Editorjal | EuroPride – Il-kisbiet kbar fl-ugwaljanza
Irid jiġi żmien meta dawn l-isfidi ma jibqgħux sfidi imma jkunu meqjusa bħala parti minn ħajjitna, fejn il-kelma “differenza” tispiċċa u tidħol biss il-kelma diversità
Forsi ftit huma dawk li jifhmu kif ġrat ir-riforma fil-kamp ta’ dawk il-persuni ta’ orjentazzjoni sesswali differenti f’pajjiżna.
Fl-2013, il-Partit Laburista ma kellu l-ebda aġenda ddikjarata biex jagħmel bidliet fil-liġijiet li jagħtu drittijiet lil persuni gay jew inkella ta’ orjentazzjoni sesswali mhux eterosesswali.
Kien mument sorprendenti għalhekk li Joseph Muscat – dakinhar Prim Ministru – għażel li jniedi numru ta’ riformi. Kienu radikali. Radikali wkoll għax il-pajjiż u l-partit politiku li kien qed imexxi ma kienx lest għal dawn ir-riformi.
Bis-saħħa ta’ maġġoranza assoluta, b’Oppożizzjoni dgħajfa u bi Knisja bi tmexxija kemxejn kawta (anke wara d-disfatta tagħha fir-referendum tad-divorzju), Muscat kien jaf li kellu mixja mingħajr wisq xkiel.
Dawk li jafu l-istorja politika u kienu osservaturi politiċi jafu li kien hemm persuna partikolari strumentali biex tinbidel il-fehma ta’ Muscat. Cyrus Engerer, illum deputat parlamentari f’isem il-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew, kien magħruf li jqatta’ ħinijiet twal ma’ Muscat jargumenta u jfissirlu r-riformi li kien hemm bżonn jiġu introdotti.
Muscat, magħruf illum ukoll għall-iskandli politiċi li seħħew meta kien Prim Ministru, ċertament jixtieq jiġi mfakkar bħala r-riformista li nieda litanija ta’ riformi liberali, kif ukoll kuraġġużi. L-istorja trid tinkiteb u wieħed irid jara xi jkunu l-istejjer li jibqgħu mfakkra.
Li huwa ċert hu li Engerer, li kien ġej mill-kamp politiku Nazzjonalista qabel ma daħal mal-PL, irnexxielu jikkonvinċi lil Muscat dwar dawn ir-riformi. Muscat, ta’ annimal politiku li hu, għaraf l-importanza tal-vot ta’ dan is-settur, tant hu hekk li kien kapaċi jisraq eluf ta’ voti minn dan il-kamp mill-Partit Nazzjonalista.
Fil-ġranet li ġejjin Malta tilqa’ l-Europride. Ċelebrazzjonijiet li jagħtu l-opportunità li jkun hemm mumenti ta’ espressjoni unika. Avveniment li għandu jikkonferma kemm is-soċjetà Maltija trid u tixtieq turi t-tolleranza għal min fuq medda ta’ sekli u snin safa’ mwarrab u ma kienx integrat.
Irid jiġi żmien meta dawn l-isfidi ma jibqgħux sfidi imma jkunu meqjusa bħala parti minn ħajjitna, fejn il-kelma “differenza” tispiċċa u tidħol biss il-kelma diversità.