Editorjal | Il-Ġudikanti

Il-Ġudikanti illum ma jistgħux jgħidu li m’għandhomx kundizzjonijiet ta’ pagi tajbin jew li ma għandhomx strutturi li jigarantixxu l-liberta u l-indipendenza tagħhom.  Ukoll għandhom id-dritt jagħżlu huma l-Prim Imħallef.  Fit-tajjeb u l-ħażin. Imma jenħtieġ li jkunu aktar sinċiera mal-prinċipji tal-ġustizzja

Il-qrati ta’ Malta għandhom rwol kruċjali.  Istituzzjoni li għandha bżonn kull rispett u kif ukoll iċ-ċans li topera independenti mill-Istat.  Il-politiċi għandhom ikollhom kull dritt li jgħassu fuq il-qorti ... imma mhux biex joħonquha imma biex jaraw kif jistgħu jtejbuha.  U hekk għandu jkun. 

Il-ġudikanti mhumiex allat. Ħafna minnhom huma umani bħalna.  Inflwenzati minn nies bħalna, inflwenzati minn kummenti, attakki u l-opinjoni pubblika.  U hemm minnhom li għandhom il-preġuddizji tagħhom. 


Din il-gazzetta mhux se toqgħod lura milli tgħidha kif inhi.


Il-Qorti mhix perfetta.  Il-Ġudikanti illum ma jistgħux jgħidu li m’għandhomx kundizzjonijiet ta’ pagi tajbin jew li ma għandhomx strutturi li jigarantixxu l-liberta u l-indipendenza tagħhom.  Ukoll għandhom id-dritt jagħżlu huma l-Prim Imħallef.  Fit-tajjeb u l-ħażin.
Imma jenħtieġ li jkunu aktar sinċiera mal-prinċipji tal-ġustizzja.


Ma jistax ikun li hemm inkonsistenzi grassi fis-sentenzjar, preġuddizji rampanti u kif ukoll interpretazzjoni limitata tal-liġi.  Ma jistax ikun fejn ikun hemm kunflitti ta’ interess ma jiġux dikjarati u fuq kollox ma jistax ikun li hemm biżibilju każijiet pendenti, inkjesti pendenti u kif ukoll diferimenti kontinwi.


Is-sistema qatt ma tkun mija fil-mija perfetta, imma bħalissa hija imperfetta u din id-darba s-swaba qed jippuntaw lejn il-ġudikant u mhux lejn il-Gvern.

Trasparenza fid-donazzjonijiet


L-istorja tal-ġimgħa l-oħra dwar għoti ta’ donazzjoni lill-Repubblika minn persuna li kisbet  ċiitadinanza Maltija qajmet xi rix. 
Din il-gazzetta mhux se tkun mxekla li tikteb minn kummenti stupidi ta’ psewdo ġurnalisti biex mingħalihom nagħlqu ħalqna. Din hi storja bbażata fuq mistoqsija parlamentari għall-mistoqsija ta’ Parlamentari Nazzjonali.  Inqalgħu l-irwiefen kollha b’avukati, u anki mill-fondazzjoni Daphne. 

Fl-aħħar mill-aħħar Repubblika qalu li ma kienux jafu li daħlet din id-donazzjoni u kienu se jirritornaw is-somma. Tajjeb!


Imma li għaqda volontarji ma tafx minn fejn ġejjin il-flus li tirċievi hija stramba.  Mela tajba, mela nitolbu l-partiti politiċi bi trasparenza u lill-għaqdiet qed ngħidulhom intom ma jimpurtax.


Ir-rwol ta’ kull gazzetta hi li tirraporta dak li hu ta’ interess għal kullħadd.  Fil-passat ma dejjaqnix nuru kif ċerti avukati u awdituri u accountants li kitbu jew pprotestaw b’mod voċiferu kontra l-IIP (Ċittadinanza tad-Deheb) kienu huma stess joperaw servizz biex jieħdu l-eluf minn applikazzjonijiet għal ċittadinanza. 


Nemmnu li Repubblika ma kienux attivament qed ifittxu donazzjonijiet minn persuni li applikaw għal din is-sistema.  Imma jekk azjendi u gruppi oħra qed jintalbu jżommu rendikont finanzjarju strett ta’ avvanzi finanzjarji, inkluż minn fejn ġejjin il-flus, ma nistgħux nifhmu kif dan m’għandux japplika ukoll għall-għaqdiet volontarji, b’mod speċjali għaqda li titkellem dwar governanza u trasparenza!

More in Politika