Editorjal | L-istraġi taż-żibel fit-toroq Maltin
Kien hemm żmien meta l-ambjent kien ifisser li żżomm Malta nadifa. Qabel ma nibtu l-ewwel għaqdiet ambjentali f’1985 b’reazzjoni għal-liġijiet kontroversjali ta’ l-ippjanar mfassla dak iż-żmien mill-Gvern ta’ Mintoff, ħadd ma kien jitkellem fuq l-istupru tal-art bħala problema ambjentali. Fl-1985 id-diskors kien fuq l-permessi tal-bini kullimkien u bla ħsieb. Jekk dakinhar kien hemm rabja, llum b’ dak li qed jiġri għandu jkun hemm rewwixta għall-mod kif istuprajna l-art twelidna. Imma ejja nmorru lura għat-tema oriġinali - il-ħmieġ u ż-żibel fit-toroq Maltin!
B’dak li qed jiġri fuq livell lokali qed naraw falliment sħiħ fil-ġbir taż-żibel u kif ukoll fin-nuqqas ta’ infurzar, frott ta’ popolazzjoni kbira u barranija.
Qed nindunaw kemm l-affarijiet m’għadhomx sostennibli u kemm bqajna lura u kemm fadlilna biex inkunu nafu x’inhi n-normalita.
Bħal kull ħaġa oħra fid-dinja hemm responsabbilità politika għal din il-problema. Għalxejn ser noqgħodu nwaħħlu fil-LESA jew f’dawk l-operaturi privati li jiġbru ż-żibel.
Li qed naraw huwa ż-żibel u l-ħmieġ esaġerat qed jakkumula f’lokalitajiet fejn hemm konċentrazzjoni ta’ turisti jew appartamenti għal kiri. U ma hemmx pjan ċar u holistiku kif nindirizzaw din il-problema.
Evidentament hemm tħarbit totali fil-mod kif isir il-ġbir u kif ukoll nuqqas ta’ għarfien ta’ x’tip ta’ servizzi hemm għad-dispożżjoni tar-residenti.
Jekk mhux ser ikun hemm ir-rieda politika li l-affarijiet jitmexxew aħjar u ma jkunx hemm direzzjoni tajba u strateġija tajba mhux ser insolvu l-problema.
Għal darb’ oħra parti mir-responsabbilità taqa’ fuq il-Ministru Miriam Dalli, iżda hemm Ministri oħra li huma indirettament involuti, fosthom Owen Bonnici, Byron Camilleri u Clayton Bartolo.
Huwa għalhekk li jeħtieġ li l-Prim Ministru Robert Abela jġib dawn il-Ministri flimkien biex jaraw kif l-operat jista’ jitjieb. Issa hemm bżonn azzjoni immedjata.
Jekk lanqas iż-żibel ma aħna kapaċi niġbru mur ara kemm ser naraw li n-nies ser jispiċċaw konxji ta’ ambjent nadif.
Qabel ma nippriedkaw kif għandhom jaġġixxu n-nies għandhom ikunu l-awtoritajiet stess li jaraw li s-servizzi bażiċi jkunu qed jaħdmu sew. L-inqas li nistgħu nitolbu wara dan il-ftaħir kollu dwar pajjiż mimli suċċessi!