Editorjal | Żewġ traġedji, żewġ stejjer
Eluf ta’ mili l-bogħod u mijiet ta’ mili minn Malta vapur bi mijiet ta’ persuni li kienu qed joħolmu li jibdew ħajja ġdida fl-Ewropa għerqu fil-baħar f’traġedja li setgħet kienet evitata. Dawn ukoll ħallsu, xi $5,000 jew $7,000 biex sfortuntament huma wkoll spiċċaw f’ħalq il-mewt
Jekk kien hemm avveniment li ċertament żamm lil kulħadd iċċassat fuq il-mezzi tax-xandir b’mod speċjali fuq il-BBC jew ic-CNN kienet l-aħbar ta’ ħames persuni li għebu fuq tip ta’ sottomarin mhux ikbar minn vann żgħir li kien nieżel biex jara il-vapur Titanic. Kapriċċ redikolu deskritt bħala esperiment li wassal għal katastrofija sħiħa u li ħa l-ħin u r-riżorsi ta’ ħafna nies bit-tama li jippruvaw isalvaw lill-vittmi. Mhux b’sorpriża li ma kien hemm ebda sforz simili għal dawn l-imigranti li rriskjaw kollox biex jippruvaw jgħixu x’imkien ieħor.
Bħalma nafu dawn kollha mietu u sirna nafu dan wara li kien hemm operazzjoni massiċċa minn pajjiżi differenti biex jinstab dan is-sottomarin u l-ħames persuni. In-nefqa u l-impenn kien wieħed impressjonanti. L-attenzjoni tal-midja kienet waħda straordinarja.
Eluf ta’ mili l-bogħod u mijiet ta’ mili minn Malta vapur bi mijiet ta’ persuni li kienu qed joħolmu li jibdew ħajja ġdida fl-Ewropa għerqu fil-baħar f’traġedja li setgħet kienet evitata. Dawn ukoll ħallsu, xi $5,000 jew $7,000 biex sfortuntament huma wkoll spiċċaw f’ħalq il-mewt.
Il-Greċja pajjiż Ewropew li kellhom ir-responsabbilità li jgħassu dan il-vapur għażlu li ma jagħmlu xejn. Tipika għall-Griegi li bħal Maltin jikkunsidraw il-migranti bħala piż żejjed. U dan skont l-aġenzija Ewropea li tgħasses il-migrazzjoni.
Ironikament kien hemm superyacht li mar fuq il-post u offra għajnuna u salva numru mdaqqas ta’ migranti. Imma oħrajn inkluż nisa u tfal tilfu l-ħajja tagħhom fl-ibħra.
Ir-rappurtaġġ għal din it-traġedja kienet fqira u mingħajr frilli. Fl-istess żmien pajjiżna wkoll kien qed imexxi diskussjonijiet ma’ pajjiżi sħab fl-Ewropa biex jaraw kif jistgħu jwaqqfu l-migrazzjoni u mhux isalvaw in-nies.
Gvernijiet bħal ta’ Robert Abela, Meloni u anke tal-Greċja kollha tal-istess fehma li għalihom dawn in-nies – li ħafna minnhom qed jaħarbu mir-realtà tal-gwerer u faqar kbir - posthom mhux magħna imma fil-pajjiż fejn twieldu.
Jekk qatt kien hawn mument ta’ qtugħ ta’ qalb issa huwa l-mument. Jekk qatt kien hawn mument fejn jintwera biċ-ċar l-egoċentriżmu tal-ġnus u min imexxihom, dan hu l-mument. Hemm bżonn li meta nitkellmu fuq solidarjetà u moralità, nifhmu ftit liema suġġetti nixtiequ nħallu barra. U liema nixtiequ ninkludu mal-lista!