Editorjal | U dan il-pajjiż medjokri
Wasalna f’sitwazzjoni fejn il-klassi politika kważi mhux qed tagħti każ aktar. Fejn literalment qishu kollox jibqa għaddej. Fejn ħadd ma għandu idea ta’ fejn sejrin u minn fejn ġejna
Minn boroż iffriżati għal suldati fit-toroq, qisu ħadd ma jaf eżattament kif ħa nsolvu l-problema tal-iskart, jew inkella kif anke sempliċiment niġbruħ.
Il-problema issa mhux il-muntanja tal-Magħtab jew inkella l-ħruq taż-żibel u l-impatt fuq is-saħħa tal-bniedem, iżda l-amministrazzjoni u l-immaniġjar tal-ġbir tal-iskart.
Din il-problema turi l-istat ħażin li spiċċajna fih bħala pajjiż.
Kien hemm żmien meta konna niftaħru li hemm affarijiet li jaħdmu sew fil-pajjiż: il-posta waħda minnhom, il-ġbir ta’ skart kienet oħra. Bid-deċiżjonijiet żbaljati spiċċajna ħawwadna l-borma iktar milli kienet imħawwda. Ma konniex kapaċi nagħrfu li ż-żieda fenomenali fl-appartamenti ‘short-let’ u ż-żieda fil-popolazzjoni kienet ser twassalna biex inkunu inkapaċi li noperaw servizz sempliċi li f’dinja moderna huma bżonnjużi u meħtieġa.
U ċ-ċirasa fuq l-kejk meta f’kumment fuq il-programm Xtra il-kap eżekuttiv tal-Wastserv Richard Bilocca stqarr b’mod redikolu li jekk l-iskart organiku jinten tista' faċilment tiffriża l-iskart organiku biex tevita l-irwejjaħ.
Kumment li wassal biex ċorma nies jidħku u jibku fl-istess ħin, ħasra meta tqis li Richard Bilocca li kien tekniku u uffiċċjal f’Dar Malta fi żmien amministrazzjoni oħra huwa wieħed mill-iktar maniġers tajbin li għanda fis-servizz pubbliku.
Gwapp daqsu kien Pillow, is-sindku ta’ Tas-Sliema li talab li joħorġu s-suldati imma mhux bl-uniformi biex igħinu fl-infurżar fil-kunsilli lokali.
Jew aħjar fejn f’diskursata telefonika ma’ resident jinstema jgħid – ser inħallu ż-żibel u niġbruħ wara l-protesta ta’ Tas-Sliema niex nagħtu l-impressjoni li hawn ħafna żibel. Imbgħad wieħed jistgħaġeb meta nargumentaw li ma hemmx onestà f’dawk li jikkritikaw.
Danakollu sintomu ta’ pajjiż medjokri. Pajjiż li kiber b’għaġġla kbira u ma rax iktar il-bogħod minn imnieħru.
Dan hu pajjiż imexxi wkoll minn politiċi li jibżgħu jieħdu deċiżjonijiet u minn xi kunsill lokali li huma motivati minn interessi oħra.
Wasalna f’sitwazzjoni fejn il-klassi politika kważi mhux qed tagħti każ aktar. Fejn literalment qishu kollox jibqa għaddej. Fejn ħadd ma għandu idea ta’ fejn sejrin u minn fejn ġejna.
Qed ngħixu realtà fejn l-opinjoni pubblika ma tgħoddx u fejn il-politiċi u l-Ministri ifarfru l-problemi taħt it-tapit.
Lil hinn mill-ftaħir ta’ rekords u n-numri u ċ-ċifri, hemm dinja oħra ta’ munzelli ta’ żibel, żdingar u intransiġenża politika.
Ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk.