Denise Grech | Fid-Dell tar-Renju tal-Butisti: Sejħa għall-Azzjoni
Il-Butisti ma jarawx partit jew ieħor għax f’ġieħ ir-renju tar-rgħiba u l-flus huma ħbieb kbar mat-tnejn li huma
F’Marzu 2023, waqt konferenza stampa li sejħu grupp ta’ soċjalisti, xellugin u progressivi wara l-iskandlu tal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet, it-trejdunjonista Sammy Meilaq tenna li dawk li jisirqu lill-gżejjer Maltin la huma denji jissejħu Laburisti u lanqas Nazzjonalisti, iżda “Butisti” għax il-politika li jemmnu u jimxu biha l-ewwel u qabel kollox hija dik tat-tħaxxin ta’ bwiethom.
Hekk kif smajt lil Meilaq itenni dal-kliem bdew ġejjin memorji ta’ tfulija maħtufa mir-Renju tal-Butisti. Ftakart pereżempju, f’kemm il-darba smajt lill-ommi u lil missieri jsemmuhom minn taħt l-ilsien lil dawn il-Butisti. Hemm kienu l-Butisti meta ommi, ammettiet ma’ missieri, li hija diżappuntata mill-Partit Nazzjonalista li kienet temmen fih, għax approva żieda ta’ EUR 500 fil-ġimgha fil-paga tal-membri tal-Kabinett waqt li l-bqija tal-poplu kien għaddej jitħabat ma’ kriżi tal-għoli tal-ħajja.
U hemm kienu l-Butisti meta missieri, bilqiegħda mal-mejda tal-kċina, baxxa għajnejh wara li waslitlu l-aħbar li l-mexxejja tal-pajjiż, Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri, qablu li jbigħu tliet sptarijiet pubbliċi lill-privat. Taħt ir-Renju tal-Butisti, il-pajjiż tilef EUR 450 miljun għall-interessi privati ta’ kumpaniji li llum nafuhom bħala falluti u korrotti, u li ħallew dawn it-tliet sptarijiet ċentrali tagħna mingħajr infrastruttura ewlenija u persunal mediku mifni, fosthom tobba u infermiera li jaħdmu kemm jaħdmu ma jistgħux jieħdu nifs.
Ir-Renju tal-Butisti ilu magħna. Fejn hemm krejnijiet flok siġar, tarmak flok bankini, karozzi, kaos u traffiku minflok anzjani bilqiegħda barra jparlaw, tfal jilagħbu u nies għaddejjin komdi bil-pass jew bir-rota, hemm il-Butisti.
U nafu li r-Renju tal-Butisti jinsab fl-aqwa tiegħu meta naraw l-awtoritajiet mexxejja tal-pajjiż jossessjonaw bħal qatt qabel bil-qligħ akkost ta’ kollox, akkost ta’ qerda mifruxa mal-gżejjer kollha inkluż Kemmuna. Il-Butisti saru ħaġa waħda mal-klassi politika u mehdija jikkonfoffaw sabiex jirrenja l-ġenn flok ħajja Mediterranja fil-paċi huma u jinsistu li dan kollu f’ġieħ is-sens komun, għax skonthom is-sens komun flus fil-bwiet irendi.
Il-Butisti ma jarawx partit jew ieħor għax f’ġieħ ir-renju tar-rgħiba u l-flus huma ħbieb kbar mat-tnejn li huma. Il-Partit Nazzjonalista bidel pereżempju l-Pjanijiet Lokali sabiex jaġevola lill-Butisti. L-isfreġju li ppermettew b’din id-deċiżjoni għadna qegħdin inbatuh sal-lum.
Iżda meta fl-2013 tela’ fil-poter il-Partit Laburista, il-Prim Ministru Joseph Muscat firxilhom it-tapit l-aħmar lill-Butisti. Dakinhar infetaħ żmien ġdid għar-Renju tal-Butisti li nxtered ma’ kullimkien fil-gżejjer Maltin; miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun, sal-isqaqien tal-irħula, it-toroq tal-bliet, l-ispajzi pristini xi darba kwieti u minsija mal-kosta u lil hinn minnha, Renju li tela’ għal Kastilja u niżel saħansitra f’għalqa kwieta fil-Bidnija.
Ir-Renju tal-Butisti għadu magħna u n-nies draw jgħixu mbeżża’ minnu għax jafu li l-awtoritajiet wara l-Butisti qegħdin u mhux wara l-poplu.
Sejħa għall-Azzjoni fis-27 ta’ Mejju 2023
Fi ħdan il-Moviment Graffitti naħdmu qatigħ sabiex inħeġġu lin-nies jingħaqdu kontra r-Renju tal-Butisti, ikun min ikun il-partit li taħtu joperaw.
Ingħaqadt mal-Moviment Graffitti meta għaraft li l-uniċi drabi meta l-Maltin u l-Għawdxin ingħaqdu flimkien kontra l-partiti li jivvutaw għalihom, kienu meta raw li kien ir-Renju tal-Butisti li qed jiddomina l-partiti tagħhom.
U bdejt nara l-bidla sseħħ bil-mod il-mod madwari. Rebħa reċenti rajniha fix-Xemxija, fejn riedu jkomplu jkissru bi żvilupp għoli ta’ bosta appartamenti, żvilupp li ngħaqdu biex iwaqqfuh ir-residenti. Il-Butisti komplew għaddejin bil-qerda anki waqt li kienu qegħdin jiġu sfidati fil-qrati, iżda r-residenti ma qatgħux qalbhom u ppersistew sakemm il-qrati tawhom raġun.
Din id-deċiżjoni tal-qrati dwar ix-Xemxija għandha tispirana lkoll sabiex niġġieldu kontra r-Renju qerriedi tal-Butisti li ilhom wisq jagħmlu li jridu b’pajjiżna. Nistgħu nitilfuha din il-ġlieda, iżda jekk ma niġġildux nagħtu r-rebħa lilhom żgur.
Il-Moviment Graffitti flimkien ma’ bosta għaqdiet ambjentali, għaqdiet mhux governattivi, gruppi ta’ residenti, studenti, ħaddiema u bdiewa; kollha mingħajr affiljazzjoni, qegħdin isejħu lill-pubbliku sabiex jipparteċipa fil-protesta nazzjonali Xebbajtuna! Bidla fl-Ambjent u l-Ippjanar ISSA! fil-Belt Valletta nhar is-Sibt 27 ta’ Mejju 2023. Il-protesta tibda fl-10.30 am minn ħdejn il-Funtana tat-Tritoni.
Narawkom hemm!