‘Mhux se naċċetta li ngħix taħt il-biżà tar-rikatt’
Saviour Balzan jisħaq li huwa inaċċettabbli li wieħed huwa ħati ta’ sħubija ma’ Yorgen Fenech minħabba li jkun tkellem jew iltaqa’ miegħu. Jgħid li Jason Azzopardi mhux tal-istess fehma, filwaqt li esprima l-frustrazzjoni tiegħu għall-fatt li l-kumpanija tiegħu qed tiġi attakkata b’mod koordinat
“Mhux se naċċetta li ngħix taħt il-biżà tar-rikatt”
Stqarr dan id-Direttur tal-MediaToday Saviour Balzan, hekk kif stqarr li hemm qlajjiet u theddid li se jiġu ppubblikati chats ta’ Whatsapp, liema qlajjiet, kiteb Balzan, huwa risponsabbli għalihom l-avukat Jason Azzopardi.
Saviour Balzan kien qed jagħmel referenza għal chats ta’ Whatsapp bejnu u Yorgen Fenech fl-2019, liema chats ma jinkriminawx lil Balzan b’ebda mod. Hawn ingħad li riċentament, Balzan għamel rapport lill-Pulizija kontra Jason Azzopardi għal mod ta’ kif żvela ċ-chats, li huma informazzjoni privileġġjata.
Balzan kiteb li dawn iċ-chats, flimkien ma’ kull chat oħra ta’ Yorgen Fenech qiegħdin fil-pussess tal-Euorpol, u Jason Azzopardi, li għandu aċċess għalihom, għażel messaġġi partikulari li m’għandhomx x’jaqsmu mal-każ ta’ qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u użahom għall-intenzjonijiet tiegħu. Dan filwaqt li donnu nesa’ li meta kien Membru Parlamentari, kien ibbenifika mill-familja Tumas, li tawh iljieli bla ħlas fil-lukanda Hilton f’Tel Aviv fost oħrajn.
Balzan, fid-dawl ta’ qlajjiet li huwa viċin wisq ta’ persuni fil-poter, iċċara l-fatti li bħala s-sid ta’ kumpanija tal-aħbarjiet, huwa bilfors ikollu kuntatt ma’ politiċi u nies fin-negozju. Dan ma jfissirx peró, li huwa kien jaf li persuni bħal Keith Schembri kellhom intenzjonijiet ulterjuri meta daħlu fil-politika.
Saviour Balzan innota li huwa sar jaf lil Yorgen Fenech l-ewwel bħala student fejn kien jgħallem. Stqarr li minn dak li kien jaf fuq Fenech, Balzan qatt ma kien jimmaġina li huwa qatt seta’ kellu x’jaqsam ma’ assassinju ta’ ġurnalista. Fil-fatt, innota li qabel l-2019, Fenech kien persuna li jattira nies differenti, fosthom politiċi u nies fin-negozju. Ir-reputazzjoni tiegħu dak iż-żmien kienet evidenti anke f’dokument kunfidenzjali tal-Europol li ngħata lill-Maġistrat Anthony Vella fl-2018, fejn Yorgen Fenech lanqas biss kien issemma’.
Għalhekk, Balzan kiteb li meta l-aħbar tal-arrest ta’ Yorgen Fenech ħarġet, huwa kien fost ħafna li kienu xxukkjati. Balzan ikompli jgħid kif f’dak il-mument, mingħajr ma kellu obbligu, minn jeddu ta evidenza fl-inkjesta Maġisterjali marbuta mal-qtil ta’ Caruana Galizia, fejn preżenti kien hemm l-avukat tal-familja Caruana Galizia, Jason Azzopardi.
Hawn, Saviour Balzan jinnota li minkejja d-deċiżjonijiet mill-Qorti li jipprojbixxu l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni b’rabta ma’ chats ta’ Yorgen Fenech, Jasson Azzopardi għamel użu minn din l-informazzjoni sensittiva biex jagħmel ħsara lil numru ta’ persuni. Balzan kiteb li minħabba Jason Azzopardi, diversi persuni kienu jafu dwar chats privati ta’ Yorgen Fenech, bl-intenzjoni, skont Balzan, li Azzopardi jpinġi diversi persuni oħra bħala kompliċi fil-qtil tal-ġurnalista.
Saviour Balzan innota kif meta mistoqsi minn Yorgen Fenech dwar l-opinjoni tiegħu bħala sid ta’ gazzetta, huwa dejjem qal li l-aħjar azzjoni hija li jgħid il-verità. Meta Fenech gerger dwar il-fatt li s-sit MaltaToday kien ippubblika ritratt tiegħu f’artiklu marbut mal-kumpanija 17 Black, Balzan ma ta ebda istruzzjoni biex dan jinbidel, hekk kif dwar l-indipendenza editorjali, jistgħu jixhdu l-edituri kollha li qatt mexxew il-MaltaToday.
Balzan jisħaq li huwa inaċċettabbli li wieħed huwa ħati ta’ sħubija ma’ Yorgen Fenech minħabba li jkun tkellem jew iltaqa’ miegħu. Minkejja dan, huwa jgħid li Jason Azzopardi mhux tal-istess fehma, filwaqt li esprima l-frustrazzjoni tiegħu għall-fatt li l-kumpanija tiegħu qed tiġi attakkata b’mod koordinat.
Saviour Balzan għalaq billi sostna li se jaffaċċja din il-kampanja kontra l-kumpaniji tiegħu.