Labour f’dilemma kbira kif jaffronta l-problema Muscat
Dan qed ikollu effett fuq il-popolarità tal-Labour u Abela bħalissa. Minkejja l-fatt li jidher li hemm iktar informazzjoni delikata li trid toħroġ mill-media li tpoġġi aktar pressure fuq il-Gvern ta’ Abela
L-eks Prim Ministru Joseph Muscat, li kien strumentali biex il-Partit Laburista jerġa jkun partit rebbieħ f’żewġ elezzjonijiet, qed jaffaċċja futur xejn sabiħ hekk kif poġġa il-Partit Laburista u t-tmexxija preżenti ta’ Robert Abela fl-iktar pożizzjoni antipatika u diffiċli.
Il-Prim Ministru Robert Abela jrid jiddeċiedi jekk ser jaqta' kull forma ta’ rabta ma’ Muscat u b’hekk jurta sezzjoni mdaqqsa ta’ Laburisti ‘hard core’ li għadhom jammiraw lil Muscat.
Din il-ġimgħa l-Prim Ministru kien f’diskussjoni interna ma grupp żgħir ta’ nies biex jara x’jista jkunu l-options tiegħu. Minn sorsi viċin il-Prim Ministru jidher li mhux ser tittieħed l-ebda deċiżjoni drastika.
Iżda iktar ma jgħaddi żmien u joħorġu fatti jidher li aktar Laburisti huma diżappuntati bil-kbir b’Joseph Muscat li qed jarawh bħala persuna li ħaseb għar-rasu u għal butu.
U dan qed ikollu effett fuq il-popolarità tal-Labour u Abela bħalissa. Sorsi fil-Partit Laburista qed jgħidu li l-Prim Ministru Robert Abela mhux ser jieħu azzjoni, fuq fl-istil tiegħu u kollox ser jibqa' kif inhu għall-mument. Minkejja l-fatt li jidher li hemm iktar informazzjoni delikata li trid toħroġ mill-media li tpoġġi aktar pressure fuq il-Gvern ta’ Abela.
F’dawn l-aħħar ġranet ħarġu l-fatti li jikkonfermaw li l-kumpanija Svizzera mingħand min irċieva flus bħala konsulenza kienet infatti VGH Europe, kumpanija li kienet involuta mal-VITALS.
Biex tgħaxxaq, il-persuna li kien qed imexxi l-VITALS qed jitlob status bħala whistleblower fl-Amerika fejn qed jallega affarijiet serjissimi. Ram Tumuluri li kien ressaq il-VITALS lil Gvern Malti u wera kif ma kellu l-ebda esperjenza fil-kamp mediku, qed jallega li ġie mhedded minn Keith Schembri li kien chief of staff ta’ Joseph Muscat, li jiġrilu bħal Daphne Caruana Galizia jekk ma jaċċettax li jidħlu Stewards flok Vitals. Schembri qed jinnega li qal lil Tumuluri dan il-kliem.
Biex iktar jitgerfxu l-affarijiet, din il-ġimgħa ġie żvelat kif Stewards, li ħadu over il-konċessjoni mingħand Vitals imma taħt l-istess kap eżekuttiv, (Armin Ernst) kienu għaddew man-nofs miljun lil-kumpanija Svizzera li kienet qed tħallas il-Joseph Muscat.
Muscat, li qed jgħid li qed jiġi ffremjajt mill-istess persuni, allegazzjoni li ma tantx qed tiġi emmnuta.