoll fis-settur turistiku.
L-Air Malta, flimkien mar-Ryanair, hi linja tal-ajru bl-ikbar operat fl-ajruport. Dak li jiġri lill-Air Malta jkollu impatt fuq l-MIA u s-settur turistiku.
Huwa bżonn strateġiku li Malta jkollha linja nazzjonali tal-ajru. Din mhix biss kwistjoni ta’ kburija nazzjonali imma ta’ bżonn ekonomiku. Saħansitra linja nazzjonali tal-ajru hi bżonn demokratiku. Il-fatt li Malta hi gżira, l-uniċi żewġ modi kif jista’ jkun garantit il-moviment ħieles tal-persuni għal ċittadini Maltin fl-UE, hu permezz tal-ajru u tal-baħar. Kumpaniji privati tal-ajru weħidhom ma jistgħux jiggarantixxu dan id-dritt meta faċilment jistgħu jaqtgħu lill-Malta mir-rotot tagħhom.
Jeħtieġ li l-Kummissjoni tiddeċiedi darba għal dejjem id-destin tal-Air Malta sabiex l-inċertezza tintemm. U jekk id-destin qed juri li l-Air Malta se tingħalaq, il-gvern m’għandux għalfejn joqgħod jistenna iktar.
Il-gvern għandu jżarma l-kumpanija u l-ħaddiema jingħataw benefiċċji ta’ tmiem l-impjieg fin-norma tal-prattiċi fl-qasam tar-relazzjonijiet industrijali. Il-ħaddiema m’għandhomx jingħataw xi trattament iktar speċjali minn ħaddiema oħra li jsibu lilhom infushom f’ċirkostanzi simili.
Fl-istess waqt, il-gvern għandu jiftaħ kumpanija ġdida tal-ajru li tagħti lill-istess ħaddiema tal-Air Malta l-opportunità li japplikaw għall-impjieg bħal kull ħaddiem ieħor.
Madankollu, l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi tal-kumpanija l-ġdida għandhom ikunu differenti minn tal-Air Malta. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu xierqa imma jirriflettu wkoll r-realtà tas-sitwazzjoni.
Kumpanija ġdida m’għandiex tkun imxekkla minn kwistjonijiet u prattiċi antiki li m’għadhomx jagħmlu sens illum. Jekk il-kumpanija l-ġdida tkun fotokopja tal-Air Malta, se tkun riċetta għal falliment.
Iżda jeħtieġ ukoll li l-gvern jiżgura li l-kumpanija l-ġdida titmexxa min-nies kompetenti fuq bażi purament kummerċjali.
F’dan il-kuntest, il-politiċi ta’ kull lewn jeħtieġ jifhmu wkoll li l-linja tal-ajru ġdida mhix aġenzija tal-impjiegi għall-kostitwenti kif kienet l-Air Malta tul l-eżistenza tagħha. Il-politiċi għandhom parti sew mill-ħtija għall-istat li tinsab fih l-Air Malta llum u għalhekk jeħtieġ li l-logħob bil-favuri jintemm darba għal dejjem.
Il-gvern għandu jikkunsidra wkoll li iktar ’il quddiem jipprivatizza parti mil-linja tal-ajru billi joħroġ sa 30% tal-ishma lill-pubbliku u l-ishma jkunu kkwotati fuq il-Borża ta’ Malta. Hekk il-gvern ikun qed jiġbor lura parti mill-kapital tal-bidu u fl-istess ħin il-kumpanija tkun marbuta bir-regoli tas-suq li jiżguraw trasparenza fir-rappurtaġġ finanzjarju.