Editorjal | Insult f’wiċċna u f’dak tal-Partit Laburista
Kif jista jkun li Muscat jiġġustifika kull qassata li għamel? U dan wara li għadu kif inkixef li kien qed jirċievi konsulenza mlaħħma minn kumpanija marbuta mal-VGH u l-Istewards.
Il-konsulenza ta’ Joseph Muscat li oriġinat minn kumpanija falluta ta’ għasafar eżotiċi għal ftit inqas minn €12,000 fix-xahar bir-raġun qajmet ħafna rix!
Wara kollox kullħadd jaf li mindu telaq minn Prim Ministru f’ċirkustanzi xejn feliċi f’Jannar tal-2020, Muscat sar konsulent ta’ ħafna kumpaniji privati.
Alla biss jaf kemm jaqla' fix-xahar.
Imma huwa stmat li jaqla' ftit inqas minn €40,000 fix-xahar jew €480,000 fis-sena. U din hija figura konservattiva.
Il-problema kbira hi li l-kumpanija tal-papagalli hjia intrinsikament marbuta ma’ sid tal-Casino Dragonara li kien qed iwassal biex jitlef titlu fuq l-art tal-Casino Dragonara. Estensjoni li ġiet approvata bl-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament wara snin ta’ stennija u qtugħ il-qalb.
Fil-Parlament il-mozzjoni tressqet grazzi għall-inizjattiva ta’ Joseph Muscat minn Chris Cardona u sekondata minn Claudio Grech.
Ma hemmx raġuni għalfejn din l-estensjoni ma kellix tingħata, imma dak iż-żmien, is-sidien Johann Schembri u Michael Bianchi tal-Casino kienu qed isibu ħafna intoppi.
Infatti fl-istess nifs il-Kap tas-Segretarjat ta’ Muscat, Keith Schembri deher li kien qed jibgħat messaġġi ċari kontra din l-estensjoni ċarament li kienu jikkowinċidu mal-interess ta’ Yorgen Fenech li dak iż-żmien kien propjetarju tal-Casino f’Portomaso u tal-Casino tad-Dolmen li kien iqis il-Casino Dragonara bħala kompetitur mhux denju.
Li huwa ċar hu li Joseph Muscat aċċetta konsulenza ta’ €12,000 fix-xahar għal xogħol żgur mhux relatat mal-Papagalli. Konsulenza li tqajjem aktar mistoqsijiet milli risposti.
Jekk din kienet nota ta’ ringrazzjament talli l-ftehim tal-Casino seħħ, mela ċertament hemm xi ħaġa stramba. Li twasslek biex tistaqsi jekk Muscat għad għandu argumenti konvinċenti.
Kif jista jkun li Muscat jiġġustifika kull qassata li għamel? U dan wara li għadu kif inkixef li kien qed jirċievi konsulenza mlaħħma minn kumpanija marbuta mal-VGH u l-Istewards.
Il-politiku li kien stqarr fi 2013 li ser jmexxi il-pajjiż bi stil ġdid mhux biss waqa’ għal warrani, safrattant spiċċa literalment jivvomtu f’wiċċ is-segwaċi tiegħu li tant tawh sostenn meta kellu bżonn meta kien fl-oppożiżżjoni u sewwa meta kien fil-Gvern.
Twassalna ukoll biex nistaqsu jekk hemmx affarijiet oħra li ma nafux u li ser ikomplu juruna kemm ġejna żvjati fuq il-karattru ta’ Muscat u kif ukoll fuq il-vera aġenda tiegħu.
Ħasra kbira għal pajjiż u għall-partit Laburista u wisq aktar għal min emmen fl-integrita ta’ bniedem u illum qed jurina l-vera kuluri tiegħu.