Editorjal | Għal min irid jiftakar
Gonzi m’huwa differenti xejn mill-politiċi tal-illum u tal-bieraħ. Jinsew kemm ma għamlu xejn, jinsew kemm nibtu kultura materjalista u kultura neo-liberali bla kantunieri. Bażikament litanija ta’ eżempju ta’ politika tal-kompromessi. Gonzi kien konservattiv biss meta kien jiġi għal temi bħad-divorzju, cannabis, IVF u żwieġ ċivili
Xi ġranet ilu stejqer l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi li kien Prim Ministru Nazzjonalista ta’ Malta minn 2004 sa 2013. Gonzi ċanfar il-mod kif Malta kienet qed tirriklama lilha nnifsiha.
Kien qed jirrispondi għall-artiklu fil-gazzetta tabloid Ingliża The Sun fejn inkiteb artiklu ipinġi lil Malta bħala mekka għas-sess, droga u divertiment. Gazzetta li apparti li kienet assoċjata ma kxif ta’ sdieri, hija wkoll magħrufa għall-esaġerazzjonijiet fil-kitba. Fil-qosor gazzetta tal-ħabba gozz.
Ir-reazzjoni ta’ Gonzi kienet waħda tal-biki u tad-daħk. Qishu illum biss Malta qed isservi biex tattira turisti li jiġu hawn biex jieħdu pjaċir bla limitu ta’ xejn. Bħallikieku issa nibtu l-klabbs ta’ barra, divertiment sa kmieni filgħodu, barijiet bla kontrolli, Paceville u Bugibba bla limitu u Ġenna għal min irid isib d-droga.
Qishu kien hemm amneżija totali minn persuna li serva ta’ Prim Ministru meta Malta ma kienitx xi Stat tat-Taliban iżda l-istess Malta fejn kienu jaslu eluf ta’ Turisti li bħal xi turisti li jiġu illum iduqu wkoll is-sess, id-droga u x-xorb.
Gonzi m’huwa differenti xejn mill-politiċi tal-illum u tal-bieraħ. Jinsew kemm ma għamlu xejn, jinsew kemm nibtu kultura materjalista u kultura neo-liberali bla kantunieri. Bażikament litanija ta’ eżempju ta’ politika tal-kompromessi. Gonzi kien konservattiv biss meta kien jiġi għal temi bħad-divorzju, cannabis, IVF u żwieġ ċivili.
Il-kumplament, jekk ġo Paceville barijiet kienu jbiegħu l-Vodka lit-tfal taħt l-eta, jew li l-klabbijiet (gentlemen’s clubs) jisfruttaw in-nisa, jew li postijiet ta’ divertiment jibqgħu miftuħa sa’ kmieni filgħodu għad-detriment tar-residenti jew li l-barunijiet tad-droga joperaw mingħajr tfixkil, danakollu ma tantx inkwieta lil Gonzi meta kien Prim Ministru.
Ir-realta’ hi li meta taċċetta kultura neo-liberali, mibnija fuq is-suq ħieles ikollok taċċetta l-eċċessi ta’ soċjeta moderna u materjalista.
L-għar ħaġa hi li tkompli taħseb li inti kont l-aħjar u żmienek ukoll. Ċertament taħt Gonzi kien hemm affarijiet tajbin imma li konna b’xi mod anqas attrajenti għal min ifittex id-divertiment bla kantunieri bla tmien.... dik ħija ħrafa oħra li ma nafx min irid jemmen li hija vera.. Forsi Gonzi nesa x’kien jiġri fil-passat.